Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Luksemburg

Sadržaj omogućio
Luksemburg

Kif nirrapporta reat?

Il-vittmi ta’ reat kriminali jistgħu jirrapportaw reat (jippreżentaw kwerela):

  • għand il-Pulizija tal-Lussemburgu;
  • għand il-Prosekutur Pubbliku b’ġuriżdizzjoni għaż-żona kkonċernata.

Għad li kulħadd jista’ jirrapporta reat, jekk il-vittmi jkun biħsiebhom jieħdu sehem fil-proċedimenti bħala parti ċivili, dawn iridu jippreżentaw kwerela b’mod personali jew inkella permezz tal-avukat tagħhom.

Il-vittmi jistgħu jmexxu prosekuzzjoni privata kontra l-awtur quddiem il-qorti tal-pulizija jew quddiem awla kriminali tal-qorti distrettwali.

Il-kwerela trid tiġi ppreżentata f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Lussemburgu, jiġifieri l-Lussemburgiż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż. Il-vittmi li ma jitkellmux b'xi waħda minn dawn it-tliet lingwi huma intitolati għal interpretu mingħajr ħlas. Il-kwerela idealment trid issir bil-miktub, bla ma jkun hemm bżonn li tiġi rispettata forma partikolari, u trid tindika:

  • il-kunjom, l-isem, il-post u d-data tat-twelid, ix-xogħol u d-domiċilju tal-kwerelant;
  • l-avveniment li wassal għad-dannu mġarrab;
  • in-natura tad-dannu.

Il-perjodu li matulu l-vittma trid tippreżenta kwerela jiddependi, b’mod partikolari, mill-perjodu ta’ limitazzjoni tar-reat. Il-perjodu jvarja bejn sena u għaxar snin.

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

Il-vittmi għandhom id-dritt:

  • li jiġu informati b’mod awtomatiku meta l-kawża tagħhom tingħalaq u dwar ir-raġunijiet għaliex;
  • fuq talba, li jiġu informati li l-kawża tagħhom qiegħda taħt investigazzjoni ġudizzjarja;
  • fuq talba, li jiġu informati dwar l-istat tal-proċedimenti kriminali;
  • li jiġu informati b’mod awtomatiku mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku dwar id-data tas-seduta meta ser isir il-proċess tal-kawża tagħhom;
  • fuq talba, li jiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe sentenza finali fil-prosekuzzjoni.

Meta l-kwerela tiġi ppreżentata għand il-Prosekutur Pubbliku, fi żmien 18-il xahar mindu jirċievi l-kwerela jew l-akkuża, il-Prosekutur Pubbliku jinforma lill-vittma b'kull azzjoni meħuda b'segwitu, inkluż, fejn xieraq, bl-għeluq tal-kawża u r-raġuni bażi.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess kriminali)? B'liema kundizzjonijiet?

Biex jiġi żgurat aċċess għall-ġustizzja fil-każ li l-vittmi ma jkollhomx biżżejjed riżorsi, b’mod partikolari b’rabta mal-introjtu minimu garantit, dawn għandhom id-dritt li jirċievu appoġġ legali sħiħ mingħajr ħlas għad-difiża tal-interessi tagħhom. Din l-għajnuna tiġi pprovduta mill-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati, jekk il-vittmi jitolbuha u jkunu:

  • ċittadini tal-Lussemburgu,
  • ċittadini barranin awtorizzati jgħixu fil-pajjiż,
  • ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE),
  • ċittadini barranin assimilati għal ċittadini tal-Lussemburgu fil-kwistjoni tal-għajnuna legali permezz ta’ trattat internazzjonali.

Biex jiġu ddeterminati r-riżorsi finanzjarji, jiġu kkunsidrati l-introjtu gross totali u l-ġid, kif ukoll l-introjti tan-nies li jgħixu fl-istess abitazzjoni. Minbarra l-każ ta’ riżorsi limitati, il-vittmi jistgħu jirċievu għajnuna legali wkoll jekk ikun hemm raġunijiet serji relatati mas-sitwazzjoni soċjali, tal-familja jew materjali tagħhom li jiġġustifikaw l-eliġibbiltà.

Talba għall-għajnuna legali trid issir bl-użu ta’ kwestjonarju disponibbli mingħand is-Servizz Ċentrali tal-Assistenza Soċjali (http://www.guichet.public.lu/citoyens/fr/organismes/service-central-assistance-sociale/index.html) iffirmata mill-vittma u mibgħuta lill-President kompetenti fit-territorju tal-Kamra tal-Avukati (Diekirch jew il-Lussemburgu).

