Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

Kif nista’ nirrapporta reat?

Ir-reati jistgħu jiġu rrappurtati lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku bil-miktub, verbalment jew b’mezzi oħra.

Jekk tirrapporta reat verbalment, tiġi mwissi dwar il-konsegwenzi li tressaq kwereli foloz. Għal rapporti ppreżentati verbalment, jitħejja rekord bil-miktub, filwaqt li rapporti magħmula bit-telefown jew mezzi oħra ta’ telekomunikazzjoni huma, fejn ikun possibbli, irreġistrati elettronikament u titħejja nota formali.

Il-vittmi li jirrappurtaw reat jirċievu rikonoxximent bil-miktub li jkun fih id-dettalji bażiċi tar-reat irrappurtat. Vittmi li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa użata mill-awtoritajiet jistgħu jirrappurtaw ir-reat bil-lingwa tagħhom stess, u jiġu allokati interpretu jew persuna oħra li tifhem u titkellem kemm il-lingwa tal-awtorità kompetenti kif ukoll il-lingwa tal-vittma. Vittmi li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa użata mill-awtoritajiet jistgħu jitolbu li l-konferma tiġi tradotta għal-lingwa tagħhom mingħajr ħlas.

Jekk rapport ta’ reat jiġi sottomess lil qorti, lill-pulizija jew lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku żbaljat, dawn jirċevuh u jibagħtuh immedjatament lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku kompetenti.

Il-prosekutur pubbliku minnufih idaħħal ir-rapport tar-reat fir-reġistru tar-rapporti tar-reati, ħlief fejn il-liġi tgħid mod ieħor.

Jekk prosekutur pubbliku jirċievi aħbar ta’ reat li twettaq jew jirċievi rapport mill-vittma biss, huwa jabbozza nota formali, jirreġistraha fir-reġistru ta’ każijiet ta’ reati mixxellanji, u jipproċedi kif previst mil-liġi.

Jekk ir-rapport ma jkunx jinkludi dettalji tar-reat, jiġifieri l-prosekutur pubbliku ma jkunx jista’ jidentifika liema reat ġie rrappurtat, huwa jirreġistrah fir-reġistru ta’ każijiet ta’ reati mixxellanji u jitlob lill-persuna li tirrapporta r-reat biex tipprovdi informazzjoni addizzjonali fi żmien 15-il jum.

Jekk il-persuna li tirrapporta r-reat ma taġixxix fuq it-talba għal informazzjoni addizzjonali, il-prosekutur pubbliku jabbozza nota uffiċjali dwar dan. Ladarba tkun għaddiet l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali, il-prosekutur pubbliku jrid jirrapporta dan lill-prosekutur pubbliku superjuri fi żmien tmint ijiem. Il-prosekutur pubbliku superjuri jista’ jordna li r-rapport tar-reat jiġi rreġistrat fir-reġistru tar-rapporti ta’ reati.

Kif insir naf x’qed isir bil-każ?

Xahrejn wara li tressaq kwerela jew tirrapporta reat, il-vittma jew il-parti leża tista’ tibgħat talba għal informazzjoni lill-prosekutur pubbliku dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet b’rispons għall-kwerela jew rapport. Il-prosekutur pubbliku jrid iwieġeb fi żmien perjodu raġonevoli iżda mhux aktar tard minn 30 jum wara d-data meta jirċievi t-talba bil-miktub, minbarra meta tweġiba bħal din tista’ timmina l-proċedimenti. Jekk il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li ma jipprovdix din l-informazzjoni, huwa jrid jinforma lill-vittma/parti leża dwar dan.

Vittma li tipparteċipa fil-proċedimenti kriminali bħala parti leża għandha d-dritt li tiġi infurmata dwar l-eżitu tal-proċedimenti.

Jiena intitolat għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Minbarra d-drittijiet ta’ hawn fuq, qabel jiġu intervistati, il-vittmi tar-reati sesswali u t-traffikar ta’ bnedmin għandhom id-dritt għal konsultazzjoni mingħajr ħlas ma’ konsulent legali, u jistgħu jiġu assenjati rappreżentant. L-ispiża tal-konsulent/tar-rappreżentant titħallas mill-Istat.

