- Kif nirrapporta reat?
- Kif nista’ nsir naf x’qed jiġri dwar il-każ?
- Nista’ nitlob lura l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?
- Nista’ nkun involut fil-proċess?
- X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien meqjus jew nista’ nagħżel li nkun meqjus bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?
- X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?
- Nista’ nagħmel stqarrija jew nixhed matul il-proċess? Taħt liema kundizzjonijiet?
- X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?
- Jista’ jkolli aċċess għall-fajls tal-qorti?
Kif nirrapporta reat?
Jekk int sfajt vittma ta’ reat, tista’ tirrapportah fi kwalunkwe għassa tal-pulizija jew lill-prosekutur pubbliku.
Int tista’ tippreżenta r-rapport tiegħek bil-fomm jew bil-miktub u l-firma tiegħek hi meħtieġa. Ir-rapport jista’ jiġi ppreżentat ukoll minn terzi. Għalkemm dan mhuwiex obbligatorju, huwa rakkomandat li fir-rapport tinkludi d-dettalji personali rilevanti tiegħek, inkluż indirizz fejn tista’ tiġi kkuntattjat, kif ukoll id-dettalji personali tat-terzi li rrapportaw ir-reat.
Barra minn hekk, hu rakkomandat li tipprovdi kull evidenza u informazzjoni li int jista’ jkollok dwar il-persuna suspettata. Din tiffaċilita l-investigazzjoni.
Il-pulizija għandhom formola uffiċjali (ġeneralment permezz tal-kompjuter) li permezz tagħha jirreġistraw l-informazzjoni li tipprovdi. Minn dan il-punt ’il quddiem, ir-rapport tiegħek dwar ir-reat isir parti mill-fajl.
Int tista’ tirrapporta r-reat fi kwalunkwe għassa tal-pulizija jew direttament lill-prosekutur pubbliku.
Ir-rapport jista’ jiġi ppreżentat bil-Ġermaniż jew b’waħda mil-lingwi reġjonali uffiċjali.
Jekk ma tafx titkellem bil-Ġermaniż jew b’lingwa uffiċjali oħra sa livell suffiċjenti, int ikollok id-dritt li tkun assistit minn interpretu.
Fil-każ ta’ ċerti reati (eż. reati vjolenti jew reati sesswali), int tkun intitolat għal assistenza mingħand organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi meta tirrapporta r-reat.
Ma hemm ebda skadenza speċifika għar-rapportar ta’ reat. Madankollu, wara ċertu perjodu ta’ żmien stipulat bil-liġi, il-pulizija, il-prosekutur pubbliku jew il-qorti jistgħu jirrifjutaw li jeżaminaw il-każ. Dan il-perjodu ta’ żmien ivarja skont it-tip ta’ reat inkwistjoni (perjodi ta’ preskrizzjoni).
L-awtoritajiet huma obbligati jiftħu l-investigazzjoni meta jiġu informati dwar allegat reat (eċċezzjoni: reati soġġetti għal prosekuzzjoni privata).
Kif nista’ nsir naf x’qed jiġri dwar il-każ?
Ladarba tirrapporta r-reat, int tirċievi l-konferma bil-miktub tar-rapport tiegħek. Din tkun tinkludi numru ta’ referenza. Jekk aktar tard tikkuntattja lill-għassa tal-pulizija kompetenti u tikkwota dan in-numru ta’ referenza, int tkun tista’ tikkuntattja lill-uffiċjal inkarigat mill-każ tiegħek.
Jekk int tippreżenta r-rapport bil-miktub lill-pulizija jew lill-prosekutur pubbliku, int trid titlobhom in-numru ta’ referenza. L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi jgħinuk issib in-numru ta’ referenza t-tajjeb.
Bħala l-vittma ta’ reat, int għandek id-dritt li teżamina l-fajls. L-aċċess jista’ jiġi miċħud jew limitat biss jekk l-ispezzjoni tal-fajls tkun tista’ tipperikola l-investigazzjoni jew tinfluwenza x-xhieda tiegħek bħala xhud.