Il-kwestjonarju li jrid jimtela jinkludi b’mod partikolari:

  • l-identità (il-kunjom, l-ismijiet, il-post u d-data tat-twelid, ix-xogħol, id-domiċilju, l-istat ċivili, in-nazzjonalità) tal-vittma;
  • in-natura tal-litigazzjoni li l-għajnuna legali hi meħtieġa għaliha;
  • is-sitwazzjoni tal-familja tal-vittma;
  • iċ-ċirkustanzi finanzjarji tal-vittma.

Il-vittmi jistgħu jindikaw ukoll isem l-avukat(i) li jixtiequ li jiġu assenjati permezz tal-iskema ta’ għajnuna legali, jew fejn applikabbli, jindikaw isem l-avukat li bħalissa hu assenjat lilhom.

Id-dokumenti li jridu jinhemżu mat-talba mill-vittmi:

  • kopja tad-dokument tal-identità tagħhom;
  • ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maċ-Ċentru Konġunt tas-Sigurtà Soċjali (Centre Commun de la Sécurité Sociale - CCSS) kif ukoll għal persuni li jappartjenu għall-unitajiet domestiċi tagħhom;
  • għall-persuna kkonċernata u għal kull membru tal-unità domestika: rendikonti tal-paga (jew ċertifikat tal-introjtu tas-CCSS), irċevuti tal-introjtu minimu garantit, benefiċċju tal-qgħad jew irċevuti tal-pensjoni jew irċevuti oħra li jkopru l-aħħar tliet xhur u li jindikaw l-ammonti gross (rendikonti tal-bank mhumiex biżżejjed);
  • ċertifikat ta’ bilanċ żero mill-Fond Nazzjonali ta’ Solidarjetà (Fonds national de solidarité) għal kull membru tal-unità domestika, jekk l-unità domestika ma tirċievi xejn mill-Fond;
  • jekk l-unità domestika tirċievi jew tħallas pensjoni tal-manteniment, dokument li jindika l-ammont imħallas jew irċevut (rendikonti tal-bank għall-aħħar tliet xhur, pereżempju);
  • sjieda tal-proprjetà immobbli jew ċertifikat ta’ nuqqas ta’ sjieda maħruġ mill-Amministrazzjoni tat-Taxxa tal-Lussemburgu (Administration des contributions directes) għal kull membru tal-unità domestika;
  • fejn applikabbli, dokumenti ta’ sostenn għas-sjieda tal-proprjetà immobbli li tinsab barra l-pajjiż;
  • evidenza dokumentarja ta’ assi mobbli (flus, tfaddil, ishma, bonds, eċċ.);
  • jekk l-abitazzjoni hi mikrija, kopja tal-kuntratt ta’ lokazzjoni u rċevuti tal-kirja għall-aħħar tliet xhur;
  • jekk l-unità domestika qed tħallas ipoteka, prova tal-ħlas tal-ammont fix-xahar;
  • evidenza dokumentarja tal-introjtu mill-proprjetà immobbli u mill-proprjetà mobbli;
  • dokumenti relatati mal-kawża inkwistjoni.

Nista’ nitlob l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? B'liema kundizzjonijiet?

Wara li tiġi vverifikata l-insuffiċjenza tar-riżorsi, l-għoti jew ir-rifjut tal-għajnuna legali jiġi notifikat mill-President tal-Kamra tal-Avukati jew mill-membru delegat mill-President għal dan l-għan, bil-posta ordinarja jekk tkun ingħatat u b’ittra rreġistrata jekk tkun ġiet irrifjutata. Il-President jaħtar l-avukat li l-vittma tkun għażlet liberament jew, jekk ma ssir ebda għażla jew il-President iqis li l-għażla mhix waħda xierqa, avukat nominat.

Nutara u bailiffs jinħatru ex officio mill-qorti li tieħu ħsieb il-kawża fi ħdan il-qafas tal-għajnuna legali.

Jekk l-għajnuna legali tingħata matul il-proċedimenti, l-ispejjeż imġarrba mill-vittma jiġu rimborżati.

Spejjeż mhux rimborżati

Jekk il-vittma tirċievi għajnuna legali u tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż, dawn jiġġarrbu mill-Istat.

F’kawżi kriminali, l-għajnuna legali ma tkoprix l-ispejjeż u l-multi imposti fuq persuni li huma kundannati.

Nista’ nappella jekk il-kawża tiegħi tingħalaq qabel nitla' l-qorti?

