Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

X’informazzjoni ningħata mill-awtorità (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) wara li jkun seħħ ir-reat iżda qabel ma nirrapporta r-reat?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali ma jirregolax il-kontenut tal-iskeda ta’ informazzjoni li tista’ tingħata lill-vittma wara li jkun seħħ ir-reat u qabel dan jiġi rrappurtat. Kulħadd għandu d-dritt u l-possibbiltà li jikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, fejn jista’ jiġi rrappurtat reat, issir dikjarazzjoni, jew titressaq informazzjoni dwar kwistjoni li taqa’ taħt il-mandat tal-Prosekutur Pubbliku. L-individwi li jikkuntattjaw lill-Uffiċċju jirċievu informazzjoni dwar kif jirrapportaw ir-reat kif ukoll informazzjoni bażika oħra dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

L-uffiċjali tal-pulizija huma meħtieġa li jirreġistraw ex officio r-rapporti ta’ reati li fir-rigward tagħhom ikunu ttieħdu passi kriminali.

Barra minn hekk, kulħadd huwa intitolat għal protezzjoni xierqa tal-pulizija jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex tingħata dik il-protezzjoni.

Id-dipartimenti tal-appoġġ għall-vittmi u għax-xhieda, li ġew stabbiliti minn seba’ qrati tal-kontea, jipprovdu appoġġ emozzjonali lill-vittmi, kif ukoll informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom (inkluża informazzjoni teknika u prattika). Huma joffru wkoll appoġġ u informazzjoni lix-xhieda u lill-membri tal-familja kemm tal-vittmi kif ukoll tax-xhieda. L-informazzjoni u l-appoġġ jingħataw irrispettivament mill-istadju tal-proċedimenti. Il-vittmi jirċievu informazzjoni u appoġġ anke jekk ma jirrappurtawx ir-reat. Dawk id-dipartimenti jirreferu wkoll lill-vittmi u lix-xhieda lil istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet speċjalizzati tas-soċjetà ċivili, skont il-ħtiġijiet tagħhom.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti d-drittijiet tiegħi?

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-vittmi u tal-partijiet ċivili japplikaw b’mod ugwali mingħajr ma titqies iċ-ċittadinanza, minħabba li l-leġiżlazzjoni kriminali Kroata tapplika għal kull min iwettaq reat fil-Kroazja. Il-partijiet u l-parteċipanti fil-proċedimenti huma intitolati jużaw il-lingwa materna tagħhom.

Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u l-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità (Kumpens Finanzjarju), il-pulizija, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-qrati huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni lill-vittmi tal-kriminalità dwar id-drittijiet tagħhom skont dawk l-atti. Dan ifisser li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-qrati huma meħtieġa jeżaminaw il-possibbiltajiet, kemm qabel il-proċedimenti kriminali kif ukoll fi kwalunkwe stadju matulhom, sabiex l-individwu akkużat jikkumpensa lill-parti leża għal kwalunkwe telf/dannu kkawżat mir-reat, u biex jinfurmaw lill-parti leża – verbalment f’lingwa li tifhem il-vittma u bil-miktub bil-Kroat jew bl-Ingliż – dwar id-dritt tagħha li tuża l-lingwa materna tagħha u li tressaq talba skont il-liġi tal-proprjetà u d-dritt tagħha għal kumpens). L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-qrati huma meħtieġa wkoll li jipprovdu lill-vittma, fuq talba tagħha, bi struzzjonijiet ġenerali u informazzjoni dwar kif timla t-talba u dwar liema dokumenti ta’ sostenn għandha tippreżenta. Skedi ta’ informazzjoni li jinkludu informazzjoni dwar id-dritt tal-vittma għall-kumpens huma disponibbli bil-Kroat u bl-Ingliż, bħalma hija l-Formola ta’ Talba għal Kumpens. Dawn id-dokumenti, fil-verżjonijiet Kroati u Ingliżi, jistgħu jitniżżlu mis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Kroazja.