Vittmi minorenni għandhom id-drittijiet kollha ta’ hawn fuq kif ukoll id-dritt għal rappreżentant imħallas mill-Istat.

Vittmi tVittmi ta’ reati għandhom id-dritt għal għajnuna legali primarja u sekondarja. Din l-għajnuna tingħata mingħajr ħlas lill-vittmi ta’ reati vjolenti li jfittxu kumpens għad-dannu li jkunu ġarrbu bħala vittmi ta’ reat.

L-Att dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas jipprevedi għajnuna legali primarja u sekondarja.

L-għajnuna legali primarja tkopri informazzjoni legali ġenerali, parir legali, preżentazzjonijiet lil korpi pubbliċi, lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u lil organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità ma’ trattati internazzjonali u regoli ta’ proċedura interni, rappreżentazzjoni fi proċedimenti quddiem korpi pubbliċi, u assistenza legali f’soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim.

L-għajnuna legali primarja tista’ tingħata għal kwalunkwe kwistjoni legali, sakemm:

  • l-applikant ma jkollux l-għarfien jew l-abilità biex jasserixxi d-drittijiet tiegħu;
  • l-applikant ma jkunx ingħata għajnuna legali taħt leġiżlazzjoni speċjali;
  • l-applikazzjoni ppreżentata ma tkunx manifestament infondata;
  • is-sitwazzjoni ekonomika tal-applikant tkun tali li l-ħlas tal-għajnuna legali professjonali jkun jista’ jipperikola s-sussistenza tiegħu jew dik tal-membri tal-unità domestika tiegħu.

Applikanti li jfittxu għajnuna legali primarja għandhom jikkuntattjaw lil fornitur ta’ għajnuna legali primarja direttament.

Għajnuna legali sekondarja tkopri parir legali, preżentazzjonijiet fi proċedura għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema quddiem l-impjegatur, preżentazzjonijiet fi proċedimenti tal-qorti, rappreżentanza fi proċedimenti tal-qorti, għajnuna legali f’soluzzjonijiet ta’ tilwim amikevoli, u eżenzjoni mill-pagament ta’ spejjeż legali u tariffi tal-qorti.

Għajnuna legali sekondarja tista’ tingħata jekk:

  1. il-proċedimenti jkunu kumplessi;
  2. l-applikant ma jkunx kapaċi jirrappreżenta lilu nnifsu;
  3. is-sitwazzjoni ekonomika tal-applikant tkun tali li l-pagament tal-għajnuna legali professjonali jkun jista’ jipperikola s-sussistenza tiegħu jew dik tal-membri tal-unità domestika tiegħu;
  4. il-litigazzjoni ma tkunx frivola;
  5. l-applikazzjoni tal-applikant ma tkunx ġiet irrifjutata fi żmien sitt xhur minħabba li jkun ta informazzjoni impreċiża intenzjonalment; u
  6. l-applikant ma jkunx ingħata għajnuna legali taħt regolamenti separati.

L-għajnuna legali sekondarja tiġi approvata mingħajr valutazzjoni preċedenti tas-sitwazzjoni ekonomika tal-applikant, jekk l-applikant ikun:

  1. minorenni li qed jipparteċipa fi proċedimenti ta’ manteniment;
  2. vittma ta’ reat vjolenti li tkun qed tfittex kumpens għad-dannu mġarrab b’riżultat tar-reat;
  3. benefiċjarju ta’ pagamenti ta’ manteniment taħt leġiżlazzjoni speċjali li tirregola d-drittijiet ta’ sigurtà soċjali, jew
  4. benefiċjarju ta’ żieda għall-għoli tal-ħajja taħt l-Att dwar id-drittijiet tal-veterani tal-Gwerra tal-Indipendenza tal-Kroazja u l-membri tal-familja tagħhom u taħt l-Att dwar il-protezzjoni ta’ veterani tal-gwerra militari u ċivili.

Applikanti li jfittxu għajnuna legali sekondarja jridu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom lill-uffiċċju kompetenti billi jużaw formola apposta.