Jekk kawża tingħalaq qabel ma tasal quddiem il-qorti, in-notifika tispeċifika l-kundizzjonijiet biex il-vittmi jkunu jistgħu jiftħu proċedimenti billi jippreżentaw prosekuzzjoni privata jew talba bħala parti ċivili.

Jekk il-pieni għar-reati jkunu pieni kriminali jew pieni korrettivi, in-notifika tinkludi l-informazzjoni li l-vittmi jistgħu japplikaw quddiem il-Prosekutur Ġenerali tal-Istat, li jkollu d-dritt li jordna l-prosekuzzjoni lill-prosekutur tal-istat.

Jekk il-kunsill ġudizzjarju (Chambre du conseil) jiddeċiedi li ma jirreferix il-kawża kriminali lil qorti li tiddeċiedi dwar il-ħtija tal-awtur allegat, il-vittmi jistgħu jappellaw quddiem il-kunsill ġudizzjarju tal-Qorti tal-Appell. Għaldaqstant, dawn għandhom id-dritt li jippreżentaw talbiet u kummenti lil dan il-kunsill.

Jekk il-kunsill ġudizzjarju jiddeċiedi li jwaqqa’ l-kawża għal raġunijiet ta’ fatt u mhux ta' dritt, il-vittmi xorta waħda jistgħu jirrikorru quddiem qorti ċivili biex jiksbu kumpens għad-danni.

Kif nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Bħal fl-inkjesta/fl-investigazzjoni, il-vittmi jistgħu jieħdu sehem fil-proċedimenti bla ma jkollhom xi status speċjali jew bħala parti ċivili.

Il-vittmi jistgħu jattendu kemm seduti pubbliċi kif ukoll mhux pubbliċi, iżda biss jekk jitħarrku bħala xhieda. Dawn jistgħu jintalbu jidhru wkoll bħala xhieda għas-sottomissjonijiet orali. Għal dan l-għan, huma jirċievu taħrika bil-miktub mingħand il-Prosekutur Pubbliku u jridu jwieġbu kemm il-mistoqsijiet tal-Qorti kif ukoll il-mistoqsijiet li jagħmlilhom l-avukat tal-parti opposta. Matul il-proċess, il-vittmi jpoġġu fuq wara tal-awla biex ma jidħlux f’kuntatt dirett mal-persuna akkużata.

Il-partijiet ċivili jirċievu taħrika bil-miktub għas-sottomissjonijiet orali. Dawn għandhom ukoll id-dritt li jattendu għal seduti pubbliċi u mhux pubbliċi, u jridu jkunu preżenti biex jippreżentaw it-talbiet tagħhom. Fil-prinċipju, dawn jintervjenu wara s-smigħ tax-xhieda. Barra minn hekk, dawn jistgħu jargumentaw il-kawża fuq kull materja relatata mal-interessi ċivili tagħhom u jistgħu jixhdu fuq il-fatti.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, nitqies jew nista’ nagħżel li nitqies bħala vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Ir-rwol uffiċjali tiegħek fis-sistema ġudizzjarja hu dak ta’ vittma mingħajr status speċjali. Il-vittmi għandhom id-dritt li jissieħbu fil-proċedimenti bħala partijiet ċivili.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

B’mod partikolari, il-vittmi għandhom id-dritt:

  • li jużaw lingwa li jifhmu, jew inkella li jkunu jistgħu jirrikorru għal interpretu fil-każ ta’ kwerela għand is-servizz tal-pulizija;
  • li jirċievu, mingħajr ħlas, kopja tal-kwerela u d-dokumenti li ppreżentaw b’appoġġ tal-kwerela;
  • li jiksbu rċevuta f’lingwa mifhuma minnhom li tispeċifika n-numru tal-atti u d-data u l-post tal-kwereli tagħhom, li jiksbu konferma tal-irċevuta tal-kwereli tagħhom magħmula għand il-Prosekutur Pubbliku;
  • li jkunu assistiti jew rappreżentati minn avukat;
  • li jiġu informati b’mod awtomatiku meta l-kawża tagħhom tingħalaq u dwar ir-raġunijiet għaliex;
  • fuq talba, li jiġu informati li l-kawża tagħhom qiegħda taħt investigazzjoni ġudizzjarja;
  • fuq talba, li jiġu informati dwar l-istat tal-proċedimenti kriminali;
  • li jiġu informati b’mod awtomatiku mis-servizzi tal-prosekuzzjoni dwar id-data tas-seduta meta ser isir il-proċess tal-kawża tagħhom;
  • fuq talba, li jiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe sentenza finali fil-prosekuzzjoni;
  • li jitolbu lill-imħallef li jisma’ l-kawża għal miżuri interim biex jagħti għotja proviżorja, dment li l-eżistenza tar-responsabbiltà tal-parti l-oħra ma tkunx tista’ tiġi ddubitata serjament.

