Sib informazzjoni għal kull reġjun
Int titqies bħala vittma ta’ reat jekk iġġarrab danni jew jekk l-interessi legali tiegħek, kif protetti bid-dritt kriminali, setgħu nkisru b’modi oħra, eż. jekk int korrejt jew jekk il-proprjetà tiegħek ġarrbet ħsara jew insterqet u dan l-att ikun jikkostitwixxi reat skont id-dritt tal-Awstrija. Bħala vittma ta’ reat, il-liġi tiggarantixxi li int tibbenefika minn ċerti drittijiet individwali qabel, waqt u wara l-proċedimenti tal-qorti.
Fl-Awstrija, il-proċedimenti kriminali jibdew malli l-pulizija kriminali (Kriminalpolizei) jew l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (Staatsanwaltschaft) jiftħu investigazzjonijiet b'reazzjoni għal suspett inizjali. Ladarba jiġu konklużi dawn l-investigazzjonijiet, il-prosekutur pubbliku jista’ jiddeċiedi li jagħlaq il-proċedimenti, jordna miżuri alternattivi għal proċedimenti kriminali konvenzjonali jew iressaq l-akkużi quddiem qorti. Ċerti reati (reati soġġetti għal prosekuzzjoni privata – Privatanklagedelikte) jitressqu quddiem il-qorti biss fuq it-talba tal-vittma, li f’dan il-każ trid tippreżenta l-akkużi hija stess. Ma ssir ebda investigazzjoni f’dawn il-każijiet.
Matul il-proċess, il-qorti torganizza seduta u teżamina l-evidenza. Skont is-serjetà tar-reat, il-kawżi jinstemgħu minn
- imħallef uniku jew
- panel ta’ mħallfin (Schöffensenat) li jikkonsisti, skont ir-reat inkwistjoni, f’imħallef professjonali wieħed jew tnejn u f’żewġ imħallfin onorarji, li jiddeċiedu dwar il-ħtija tal-akkużat u l-livell tal-piena imposta jew
- qorti b’ġurija (Geschworenengericht), li tikkonsisti fi tliet imħallfin professjonali u fi tmien imħallfin onorarji (ġurati). Il-ġurati jiddeċiedu dwar il-ħtija tal-akkużat, filwaqt li d-deċiżjoni dwar il-livell tal-piena tittieħed b’mod konġunt mill-ġurati u mit-tliet imħallfin professjonali.
Bħala vittma, int tista’ taqdi rwol importanti ħafna f'dawn il-proċedimenti kriminali u tibbenefika wkoll minn diversi drittijiet. Int tista’ tieħu sehem bħala vittma mingħajr status legali speċifiku jew issir rikorrent ċivili, prosekutur sussidjarju jew prosekutur privat u tibbenefika minn drittijiet u minn possibbiltajiet addizzjonali.
Ikklikkja fuq il-links li ġejjin biex issib l-informazzjoni li qed tfittex:
1 – Id-drittijiet tiegħi bħala vittma ta’ reat
2 – Ir-rapportar ta’ reat u d-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni jew il-proċess
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.