Kwalunkwe vittma li tirrapporta reat tirċievi informazzjoni mingħand il-pulizija dwar id-drittijiet tagħha. Wara li jinforma lill-vittma verbalment, l-uffiċjal tal-pulizija jipprovdi informazzjoni lill-vittma dwar id-drittijiet tagħha bil-miktub u kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar servizzi li jipproteġu u jappoġġaw lill-vittmi, inkluż in-numru tal-linja telefonika għall-appoġġ għall-vittmi bla ħlas.

Għal individwi b'ebda għarfien tal-Kroat, il-pulizija tagħmel disponibbli skeda ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet b’lingwi oħra.

Voluntiera fiċ-Ċentru Telefoniku Nazzjonali għall-Vittmi ta’ Reati u Reati Minuri (116-006) jipprovdu appoġġ emozzjonali, informazzjoni dwar id-drittijiet u informazzjoni prattika. Huma jirreferu wkoll lill-vittmi għand servizzi u organizzazzjonijiet kompetenti oħra biex jiżguraw li dawn jirċievu informazzjoni addizzjonali u forom oħra ta’ appoġġ u assistenza. Din il-linja telefonika għall-għajnuna bla ħlas hija miftuħa mit-8 am sat-8 pm matul il-ġimgħa, u l-membri tal-persunal jistgħu jirrispondu għat-telefonati bil-Kroat u bl-Ingliż.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

(a) Fi żmien xahrejn minn meta jinfetaħ każ jew jiġi rrappurtat reat, il-vittma u l-parti leża huma intitolati jitolbu informazzjoni mingħand l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għall-akkużi/għar-rapport. Dawn jiġu infurmati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku dwar l-azzjoni meħuda fi żmien raġonevoli, mhux aktar tard minn 30 jum wara d-data tat-talba, sakemm it-talba ma tkunx tipperikola l-effettività tal-proċedimenti. Id-deċiżjoni li tinżamm din l-informazzjoni trid tiġi kkomunikata lill-vittma jew lill-parti leża li tagħmel it-talba.

(b) Il-Prosekutur Pubbliku jissospendi investigazzjoni b’deċiżjoni, jekk:

  • ir-reat li l-individwu jkun mixli bih ma jkunx reat li fir-rigward tiegħu jkunu ttieħdu passi ex officio;
  • iċ-ċirkustanzi jeskludu l-ħtija tal-individwu mixli, sakemm l-att illegali ma jkunx twettaq fi stat ta’ inkapaċità mentali;
  • l-istatut tal-limitazzjonijiet ikun skada għar-reat jew jekk ir-reat ikun suġġett għal amnestija jew maħfra, jew jekk ikun hemm ċirkustanzi oħra li jipprojbixxu prosekuzzjoni; u
  • ma jkun hemm l-ebda evidenza li l-individwu mixli jkun wettaq ir-reat.

Id-deċiżjoni li tiġi sospiża l-investigazzjoni tintbagħat lill-parti leża u lill-individwu mixli, li jinħeles immedjatament jekk ikun ġie arrestat jew ikun jinsab detenut. Minbarra l-ittra ta’ deċiżjoni, skont l-Artikolu 55 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-parti leża tirċievi informazzjoni dwar kif tieħu passi hija stess.

(c) Wara li jeżamina r-rapport u jwettaq kontroll fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, il-Prosekutur Pubbliku jirrifjuta r-rapport b’deċiżjoni motivata jekk ikun ċar mir-rapport li:

  • ir-reat mhuwiex reat li fir-rigward tiegħu jistgħu jittieħdu passi ex officio;
  • il-preskrizzjoni tkun skadiet għar-reat, jew jekk ir-reat ikun suġġett għal amnestija jew maħfra, jew il-qorti tkun diġà ħadet deċiżjoni dwar ir-reat, jew ikun hemm ċirkustanzi oħrajn li jipprojbixxu prosekuzzjoni;
  • iċ-ċirkustanzi jeskludu l-ħtija;
  • ma hemm l-ebda raġuni raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-individwu mixli wettaq ir-reat irrapportat; jew
  • l-informazzjoni fir-rapport tissuġġerixxi li r-rapport ma huwiex kredibbli.