Nista’ nitlob lura l-ispejjeż (talli nipparteċipa fl-investigazzjoni/fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Imputati li jinstabu ħatja jiġu ordnati mill-qorti biex ikopru l-ispejjeż tal-litigazzjoni, ħlief jekk ikunu eliġibbli għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali.

Meta proċedimenti kriminali jiġu sospiżi jew meta l-qorti ssib lill-konvenut innoċenti jew tirtira l-akkużi, id-deċiżjoni tal-qorti trid tipprovdi li l-ispiża tal-proċedimenti kriminali skont l-Artikolu 145(2)(1-5) ta’ dan l-Att, l-ispejjeż inevitabbli mġarrba mill-konvenut, u l-ispejjeż u t-tariffi inevitabbli tal-avukat tad-difiża u l-kumpens dovut lilu jiġġarrbu mill-Istat, ħlief fejn il-liġi tipprovdi mod ieħor.

Nista’ nressaq appell jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel nitla’ l-qorti?

Vittmi li l-kwereli tagħhom ikunu ġew rifjutati jistgħu jieħdu passi kriminali huma stess.

Jekk il-prosekutur pubbliku jsib li ma hemm ebda raġunijiet għall-prosekuzzjoni ta’ reat li fir-rigward tiegħu jistgħu jittieħdu passi ex officio jew għall-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-individwi rrappurtati, huwa jrid jinforma lill-vittma dwar dan fi żmien tmint ijiem u jinfurmaha bil-possibbiltà li tista’ tieħu passi hija stess. Dan irid isir ukoll minn qorti jekk tingħata deċiżjoni li li tkun waqqfet il-proċedimenti minħabba li l-prosekutur pubbliku jkun waqqaf il-prosekuzzjoni f’każijiet oħra.

Nista’ nkun involut fil-proċess?

Skont dan l-Att, il-parti leża fi proċedimenti kriminali għandha d-dritt li:

  • tuża l-lingwa materna tagħha, inkluża l-lingwa tas-sinjali, u li titlob interpretu, jekk ma tkunx titkellem jew tifhem bil-Kroat, jew inkella interpretu tal-lingwa tas-sinjali jekk il-parti leża tkun persuna nieqsa mis-smigħ jew nieqsa mis-smigħ u d-dawl;
  • tressaq kawża assoċjata għad-danni u mozzjonijiet għal inġunżjonijiet temporanji;
  • ikollha rappreżentanza legali;
  • tippreżenta fatti u tressaq provi;
  • tattendi seduta ta’ eżami tal-provi;
  • tattendi l-proċedimenti, tieħu sehem fil-proċedimenti ta’ eżami tal-provi u tagħmel dikjarazzjoni tal-għeluq;
  • titlob aċċess għall-atti tal-kawża skont l-Artikolu 184(2) ta’ dan l-Att;
  • titlob li tkun infurmata mill-prosekutur pubbliku dwar l-azzjoni meħuda abbażi tar-rapport tagħha, u tippreżenta kwerela lil prosekutur pubbliku superjuri;
  • tappella;
  • tipprova tkompli bis-sitwazzjoni preċedenti;
  • tkun notifikata dwar ir-riżultat tal-proċedimenti kriminali.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jiena meqjus(a) jew nista’ nagħżel li nkun meqjus(a) bħala: vittma, xhud, parti leża jew rikorrent privat?

Vittmi ta’ reat huma individwi privati li ġarrbu ħsara fiżika jew psikoloġika, dannu lill-proprjetà jew ksur serju tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom bħala konsegwenza diretta ta’ reat. Vittmi ta’ reat tista’ tfisser ukoll il-konjuġi, sieħeb, sieħeb tal-ħajja, sieħeb tal-ħajja informali u dixxendent(i) tal-persuna li l-mewt tagħha kienet direttament attribwibbli għar-reat, jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-axxendent(i) tagħhom jew l-aħwa tal-persuna li l-mewt tagħha kienet direttament attribwibbli għar-reat. Kwalunkwe persuna li kienet tirċievi manteniment legali mill-persuna deċeduta hija wkoll meqjusa bħala vittma ta’ dak ir-reat.