L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jinformak dwar żviluppi importanti fil-proċess. Pereżempju, int tiġi nnotifikat jekk l-awtoritajiet jiddeċiedu li ma jipproċedux bil-prosekuzzjoni, li jissospendu l-investigazzjoni, jew ikunu qed jikkunsidraw li jordnaw miżuri alternattivi għal proċedimenti kriminali konvenzjonali.
Jien intitolat għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?
Int tista’ tingħata appoġġ u tiġi rrappreżentat fil-komunikazzjoni tiegħek mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi minn avukat, minn membru ta’ organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi jew minn persuna xierqa oħra.
Jekk int intitolat għal appoġġ legali, l-avukati, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet speċjalizzati fl-appoġġ lill-vittmi, jappoġġawk mingħajr ħlas meta tasserixxi d-drittijiet tiegħek matul il-proċedimenti. Int għandek dritt għal assistenza psikosoċjali u legali jekk tkun ġejt espost għal vjolenza jew għal theddid perikoluż bħala konsegwenza ta’ att kriminali deliberat, jekk l-integrità sesswali jew l-awtodeterminazzjoni tiegħek ma jkunux ġew irrispettati jew jekk id-dipendenza personali tiegħek setgħet ġiet sfruttata fit-twettiq ta’ tali reat. L-assistenza tkun disponibbli wkoll għalik jekk int tkun qarib strett ta’ persuna li setgħet mietet minħabba r-reat jew int qarib li rajt ir-reat jitwettaq. Barra minn hekk, il-vittmi ta’ reati terroristiċi għandhom dritt għall-assistenza. L-assistenza trid tkun neċessarja għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-vittma u hi ggarantita mill-organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi. Il-vittmi li l-integrità sesswali tagħhom setgħet ma ġietx irrispettata u li għadhom ma għalqux l-14-il sena għandhom jingħataw assistenza psikosoċjali fil-proċedura fi kwalunkwe każ.
Jekk int m’intix intitolat għal servizzi ta’ assistenza għall-vittmi, int tista’ titlob lill-qorti għal għajnuna legali mingħajr ħlas jekk tissieħeb fil-proċedimenti bħala rikorrent ċivili. Jekk il-qorti tqis li r-rappreżentanza legali tkun neċessarja (b’mod partikolari biex tiġi evitata talba sussegwenti għal azzjoni ċivili) u l-introjtu tiegħek ma jkunx biżżejjed biex tħallas għal rappreżentant legali mingħajr ma tipperikola s-sussistenza tiegħek, it-talba tiġi approvata.
Nista’ nitlob lura l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?
L-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, lejn u mill-qorti jew lejn u mill-post tas-seduta jiġu rimborżati, u jingħata kumpens għall-ħin mitluf jekk int iġġarrab telf finanzjarju minħabba dan. Jekk int xhud u jkollok tqatta’ lejl u tieħu kolazzjon, ikla ta’ nofsinhar jew pranzu f’post partikolari, l-ispejjeż tas-soġġorn tiegħek jiġu rimborżati sa ċertu ammont. Int trid tippreżenta t-talba tiegħek għal dan il-ħlas fi żmien 14-il jum.
Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel nitla’ l-qorti?
Jekk il-prosekutur pubbliku jwaqqa’ l-proċedimenti, int trid tiġi informat. Imbagħad ikollok 14-il jum biex titlob lill-prosekutur pubbliku jispjega r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni. Int tista’ tapplika wkoll għal kontinwazzjoni tal-proċedimenti jekk:
- liġi tkun inkisret jew ġiet applikata ħażin
- ikun hemm dubji serji dwar l-eżattezza tal-fatti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tal-proċedimenti jew
- jistgħu jiġu pprovduti fatti jew evidenza ġodda li jiġġustifikaw il-kontinwazzjoni.
It-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 14-il jum wara li tkun ġejt informat dwar id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li jtemm il-proċedimenti jew wara li tkun irċevejt ir-raġunijiet għat-tali terminazzjoni. Jekk ma tirċevix it-tali informazzjoni f'dan il-perjodu, il-limitu ta' żmien jiġi estiż għal tliet xhur wara d-deċiżjoni. It-talba biex jitkomplew il-proċedimenti trid tiġi indirizzata lill-prosekutur pubbliku.
