Sib informazzjoni għal kull reġjun
Inti tiġi kkunsidrat bħala vittma tal-kriminalità jekk ġarrabt ħsara, pereżempju ġejt ferut jew il-proprjetà tiegħek saritilha ħsara jew insterqet, minħabba inċident, li jikkostitwixxi delitt skont id-dritt nazzjonali. Bħala vittma tal-kriminalità, il-liġi tagħtik ċerti drittijiet individwali qabel, waqt u wara l-proċeduri fil-qorti.
Il-proċeduri kriminali fil-Belġju jikkonsistu fl-investigazzjoni u fil-proċess quddiem il-qorti kriminali. Fil-parti l-kbira tal-każijiet l-investigazzjoni titmexxa mill-prosekutur pubbliku jew – f’ċerti każijiet iktar ikkumplikati – minn imħallef inkwirenti. Waqt l-investigazzjoni, jinġabru l-provi sabiex ikun stabbilit jekk ikunx twettaq delitt u minn min.
Wara l-investigazzjoni, każ jingħalaq jew jitressaq quddiem il-qorti. Waqt il-proċess il-qorti teżamina l-provi miġbura sabiex tiddeċiedi jekk l-imputat huwiex ħati jew le. Jekk l-imputat jinstab ħati, huwa jiġi kkundannat u jingħata piena. Alternattivament, il-qorti tista’ ssib lill-imputat mhux ħati u tilliberah.
Bħala vittma għandek numru ta' drittijiet fl-istadji kollha tal-proċeduri kriminali Jekk trid tieħu sehem aktar attiv fil-proċeduri, tista' titlob li tiġi rreġistrat bħala vittma jew tista' tressaq ilment bħala parti ċivili fi proċedimenti kriminali. Fi wħud mill-każijiet, inti tista’ tagħti bidu għall-proċeduri inti stess billi ttella’ lill-persuna li allegatament tkun wettqet id-delitt direttament il-qorti jew billi tressaq kwerela quddiem l-imħallef inkwirenti u fl-istess ħin tapplika biex titqies bħala parti ċivili. Bħala parti ċivili tista' titlob id-danni mingħand il-persuna li tkun wettqet id-delitt. Meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet (pereżempju, tkun sfajt vittma ta’ delitt vjolenti u l-ħsara ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata b’mod adegwat mill-persuna li tkun wettqet id-delitt u lanqas permezz ta’ assigurazzjoni), inti għandek id-dritt għal kumpens mingħand l-Istat.
L-iskedi informattivi li ġejjin jispjegaw il-fażijiet differenti li jgħaddi minnhom il-każ tiegħek u jiddeskrivu d-drittijiet tiegħek, waqt l-investigazzjoni, waqt il-proċess u wara l-proċess . Barra minn hekk, tista’ taqra iktar dwar l-appoġġ u l-għajnuna li għandek dritt għalihom.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.