Ma humiex permessi appelli kontra d-deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku li jiċħad rapport.

Ħlief jekk ikun jipprovdi mod ieħor il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-Prosekutur Pubbliku jinnotifika lill-vittma dwar id-deċiżjoni li jiċħad ir-rapport u r-raġunijiet għal dan fi żmien tmint ijiem. Il-Prosekutur Pubbliku jipprovdi wkoll informazzjoni dwar kif il-vittma tista’ tieħu passi hija stess. Minnufih, il-Prosekutur Pubbliku jinforma lill-persuna li tkun għamlet ir-rapport u lill-individwu mixli dwar id-deċiżjoni li jiċħad ir-rapport, jekk dan ikun mitlub minn kwalunkwe parti.

Jekk il-Prosekutur Pubbliku ma jkunx jista’ jivvaluta l-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet mir-rapport innifsu, jew jekk l-informazzjoni fir-rapport ma tkunx tipprovdi raġuni suffiċjenti biex tittieħed deċiżjoni dwar it-tnedija ta’ investigazzjoni jew il-ġbir ta’ evidenza, huwa jmexxi l-inkjesti tiegħu stess jew jagħti struzzjonijiet lill-pulizija biex jagħmlu dan.

(d) Is-superviżur tal-kustodja irid jeħles mkinnufih lill-individwu li jkun arrestat jew detenut:

  • jekk jingħata struzzjonijiet biex jagħmel dan mill-Prosekutur Pubbliku;
  • jekk l-individwu arrestat ma jkunx ġie interrogat fi żmien l-iskadenza statutorja; jew
  • jekk id-detenzjoni tkun ġiet ikkanċellata.

(e) Il-Prosekutur Pubbliku jista’ jsejjaħ xhieda u esperti biex jgħinu fil-kumpilazzjoni ta’ provi. It-taħrika tista’ tintbagħat ukoll mill-investigatur jekk dan ikun awtorizzat mill-Prosekutur Pubbliku. Il-qorti tista’ tħarrek xhieda jew esperti biex jixhdu f’seduta tal-provi jew biex jattendu seduta tfil-qorti. Il-korp kompetenti jistabbilixxi minn qabel il-ħin u l-post fejn ser jittieħdu l-provi. Il-persuna mħarrka tiġi mwissija dwar il-konsegwenzi jekk hija ma tattendix.

Jien intitolat għal servizzi ta’ interpretazzjoni jew ta’ traduzzjoni mingħajr ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Vittma li tipparteċipa fi proċedimenti kriminali bħala parti leża hija intitolata li:

  • tuża l-lingwa materna tagħha, inkluża l-lingwa tas-sinjali, u titlob għajnuna mingħand interpretu jekk ma tkunx tifhem jew ma jkollhiex ħakma suffiċjenti tal-Kroat, jew mingħand interpretu tal-lingwa tas-sinjali jekk il-parti leża tkun persuna nieqsa mis-smigħ jew nieqsa mis-smigħ u d-dawl.

L-awtorità kif tista’ tiżgura li qed nifhem u li niġi mifhum (jekk jiena minorenni; jekk għandi diżabbiltà)?

Ħlief jekk liġi separata tipprovdi mod ieħor, l-imħallef inkwirenti jista’ jiġbor evidenza minn kwalunkwe xhud minorenni taħt l-14-il sena. Is-seduta isseħħ mingħajr il-preżenza tal-imħallef jew tal-partijiet fl-istess kamra mal-minorenni, bl-użu ta’ tagħmir awdjoviżiv imħaddem minn assistent professjonali. Is-seduta tiġi assistita minn psikologu, speċjalista tal-edukazzjoni tat-tfal jew professjonist ieħor. Din is-seduta jistgħu jattendu għaliha wkoll ġenitur jew kustodju, ħlief jekk dan ikun imur kontra l-interessi tal-investigazzjoni jew tal-minorenni. Il-partijiet jistgħu jistaqsu mistoqsijiet lix-xhud minorenni permezz ta’ professjonist, suġġett għall-approvazzjoni tal-imħallef inkwirenti. Is-seduta tiġi rreġistrata permezz ta’ tagħmir awdjoviżiv, u r-reġistrazzjonoi tiġi ssiġillata u mehmuża mal-minuti. Xhud minorenni jista’ jiġi mħarrek għat-tieni seduta f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, fejn tiġi segwita l-istess proċedura.