Il-partijiet ċivili għandhom ukoll id-dritt:

  • li jitolbu kumpens mingħand il-persuna akkużata;
  • li jkunu involuti fl-investigazzjoni ordnata mill-imħallef inkwirenti;
  • li jitolbu lill-imħallef inkwirenti biex jordna inkjesti addizzjonali;
  • li jappellaw kontra ċerti inkjesti li jkollhom impatt fuq l-interessi ċivili tagħhom quddiem awla tal-qorti;
  • li jiġu interrogati biss jekk ikunu jixtiequ li dan iseħħ;
  • li jinġiebu wiċċ imb wiċċ mal-persuna akkużata jekk ikun hemm bżonn;
  • li jkollhom aċċess għall-atti, għall-uffiċċju tal-imħallef inkwirenti wara l-ewwel interrogazzjoni tal-persuna akkużata u l-jum qabel kull inkjesta li l-għajnuna legali tkun meħtieġa għaliha;
  • li jitolbu mingħand l-imħallef inkwirenti kopja tal-atti meta titlesta l-investigazzjoni;
  • li jitolbu perizja, li jisimgħu lix-xhieda u li jiġu ritornati lilhom oġġetti sekwestrati;
  • li jattendu għall-ispezzjoni tax-xena tar-reat.

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? B'liema kundizzjonijiet?

Ix-xhieda jistgħu jattendu għal seduti u jikxfu b’ġurament quddiem l-imħallef dak kollu li jafu dwar il-fatti. Ix-xhieda jridu jwieġbu kemm il-mistoqsijiet tal-Qorti kif ukoll il-mistoqsijiet li jagħmlilhom l-avukat tal-parti opposta.

Il-partijiet ċivili jistgħu jargumentaw il-kawża fuq kull materja relatata mal-interessi ċivili tagħhom u jistgħu jixhdu dwar il-fatti; avukat għal parti ċivili jista’ jinterroga lill-esperti kif ukoll lix-xhieda għad-difiża.

Fil-prinċipju, l-evidenza kollha tiġi ammessa dment li tiġi rikonoxxuta bil-ħsieb u mill-esperjenza li din tista’ tmexxi lill-imħallef biex jikkundanna. L-evidenza tista’ tiġi ppreżentata dment li l-partijiet ikunu jistgħu jgħidu dak li jaħsbu u jargumentaw dwarha.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

L-informazzjoni li ġejja tiġi komunikata lill-Vittma:

  • fuq talba: l-istat tal-proċedimenti kriminali;
  • b’mod awtomatiku: id-data tas-seduta meta ser isir il-proċess tal-kawżi tagħhom;
  • fuq talba: kwalunkwe sentenza finali fil-prosekuzzjoni.

Inkun nista’ nikseb aċċess għall-atti tal-qorti?

Meta tiġi ppreżentata kwerela għand il-pulizija, il-kwerelanti jirċievu kopja tal-kwerela mingħajr ħlas, minnufih jew inkella fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tal-kwerela. Il-kwerelanti jistgħu jitolbu wkoll lill-qorti li tieħu ħsieb il-kawżi tagħhom għal passi proċedurali speċifiċi.

Jekk il-kwerelanti ssieħbu fil-proċedimenti bħala partijiet ċivili, dawn għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għall-atti tal-kawża, fl-uffiċċju tal-imħallef inkwirenti, wara l-ewwel interrogazzjoni tal-persuna akkużata u l-jum qabel kull inkjesta li għaliha tkun meħtieġa l-għajnuna legali;

Meta jitlestew il-proċedimenti, l-imħallef inkwirenti jikkomunika l-atti tal-kawża lill-Prosekutur Pubbliku. Bħala parti ċivili, ikollok id-dritt tikkonsulta l-atti tal-anqas tmint ijiem tax-xogħol qabel ma l-kawża tiġi eżaminata mill-kunsill ġudizzjarju.

Partijiet ċivili, u persuni li jistgħu juru li għandhom interess personali leġittimu, għandhom id-dritt jirċievu kopja tal-atti tal-kawża, ħlief kwalunkwe karta u dokument sekwestrati, fi ħdan perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel id-data magħżula tas-seduta. Għal dan l-għan, dawn iridu jagħmlu talba lill-Prosekutur Pubbliku.

L-aħħar aġġornament: 08/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.