Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Czechia

Content provided by:
Czechia

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Iva, iżda bħala vittma, int tista’ tappella biss kontra l-parti operattiva tas-sentenza dwar il-kumpens għad-danni, għal ħsara mhux pekunarja jew restituzzjoni ta’ arrikkiment indebitu.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tinqata' s-sentenza?

Ara tweġibiet oħra.

Jien intitolat(a) għal appoġġ jew għal protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

L-appoġġ (assistenza professjonali) jista’ jiġi pprovdut anki wara li jintemmu l-proċedimenti ġudizzjarji sakemm ikun meħtieġ skont l-iskop tiegħu. Protezzjoni speċjali (imsemmija aktar ’il fuq) spiss tista’ tfisser bidla dejjiema fil-mod tal-għajxien u, għalhekk, skont in-natura tagħha stess, tiġi pprovduta saħansitra wara li jintemmu l-proċedimenti kriminali.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jiġi kkundannat?

Fuq talba tiegħek, int tingħata d-deċiżjoni finali, li jkun fiha informazzjoni dwar il-piena u l-forma tagħha. Jekk int titlob id-danni jew kumpens għal ħsara mhux pekunarja jew għal arrikkiment indebitu, is-sentenza dejjem tiġi notifikata lilek.

Barra minn hekk, ħabs jew istituzzjoni li tipprovdi detenzjoni tas-sigurtà jew trattament protettiv, fuq talba tiegħek, tagħtik xi informazzjoni addizzjonali, speċjalment dwar:

  • l-illiberar jew il-ħarba tal-persuna kundannata mill-ħabs, mid-detenzjoni tas-sigurtà jew minn trattament protettiv;
  • sospensjoni tal-priġunerija;
  • estradizzjoni tal-persuna kundannata fi stat barrani jew it-trasferiment tagħha fi Stat Membru tal-UE.

Jekk il-persuna akkużata nħelset jew ħarbet u int tinsab fil-periklu minħabba li int xhud, l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jinformaw lill-pulizija minnufih, li tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura s-sikurezza tiegħek u tinformak.

Se niġi informat(a) jekk it-trasgressur jinħeles (inkluż libertà kmieni jew libertà kondizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Iva, ara aktar ’il fuq.

Inkun involut(a) f’deċiżjonijiet dwar l-illiberar jew il-parole? Pereżempju, nista’ nagħmel dikjarazzjoni jew nippreżenta appell?

Fi kwalunkwe waqt matul il-proċedimenti kriminali, int ikollok id-dritt li tagħmel dikjarazzjoni dwar l-impatt tar-reat fuq ħajtek s’issa.

Madankollu, m’intix intitolat(a) li tappella kontra deċiżjoni dwar rilaxx kondizzjonali jew imġiba tajba ta’ persuna b’kundanna kondizzjonali.

L-aħħar aġġornament: 16/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.