Ħlief jekk liġi separata tipprovdi mod ieħor, l-imħallef inkwirenti jista’ wkoll jisma’ x-xhieda ta’ xhud minorenni ta’ bejn 14 u 18-il sena. L-interrogazzjoni tat-tfal, speċjalment jekk ikunu l-vittma tar-reat, għandha tiġi ttrattata bir-reqqa biex jiġi żgurat li ma taffettwax is-saħħa mentali tagħhom b’mod negattiv. Tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-minorenni.

Kwalunkwe xhud li ma jkunx jista’ jwieġeb għal taħrika minħabba raġunijiet ta’ età avvanzata, mard jew diżabbiltà, jista’ jinstema’ fl-appartament jew post ieħor fejn ikun jgħix. Dawn ix-xhieda jistgħu jinstemgħu permezz ta’ tagħmir awdjoviżiv imħaddem minn professjonist. Jekk ikun iġġustifikat mill-kundizzjoni tax-xhud, is-seduta titwettaq b’tali mod li jippermetti li l-partijiet jistaqsuh mistoqsijiet mingħajr ma jkunu preżenti fl-istess kamra miegħu. Jekk meħtieġ, is-seduta tiġi rreġistrata permezz ta’ tagħmir awdjoviżiv, u r-reġistrazzjonoi tiġi ssiġillata u mehmuża mal-minuti. Fuq talba tal-vittma, din l-istess proċedura ta’ eżami tax-xhud tista’ tiġi segwita jekk tkun vittma ta’ reat kontra l-libertà sesswali jew il-moralità, reat ta’ traffikar tal-bnedmin jew reat imwettaq fil-familja. Dan ix-xhud jista’ jiġi mħarrek għat-tieni seduta f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, jekk dan jitqies bħala meħtieġ mill-qorti.

Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ għall-vittmi?

Id-dipartimenti tal-appoġġ għall-vittmi u għax-xhieda, li ġew stabbiliti minn seba’ qrati tal-kontea (Zagreb, Osijek, Split, Rijeka, Sisak, Zadar u Vukovar) jipprovdu appoġġ emozzjonali lill-vittmi u lix-xhieda li jagħtu evidenza f’dawn il-qrati u fil-qrati muniċipali ta’ dawn il-bliet u l-bliet żgħar. Dawn id-dipartimenti jipprovdu wkoll appoġġ fi qrati ta’ reati minuri f’każijiet ta’ vjolenza domestika, u jirreferu lill-vittmi u lix-xhieda għand istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet speċjalizzati tas-soċjetà ċivili, skont il-ħtiġijiet tagħhom.

L-informazzjoni u l-appoġġ jingħataw bit-telefown u meta l-vittma/x-xhud jidħol fil-bini tal-qorti. L-informazzjoni tingħata wkoll bl-email.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur il-paġna li ġejja tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-pulizija jirreferuni awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Meta jinforma lill-vittma dwar id-drittijiet tagħha, l-uffiċjal tal-pulizija jipprovdi wkoll informazzjoni lill-vittma dwar id-drittijiet tagħha bil-miktub u kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, inkluż in-numru tal-linja telefonika għall-appoġġ għall-vittmi bla ħlas. L-iskeda ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt:

  • tad-dipartiment kompetenti tal-appoġġ għall-vittmi u għax-xhieda;
  • tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kontea rilevanti;
  • taċ-Ċentru Telefoniku Nazzjonali għall-Vittmi ta’ Reati u Mġiba Ħażina (116-006);

Kif inhi protetta l-privatezza tiegħi?