Jekk il-prosekutur pubbliku jqis li t-talba jkollha motivazzjoni valida, hu jkompli bil-proċedimenti. Inkella, il-prosekutur pubbliku jrid jikteb risposta u jippreżentaha, flimkien mal-fajl, lill-qorti li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħek. Jekk il-qorti tilqa’ t-talba, il-prosekutur pubbliku jrid ikompli bil-proċedimenti. Inkella t-talba tiġi miċħuda.
Jekk il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li jordna miżuri alternattivi għal proċedimenti kriminali konvenzjonali, int ma tistax tappella kontra d-deċiżjoni tiegħu.
Jekk jiġu ppreżentati xi akkużi u, wara, il-prosekutur pubbliku jagħlaq il-każ, f’ċerti ċirkustanzi int ikollok id-dritt li ssostni l-akkużi bħala prosekutur sussidjarju. F’dan il-każ, int trid diġà tkun issiħibt fil-proċedimenti bħala rikorrent ċivili. Imbagħad int tikseb l-istatus ta’ prosekutur sussidjarju malli tiddikjara li se ssostni l-akkużi.
Nista’ nkun involut fil-proċess?
Bħala vittma, int intitolat li tieħu sehem fil-proċess. Int tiġi mħarrek biex tidher il-qorti biss jekk int tkun meħtieġ tixhed. Vittma tkun obbligata li tikkonforma ma’ taħrika biex tidher biss jekk hi tissejjaħ bħala xhud.
Jekk tuża s-servizzi ta’ assistenza lill-vittmi, l-organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi li tipprovdi dawn is-servizzi tiġi informata dwar id-dati tas-seduti.
Jekk int tajt ix-xhieda tiegħek taħt kontroeżami matul l-investigazzjoni, int tiġi informat dwar id-data tal-proċess biss jekk int tkun tlabt li jsir dan. Jekk int rikorrent ċivili, prosekutur sussidjarju jew prosekutur privat, int tingħata avviż bil-quddiem dwar id-dati stabbiliti għas-seduti. Irrispettivament minn jekk il-proċess huwiex pubbliku, bħala vittma int intitolat li tkun preżenti u akkumpanjat minn persuna ta' fiduċja –– avukat, membru ta’ organizzazzjoni ta’ appoġġ lill-vittmi jew persuna oħra. Int għandek id-dritt li tagħmel mistoqsijiet lill-akkużat, lix-xhieda u lill-esperti kif ukoll li tinstema’ rigward l-intitolament tiegħek għal kumpens.
Jekk int rikorrent ċivili, tista’ tagħżel li ma tattendix għas-seduta. Madankollu, jekk int tkun prosekutur privat u ma tattendix għas-seduta, il-qorti ma jkollhiex għażla ħlief li tassumi li int m’għadekx interessat f’kundanna u tagħlaq il-kawża.
Jekk ma titkellimx bil-Ġermaniż (jew b’lingwa uffiċjali oħra), int għandek id-dritt għal interpretazzjoni matul is-seduta mingħajr ħlas.
X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien meqjus jew nista’ nagħżel li nkun meqjus bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?
Int titqies bħala vittma, jekk tissodisfa r-rekwiżiti statutorji rilevanti. Il-persuni li ġejjin għandhom l-istatus ta’ vittma:
- persuni li setgħu ġew esposti għal vjolenza jew għal theddid perikoluż minħabba att kriminali deliberat, li l-integrità sesswali u l-awtodeterminazzjoni tagħhom setgħu ma ġewx irrispettati jew li d-dipendenza personali tagħhom setgħet ġiet sfruttata fit-twettiq ta’ tali reat,
- il-konjuġi, is-sieħeb/sieħba reġistrat/a, is-sieħeb/sieħba f'koabitazzjoni, il-qraba tal-ewwel grad, l-aħwa u dipendenti oħra ta’ persuna li setgħet mietet minħabba reat, jew qraba oħra li jkunu raw ir-reat jitwettaq, u
- kull persuna oħra li ġarrbet ħsara minħabba reat jew li l-interessi legali tagħha, kif protetti mid-dritt kriminali, setgħu sofrew dannu f’aspetti oħra.