Parti leża hija vittma ta’ reat jew persuna ġuridika li tkun ġarrbet ħsara b’riżultat ta’ reat u li tipparteċipa fi proċedimenti kriminali bħala tali.

Il-kapaċità ta’ parti jew tal-parteċipant fil-proċedimenti ma tiddependix fuq ix-xewqa ta’ dik il-persuna, iżda fuq ir-rwol li dik il-persuna kellha fil-kwistjoni kriminali. Kwalunkwe persuna jista’ jkollha wieħed mir-rwoli ta’ hawn fuq, skont iċ-ċirkostanzi stabbiliti bil-liġi; l-għażla li għandhom tikkonċerna d-drittijiet li jixtiequ jeżerċitaw bħala parti leża jew vittma ta’ reat.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Vittma ta’ reat għandha d-dritt li:

  • taċċessa servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ reati;
  • tingħata assistenza u appoġġ psikoloġiku effettiv u assistenza u appoġġ professjonali ieħor minn korpi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jappoġġaw lill-vittmi ta’ reati, f’konformità mal-liġi;
  • tiġi protetta minn intimidazzjoni u ritaljazzjoni;
  • protezzjoni tad-dinjità tagħha waqt li tinstema’ bħala xhud;
  • tinstema’ mingħajr dewmien wara li tressaq kwerela, u sussegwentement li tiġi interrogata mhux aktar milli jkun assolutament meħtieġ għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali;
  • tkun akkumpanjata minn persuna li tafda fi kwalunkwe azzjoni li tipparteċipa fiha;
  • jsirhulha proċeduri mediċi minimi u dan biss jekk ikun assolutament vitali għall-fini tal-proċedimenti kriminali;
  • tippreżenta mozzjoni biex jittieħdu passi jew tressaq azzjoni privata skont il-Kodiċi Kriminali, biex tipparteċipa fi proċedimenti kriminali bħala parti leża, biex tiġi infurmata dwar iċ-ċaħda ta’ kwerela (l-Artikolu 206(3) tal-Att) u dwar id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li ma jieħu ebda azzjoni, kif ukoll biex tieħu passi b’mod individwali mingħajr il-prosekutur pubbliku;
  • tiġi infurmata mill-prosekutur pubbliku dwar l-azzjoni meħuda abbażi tal-kwerela tagħha (l-Artikolu 206a tal-Att), u tressaq kwerela quddiem il-prosekutur pubbliku superjuri (l-Artikolu 206b ta’ dan l-Att);
  • titlob u tirċievi informazzjoni mingħajr dewmien żejjed dwar il-ħelsien tat-trażgressur minn detenzjoni jew żamma taħt arrest, il-ħarba jew il-ħelsien tiegħu mill-ħabs, u l-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittma.
  • titlob u tirċievi informazzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni finali li ttemm il-proċedimenti kriminali;
  • teżerċita drittijiet oħra previsti mil-liġi;

Vittma li tipparteċipa fi proċedimenti kriminali bħala parti leża għandha d-dritt li:

  • tuża l-lingwa materna tagħha, inkluża l-lingwa tas-sinjali, u li titlob interpretu, jekk ma tkunx titkellem jew tifhem bil-Kroat, jew inkella interpretu tal-lingwa tas-sinjali jekk il-parti leża tkun persuna nieqsa mis-smigħ jew jew nieqsa mis-smigħ u d-dawl;
  • tressaq kawża għal kumpens u ordnijiet temporanji;
  • ikollha rappreżentanza legali;
  • tippreżenta fatti u tressaq provi;
  • tattendi seduta ta’ eżami tal-provi;
  • tattendi l-proċedimenti, tieħu sehem fil-proċedimenti ta’ eżami tal-provi u tagħmel dikjarazzjoni tal-għeluq;
  • titlob aċċess għall-fajl tal-kawża f’konformità mal-liġi;
  • titlob li tkun infurmata mill-prosekutur pubbliku dwar ir-rikors meħud abbażi tar-rapport tagħha, u tippreżenta kwerela lil prosekutur pubbliku superjuri;
  • tappella;
  • tipprova tkompli bis-sitwazzjoni preċedenti;
  • tkun notifikata dwar ir-riżultat tal-proċedimenti kriminali.