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġbru informazzjoni personali għall-finijiet stabbiliti mil-liġi biss, bħala parti mid-dmirijiet tagħhom stipulati mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

L-informazzjoni personali tista’ tiġi pproċessata biss meta dan ikun speċifikat minn liġi jew minn dispożizzjoni legali oħra, u dan l-ipproċessar irid ikun limitat għall-fini li għalih tkun inġabret l-informazzjoni. L-ipproċessar ulterjuri ta’ din l-informazzjoni huwa awtorizzat, sakemm ma jkunx imur kontra l-fini li għalih tkun inġabret l-informazzjoni, u sakemm il-korpi kompetenti jkunu awtorizzati biex jipproċessaw din l-informazzjoni għal fini ieħor stabbilit mil-liġi, u l-ipproċessar ulterjuri jkun meħtieġ u proporzjonat mal-fini l-ieħor.

Informazzjoni personali relatata mas-saħħa jew mal-ħajja sesswali ta’ xi ħadd tista’ tiġi pproċessata biss f’każijiet eċċezzjonali, fejn ir-reat ikun suġġett għal sentenza ta’ priġunerija ta’ ħames snin jew aktar u ma jkunx jista’ jinqabad jew jittieħdu passi fir-rigward tiegħu b’xi mod ieħor, jew fejn il-qbid/prosekuzzjoni jkunu mifnija b’diffikultajiet sproporzjonati.

L-ebda pproċessar ta’ informazzjoni personali relatata ma’ razza jew etniċità, ma’ persważjoni politika, ma’ twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew ma’ sħubija fi trade union ma huwa awtorizzat.

Informazzjoni personali miġbura għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali tista’ tintbagħat lil korpi governattivi f’konformità ma’ liġi speċjali, u lil entitajiet ġuridiċi oħra biss jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew il-qorti jsibu li dawn jeħtieġu din l-informazzjoni għal fini stabbilit mil-liġi. Meta tintbagħat din l-informazzjoni, l-entitajiet ġuridiċi rilevanti jiġu mfakkra dwar id-dmirijiet tagħhom li jipproteġu d-data tal-persuni kkonċernati.

F’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti, id-data personali tista’ tintuża fi proċedimenti kriminali oħra, fi proċedimenti kriminali li jittrattaw atti punibbli li jseħħu fil-Kroazja, fi proċeduri relatati mal-assistenza internazzjonali għall-ġustizzja kriminali, u fi sforzi internazzjonali ta’ kooperazzjoni tal-pulizija.

Hemm bżonn li nirrapporta reat qabel ma nkun nista’ naċċessa l-appoġġ għall-vittmi?

Il-vittma tirċievi informazzjoni u appoġġ mid-dipartiment tal-appoġġ għall-vittmi u għax-xhieda tal-qorti jew l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili rilevanti, anke jekk din ma tirrappurtax ir-reat.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

Skont l-Artikolu 99 tal-Att dwar il-Kompiti u s-Setgħat tal-Pulizija, ħlief jekk liġi separata tkun tipprovdi mod ieħor, u għall-perjodu ta’ żmien li fih ikun hemm raġunijiet raġonevoli għal din l-azzjoni, il-pulizija tipprovdi protezzjoni xierqa għall-vittma u għal kwalunkwe persuna oħra li tkun ipprovdiet jew tista’ tipprovdi informazzjoni rilevanti għall-proċedimenti kriminali, kif ukoll għal kwalunkwe persuna qrib tagħhom jekk huma jew persuni qrib tagħhom ikunu f’riskju ta’ periklu mit-trażgressur jew minn individwi oħra involuti fil-proċedimenti kriminali. Protezzjoni għall-vittma pprovduta mill-pulizija tfisser protezzjoni fiżika f’kull ħin.

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli?