Int tkun xhud jekk tkun għamilt osservazzjonijiet rilevanti għall-proċedimenti kriminali. Dan jiġi ddeterminat mill-pulizija u mill-prosekutur pubbliku matul l-investigazzjoni. Matul il-proċess, din id-deċiżjoni tittieħed mill-qorti.
Inti tiddeċiedi jekk tixtieqx tissieħeb fil-proċedimenti bħala rikorrent ċivili.
Jekk tkomplix il-proċedimenti bħala prosekutur sussidjarju f’każ li jitwaqqgħu l-akkużi, hi deċiżjoni tiegħek ukoll.
X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?
Matul il-proċedimenti, l-awtoritajiet kollha jridu jirrispettaw id-dinjità personali tiegħek bħala vittma u l-interess tiegħek li l-privatezza personali tiegħek tiġi protetta. Trid tingħata kunsiderazzjoni xierqa lid-drittijiet, lill-interessi u lill-ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċifiċi tiegħek. Il-vittmi kollha jridu jiġu informati mill-aktar fis dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-possibbiltà li jingħataw assistenza u kumpens.
Trid tinħareġ konferma tar-rapport tiegħek tar-reat jekk int titlobha.
Kull vittma hi intitolata għal rappreżentanza u għal parir. Dawn jistgħu jiġu pprovduti minn avukat, minn organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi jew minn rappreżentant xieraq ieħor. Jekk int tkun intitolat għal servizzi ta’ assistenza lill-vittmi, il-persuna li tipprovdilek appoġġ legali tirrappreżentak fil-proċedimenti.
Jekk ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-appoġġ legali, iżda tixtieq tkun irrappreżentat minn avukat bħala rikorrent ċivili, f’ċerti kundizzjonijiet tkun tista’ titlob għajnuna legali.
Bħala xhud, int tkun ħieles mid-dmir li tixhed jekk tkun se tinkrimina lil qarib. Int titlef dan id-dritt jekk int adult u tkun qed titlob kumpens bħala rikorrent ċivili fil-qafas tal-proċedimenti kriminali.
Hu possibbli li tirrifjuta li twieġeb mistoqsijiet individwali:
- jekk it-tweġiba tkun umiljanti jew tesponi lilek jew lil membru tal-familja tiegħek għar-riskju ta’ telf finanzjarju dirett u konsiderevoli;
- jekk it-tweġiba tkun tikkonċerna l-aktar sfera personali tiegħek jew dik ta’ persuna oħra;
- jekk int tqis li l-mistoqsijiet dwar id-dettalji ta’ reat sesswali ma jkunux raġonevoli.
Madankollu, jaf tkun obbligat tweġibhom jekk ix-xhieda tiegħek tkun partikolarment importanti għas-suġġett tal-proċedimenti.
Jekk ikun hemm persuni oħra preżenti matul l-intervista, trid tingħata attenzjoni biex ma tiġix żvelata data personali tiegħek. Int ma jkollokx għalfejn tiżvela l-indirizz tad-dar tiegħek. Minflok, int tista’ tagħti indirizz ieħor fejn l-awtoritajiet jistgħu jikkuntattjawk faċilment.
Int intitolat li teżamina l-fajls jekk dawn jikkonċernaw l-interessi tiegħek. Tista’ titlob ukoll kopji mill-fajl bi ħlas ta’ tariffa. Jekk tkun ingħatajt għajnuna legali jew il-kopji li tkun tlabt ikunu s-sejbiet u l-opinjonijiet ta’ esperti, korpi pubbliċi, servizzi u istituzzjonijiet, il-kopji jingħataw mingħajr ħlas.
