Imputati (proċeduri kriminali)

Malta

Il-kontenut ipprovdut minn
Malta

A. Għandi d-dritt li nappella d-deċiżjoni tal-qorti?

Persuna misjuba ħatja ta’ akkuża tista' tappella kontra l-kundanna tagħha fil-każijiet kollha jew kontra s-sentenza mogħtija fuq il-kundanna tagħha sakemm is-sentenza ma tkunx waħda stabbilita bil-liġi. Appell qatt ma jista’ jirriżulta f’sentenza ta’ severità akbar. Persuna akkużata tista’ wkoll tappella kontra verdett ta’ ħatja fuq bażi ta’ ġenn. F'ċerti każijiet il-Qorti tista' wkoll tordna li l-każ jinstema’ mill-ġdid.

B. X’għażliet ta’ rikors oħra għandi?

Wieħed jista’ jitlob wara kundanna għall-maħfra presidenzjali. Din hija għodda diskrezzjonali qawwija ħafna, regolata mill-artikolu 93 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u hi vestita fil-fergħa eżekuttiva tal-Istat, speċifikament fil-President ta’ Malta. Maħfra presidenzjali tagħti s-setgħa lill-President, permezz tal-Kabinett, biex jassumi setgħat ordinarjament mogħtija lill-organu ġudizzjarju tal-Istat.

Ġeneralment, maħfra tista’ twaqqaf l-effetti ta’ kundanna kriminali billi, pereżempju, tordna li priġunier li qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija jinħeles minnufih mill-ħabs. Il-President jista’ wkoll, skont l-artikolu 93 tal-Kostituzzjoni, jissostitwixxi forma inqas severa ta’ piena jew minħabba bidla fil-liġi fejn il-piena relattiva tkun tnaqqset.

C. X’inhuma l-konsegwenzi jekk niġi kkundannat?

Uħud mill-konsegwenzi ta’ kundanna kriminali jistgħu jkunu multa jew perjodu ta’ priġunerija, telf ta’ kondotta nadifa u ħsara lir-reputazzjoni tal-persuna.

i. Ir-rekord kriminali

Kull kundanna mogħtija mill-qrati ta’ ġurisdizzjoni kriminali tiġi reġistrata fil-fedina penali tal-persuna misjuba ħatja ħlief meta:

  1. l-kundanna tkun fuq kontravvenzjoni; jew
  2. il-persuna ikkundannata misjuba ħatja ta’ delitt tkun taħt l-età ta’ tmintax-il sena meta dan ikun sar; jew
  3. tkun ingħatat dwar dik il-kundanna l-maħfra tal-President ta’ Malta;
  4. l-ordni jkun magħmul taħt id-disposizzjonijiet tal-Att dwar il-Probation;
  5. hija sejbien ta’ ħtija ta’ persuna mingħajr sejbien ta’ħtija preċedenti li fir-rigward tagħha, piena li tikkonsisti f’multa ta’ mhux aktar mitejn euro ġiet imposta u imħallsa.

Ebda kundanna ma tiġi mniżżla wara li jiskadi t-terminu elenkat fit-Tieni Skeda tal-Ordinanza Dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta (Kap. 77) minn meta din tkun ingħatat.

Il-benefiċċju li kundanna ma tiġix irreġistrata, kif imsemmi qabel, ma jingħatax lill-persuni reċidivi fid-delitt ta’ serq, jew ta’ frodi jew ta’ bejgħ jew traffikar ta’ mediċini bi ksur tad-disposizzjonijiet tal-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi jew tal-Ordinanza dwar il-Professjoni Medika u l-Professjonijiet li Għandhom x’Jaqsmu Magħha, jew ikunu ġew ikkundannati għad-delitti msemmija fit-Tielet Skeda tal-Ordinanza (bħal delitti kontra s-sigurtà tal-Gvern), sperġur u tteħid ta’ ġurament falz jew xi reati li jiksru l-fiduċja pubblika.

ii. Eżekuzzjoni ta’ sentenza, trasferiment ta’ priġunieri, probation u sanzjonijiet alternattivi

Apparti kundanni ta’ priġunerija u/jew multi, jeżistu wkoll alternattivi oħra ta’ sanzjonijiet. Dawn huma il-probation, is-sentenza sospiża u l-ordinijiet għal servizz fil-kommunità.

Persuna barranija li tkun weħlet piena ta’ priġunerija hawn Malta tkun tista’, taħt ċertu konduzzjonijiet, tiskonta s-sentenza tagħha fil-pajjiż tar-residenza tagħha kemm taħt il-Konvenzjoni Ewropeja Dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati (ETS No 112) jew inkella taħt id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill (UE) 2008/909/GAI skont il-każ.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.