Skont l-Artikolu 130 tal-Att dwar Reati Minuri, il-pulizija tista’, temporanjament u sa tmint ijiem, tordna miżura kawtelatorja kontra individwu li b’mod raġonevoli jkun issuspettat li wettaq ir-reat. Fil-prattika, dan normalment isarraf f’ordnijiet li jipprojbixxu lill-persuna suspettata milli żżur post jew żona partikolari (żgumbrament mid-dar tal-vittma), milli tavviċina persuna partikolari, jew milli tikkuntattja jew iżżomm kuntatt ma’ persuna partikolari. Fi żmien tmint ijiem, il-pulizija tressaq akkużi quddiem il-qorti kompetenti għar-reati minuri, li mbagħad tieħu deċiżjoni dwar jekk tissospendix jew testendix il-miżura kawtelatorja ordnata. Barra minn hekk, skont l-Att dwar (il-Protezzjoni) kontra l-Vjolenza Domestika, matul il-proċedimenti għal reat minuri, il-qorti tista’ tordna li jittieħdu l-miżuri li ġejjin kontra t-trażgressur:

  1. trattament psikosoċjali obbligatorju;
  2. ordni li tipprojbixxi lit-trażgressur milli javviċina, jagħti fastidju jew isegwi lill-vittma ta’ vjolenza domestika;
  3. żgumbrament mid-dar kondiviża;
  4. trattament obbligatorju għall-abbuż ta’ sustanzi.

Skont l-Att dwar Reati Minuri, il-qorti tista’ tapplika wkoll miżuri protettivi u kawtelatorji oħrajn maħsuba biex jipproteġu lill-vittma milli tiġi avviċinata jew milli tingħata fastidju mill-persuna suspettata.

Barra minn hekk, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, minflok iżommu lill-individwu mixli taħt arrest preventiv, il-qorti u l-Prosekutur Pubbliku jistgħu jordnaw miżura jew miżuri kawtelatorji, inkluża ordni li tipprojbixxi lit-trażgressur milli jżur post jew żona partikolari, milli javviċina persuna partikolari, milli jikkuntattja jew iżomm kuntatt ma’ persuna partikolari, jew ordni li tipprojbixxi lit-trażgressur milli jsegwi jew jagħti fastidju lill-vittma jew lil persuna oħra, jew inkella żgumbrament mid-dar tal-vittma.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

Il-vittma tista’ tikseb informazzjoni mingħand il-pulizija dwar id-drittijiet tagħha kollha, inkluża informazzjoni dwar id-dritt tagħha għall-protezzjoni, dwar it-tipi ta’ protezzjoni offruti, u dwar l-azzjoni li trid tittieħed mill-pulizija biex jipproteġu lill-vittma.

Xi ħadd jivvaluta l-każ tiegħi biex jara ninsabx f’riskju ta’ ħsara ulterjuri mit-trażgressur?

Ladarba l-investigazzjoni tkun ġiet ikkompletata u d-dokumenti rilevanti jkunu ġew ippreżentati lill-korpi rilevanti ta’ ġustizzja kriminali, il-pulizija ma twettaq l-ebda valutazzjoni ulterjuri tal-ħtiġijiet tal-vittma għajr li twettaq kull miżura protettiva u kawtelatorja ordnata. Jekk jiġu riċevuti rapporti ta’ ċirkostanzi ġodda li jindikaw theddid ġdid mit-trażgressur, il-pulizija tieħu azzjoni ulterjuri biex tipproteġi lill-vittma skont il-valutazzjoni tagħha u l-fatti tal-każ.