Jekk trażgressur jinħeles mid-detenzjoni jew mill-kustodja ta’ qabel il-proċess, int trid tkun infurmat jekk, bħala riżultat ta’ reat kriminali deliberat, kont suġġett għal vjolenza jew theddid perikoluż, l-integrità sesswali u l-awtodeterminazzjoni tiegħek ma jkunux ġew irrispettati, id-dipendenza personali tiegħek tkun ġiet sfruttata permezz ta’ reat bħal dan jew int tkun vittma vulnerabbli. Jekk int tkun il-vittma ta’ tip ieħor ta’ reat, int trid tippreżenta talba li tindika li int tixtieq tiġi informat dwar il-ħelsien tat-trażgressur.
Int trid tiġi nnotifikat dwar it-terminazzjoni u l-kontinwazzjoni tal-proċedimenti u dwar kull terminazzjoni tal-investigazzjoni mill-prosekutur pubbliku. Jekk ikunu qed jiġu kkunsidrati miżuri alternattivi għall-proċedimenti kriminali, int trid tirċievi informazzjoni komprensiva dwar id-drittijiet tiegħek. F’ċerti ċirkostanzi, int tista’ tagħmel rikors biex jissoktaw il-proċedimenti jekk dawn ikunu ġew itterminati mill-prosekutur pubbliku.
Jekk ma tafx titkellem bil-Ġermaniż sa livell suffiċjenti jew inti trux jew mutu, int għandek id-dritt li tiġi assistit fit-traduzzjoni/fl-interpretazzjoni. Int intitolat ukoll li tieħu sehem f’kontroeżamijiet, f’rikostruzzjonijiet ta' inċidenti u fil-proċess, li matulu għandek id-dritt li tagħmel mistoqsijiet u tressaq rikorsi.
Nista’ nagħmel stqarrija jew nixhed matul il-proċess? Taħt liema kundizzjonijiet?
Bħala vittma, id-drittijiet tiegħek jintitolawk li tagħmel dikjarazzjonijiet waqt ix-xhieda tiegħek jew f'parteċipazzjoni oħra f’intervista jew f’seduta. Pereżempju, int tista’ tiddikjara li qed tissieħeb fil-proċedimenti bħala rikorrent ċivili u tixtieq li tingħata kumpens. Int għandek ukoll id-dritt li tagħmel mistoqsijiet lill-imputat, lix-xhieda u lill-esperti
Int intitolat tixhed jekk tiġi mħarrek għal intervista jew għal smigħ.
Jekk int tkun xhud ukoll, int obbligat tirrispetta kwalunkwe taħrika li tirċievi, u tipprovdi informazzjoni veritiera u sħiħa.
X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?
Matul il-proċess, int tiġi informat dwar id-drittijiet tiegħek fil-bidu tal-eżami tiegħek.
Int tiddeċiedi jekk tixtieqx tieħu sehem fis-seduta sħiħa.
Is-sentenza tinqata’ fl-aħħar tas-seduta. Int tista’ ssir taf dwar il-kontenut tas-sentenza billi tibqa’ sal-aħħar tas-seduta jew teżamina l-fajl tal-qorti.
Jekk int issiħibt fil-proċedimenti bħala rikorrent ċivili, il-qorti hi obbligata wkoll li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħek fis-sentenza tagħha. Jekk din tiddeċiedi li int għandek tingħata kumpens, is-sentenza titqies bħala ordni għall-eżekuzzjoni skont id-dritt ċivili u int tista’ tapplika mal-gvern federali għal avvanz tal-kumpens. Madankollu, dan hu soġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkundannata ma tkunx tista’ tikkonforma minnufih mal-obbligu ta’ ħlas minħabba li tkun qed tiskonta sentenza (ta' priġunerija).
Il-qorti tista’ tordna wkoll li proprjetà li tappartjeni għall-vittma li tkun tinsab fil-pussess tal-konvenut tiġi rritornata lill-vittma.
Jista’ jkolli aċċess għall-fajls tal-qorti?
Int għandek id-dritt li teżamina l-fajls. L-aċċess jista’ jiġi miċħud jew limitat biss jekk l-ispezzjoni tal-fajls tkun tista’ tipperikola l-investigazzjoni jew tinfluwenza x-xhieda tiegħek bħala xhud.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.