Xi ħadd jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ ħsara ulterjuri mis-sistema ta’ ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Is-sistema ta’ ġustizzja kriminali (matul il-proċedimenti investigattivi u tal-qorti) topera b’mod li jirrispetta d-drittijiet u l-locus standi tal-vittma fil-proċeduri kriminali, f’konformità mal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Qabel jeżamina lill-vittma, il-korp prosekutur li jmexxi -investigazzjoni jagħmel valutazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tal-vittma f’kooperazzjoni mal-korpi, l-organizzazzjonijiet jew l-istituzzjonijiet li jipprovdu appoġġ u assistenza lill-vittmi tal-kriminalità. Il-valutazzjoni individwali tinvolvi d-determinazzjoni tal-ħtieġa li jiġu applikati miżuri ta’ protezzjoni speċjali għall-benefiċċju tal-vittma. Jekk tkun teżisti din il-ħtieġa, il-korp prosekutur jiddetermina l-miżuri protettivi li jridu jiġu applikati (arranġamenti speċjali għall-mistoqsijiet lill-vittma, l-użu ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni biex jiġi evitat kull kuntatt viżwali bejn il-vittma u t-trażgressur, u miżuri oħra stabbiliti mil-liġi). Meta l-vittma ta’ reat tkun minorenni, hija preżunta l-ħtieġa li jiġu applikati miżuri protettivi speċjali, u dawn jiġu ddeterminati. Il-valutazzjoni individwali tieħu kont partikolari tal-karatteristiċi personali tal-vittma, tat-tip u n-natura tar-reat, u taċ-ċirkustanzi li fihom ikun twettaq ir-reat. Tingħata attenzjoni speċjali għall-vittmi li jkunu batew ħsara kbira minħabba l-gravità tar-reat, għall-vittmi ta’ reat li jkun twettaq minħabba l-karatteristiċi personali tal-vittma, u għall-vittmi li r-relazzjoni tagħhom mat-trażgressur tagħmilhom vulnerabbli b’mod partikolari.

X’tip ta’ protezzjoni hija disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Is-sistema ta’ ġustizzja kriminali (matul il-proċedimenti investigattivi u tal-qorti) topera b’mod li jirrispetta d-drittijiet u l-locus standi tal-vittma fil-proċeduri kriminali, f’konformità mal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Qabel jeżamina lill-vittma, il-korp prosekutur li jwettaq l-investigazzjoni jagħmel valutazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tal-vittma f’kooperazzjoni mal-korpi, l-organizzazzjonijiet jew l-istituzzjonijiet li jipprovdu appoġġ u assistenza lill-vittmi tal-kriminalità. Il-valutazzjoni individwali tinvolvi d-determinazzjoni tal-ħtieġa li jiġu applikati miżuri ta’ protezzjoni speċjali għall-benefiċċju tal-vittma. Jekk tkun teżisti din il-ħtieġa, il-korp prosekutur jiddetermina l-miżuri protettivi li jridu jiġu applikati (arranġamenti speċjali għall-mistoqsijiet lill-vittma, l-użu ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni biex jiġi evitat kull kuntatt viżwali bejn il-vittma u t-trażgressur, u miżuri oħra stabbiliti mil-liġi). Meta l-vittma ta’ reat tkun minorenni, hija preżunta l-ħtieġa li jiġu applikati miżuri protettivi speċjali, u dawn jiġu ddeterminati. Il-valutazzjoni individwali tieħu kont partikolari tal-karatteristiċi personali tal-vittma, tat-tip u n-natura tar-reat, u taċ-ċirkustanzi li fihom ikun twettaq ir-reat. Tingħata attenzjoni speċjali għall-vittmi li jkunu batew ħsara kbira minħabba l-gravità tar-reat, għall-vittmi ta’ reat li jkun twettaq minħabba l-karatteristiċi personali tal-vittma, u għall-vittmi li r-relazzjoni tagħhom mat-trażgressur tagħmilhom vulnerabbli b’mod partikolari.

Jiena minorenni – għandi drittijiet speċjali?

It-tfal li jisfaw vittmi ta’ reat għandhom id-drittijiet addizzjonali li ġejjin:

  1. id-dritt għal rappreżentant imħallas mill-Istat;
  2. id-dritt li l-informazzjoni personali tagħhom tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali;
  3. id-dritt li jiġi eskluż il-pubbliku.

Kull persuna taħt l-età ta’ 18-il sena titqies bħala minorenni.

Xhud jew vittma minorenni tiġi eżaminata mill-imħallef inkwirenti f’seduta għas-smigħ tal-provi, u t-taħrika tintbagħat lill-ġenituri jew lill-kustodju tagħha.

Membru tal-familja tiegħi miet minħabba r-reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Skont l-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità (Kumpens Finanzjarju), meta l-vittma diretta tmut b’riżultat ta’ reat vjolenti, il-vittma indiretta (il-konjuġi, is-sieħeb, il-ġenitur, it-tfal tar-rispett, il-ġenitur tar-rispett, l-omm tar-rispett, il-missier tar-rispett jew l-irbib tal-vittma diretta jew tal-persuna li magħha l-vittma diretta kienet tgħix f’relazzjoni bejn koppja tal-istess sess) hija intitolata għal kumpens finanzjarju kif preskritt mill-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità (Kumpens Finanzjarju).

Jekk il-vittma indiretta kienet tirċievi manteniment mingħand il-vittma (diretta) mejta, hija intitolata għal kumpens sa HRK 70 000 għal telf ta’ manteniment statutorju u għal kumpens sa HRK 5 000 għall-ispejjeż tal-funeral normali li tkun ġarrbet.

Bħala l-parti leża, kull persuna li membru tal-familja tagħha jkun tilef ħajtu bħala vittma ta’ reat hija intitolata tipparteċipa fil-proċedimenti kriminali u titlob kumpens (kemm jekk fi proċedimenti kriminali kif ukoll f’dawk ċivili).

Membru tal-familja tiegħi safa vittma ta’ reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

“Vittma indiretta” tfisser il-konjuġi, is-sieħeb, il-wild, il-ġenitur, it-tfal tar-rispett, il-ġenitur tar-rispett, l-omm tar-rispett, il-missier tar-rispett jew l-irbib tal-vittma diretta jew tal-persuna li magħha l-vittma diretta kienet tgħix f’relazzjoni bejn koppja tal-istess sess.

In-nanniet u n-neputijiet ukoll jistgħu jkunu vittmi indiretti, jekk wieħed minnhom kien il-vittma diretta u kienu jgħixu b’mod permanenti flimkien fejn in-nanniet ħadu post il-ġenituri.

Ir-relazzjonijiet mhux matrimonjali u tal-istess sess huma ttrattati skont il-liġi Kroata.

Jekk il-vittma tar-reat tmut, il-vittmi indiretti huma intitolati għal kumpens (għat-telf tal-manteniment statutorju u għall-ispejjeż normali tal-funeral).

Għandi aċċess għal servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Inkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

Il-Kroazja topera l-mudell ta’ medjazzjoni bejn il-vittma u t-trażgressur fi proċedimenti prekriminali għal trażgressuri minuri u adulti żgħażagħ, taħt il-prinċipju ta’ opportunità kondizzjonali skont l-Att dwar il-Qrati tal-Minorenni li jirregola l-obbligu speċjali għal trażgressuri minorenni u adulti żgħażagħ biex jidħlu fil-proċess ta’ medjazzjoni permezz ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Dan ifisser li jekk it-trażgressur minorenni jikkonforma ma’ dan l-obbligu, ma jkollux għalfejn jiġi pproċessat.

Mill-2013, il-Kroazja għandha total ta’ 60 medjatur li tħarrġu fi programm ta’ sena li jikkonsisti f’170 siegħa ta’ tagħlim (li jinkludu lezzjonijiet, assenjamenti, logħob ta’ rwoli u eżerċizzji prattiċi ta’ mentoraġġ, kif ukoll superviżjoni). Dawn huma l-uniċi professjonisti fil-Kroazja li huma awtorizzati jamministraw ġustizzja riparatriċi f’kawżi kriminali. Huma rċevew iċ-ċertifikati tagħhom mill-Ministeru Kroat tal-Politika Soċjali u ż-Żgħażagħ, mill-Assoċjazzjoni tas-Soluzzjonijiet Alternattivi għat-Tilwim u mill-UNICEF.

B’riżultat ta’ dan, il-belt żgħira ċentrali ta’ kull kontea Kroata għandha s-servizz proprju tagħha ta’ soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tiddikjara d-drittijiet tiegħi?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali
L-Att dwar il-Vittmi ta’ Reati (Kumpens Finanzjarju)

L-aħħar aġġornament: 08/10/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.