Minbarra d-drittijiet tal-vittmi taħt dan l-Att il-vittmi tfal igawdu d-drittijiet li ġejjin:

  1. rappreżentant ipprovdut mingħajr ħlas,
  2. protezzjoni tad-data personali,
  3. esklużjoni tal-pubbliku. (L-Artikolu 44(1) tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali)

Minbarra d-drittijiet tal-vittmi msemmija fl-Artikolu 43 ta’ dan l-Att, il-vittmi ta’ reati sesswali u traffikar tal-bnedmin igawdu d-drittijiet li ġejjin:

  1. konsultazzjoni mingħajr ħlas qabel jiġu intervistati,
  2. rappreżentant mingħajr ħlas,
  3. li jiġu interrogati, fl-għassa tal-pulizija jew fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, minn persuna tal-istess sess, u, jekk possibbli, minn dik l-istess persuna jekk l-intervista tiġi ripetuta,
  4. biex ma jagħtux tweġiba għal mistoqsijiet li mhumiex relatati mar-reat iżda li jikkonċernaw il-ħajja privata tal-vittma,
  5. biex jitolbu li jiġu intervistata b’mezzi awdjoviżivi (l-Artikolu 292(4) ta’ dan l-Att),
  6. protezzjoni tad-data personali,
  7. esklużjoni tal-pubbliku mill-proċedimenti. (L-Artikolu 44(4) tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali)

Matul l-istadju tal-investigazzjoni, vittmi ta’ reati li huma rikorrenti privati jew partijiet leżi jistgħu jiġbdu l-attenzjoni għall-fatti kollha u jippreżentaw evidenza li tkun materjali għall-aċċertar tar-reat, għall-identifikazzjoni tat-trażgressur(i) u għall-istabbiliment tat-talbiet tagħhom fil-kawża assoċjata għall-kumpens.

Kemm qabel u fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-qorti jridu jqisu jekk huwiex possibbli li l-imputat jikkumpensa lill-parti leża għal kwalunkwe telf ikkawżat mir-reat Huma jridu jinfurmaw lill-parti leża wkoll dwar ċerti drittijiet skont il-liġi (eż. id-dritt tal-parti leża li tuża l-lingwa materna tagħha, id-dritt li tressaq kawża għad-danni, eċċ.).

Persuni li x’aktarx ikollhom informazzjoni dwar ir-reat, it-trażgressur jew ċirkustanzi pertinenti oħra jistgħu jiġu mħarrka bħala xhieda.

Partijiet leżi, partijiet leżi li jaġixxu bħala rikorrent u rikorrenti privati jistgħu jiġu interrogati bħala xhieda.

Rikorrent privat għandu l-istess drittijiet bħall-prosekutur pubbliku, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet li jappartjenu unikament għal awtorità tal-Istat.

Matul il-proċess, nista’ nagħmel dikjarazzjoni jew nippreżenta evidenza? Taħt liema kundizzjonijiet?

Skont dan l-Att, il-parti leża għandha d-dritt li:

  1. tiġbed l-attenzjoni għall-fatti u tippreżenta evidenza;
  2. tattendi seduta ta’ eżami tal-provi;
  3. tattendi l-proċedimenti, tieħu sehem fil-proċedimenti ta’ eżami tal-provi u tagħmel dikjarazzjoni tal-għeluq (Artikolu 51(1) tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali).

Vittma li tieħu passi għandha l-istess drittijiet bħall-prosekutur pubbliku, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet li jappartjenu unikament għal awtorità tal-Istat.

Rikorrent privat għandu l-istess drittijiet bħall-Avukat Ġenerali, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet li jappartjenu unikament għal awtorità tal-Istat. Ir-rikorrenti privati huma soġġetti għall-istess dispożizzjonijiet proċedurali li japplikaw għall-partijiet leżi u r-rikorrenti.

Fis-seduta, il-prim imħallef jistieden lill-partijiet kollha biex juru l-evidenza li beħsiebhom jippreżentaw fis-seduta prinċipali. Kull parti hija mistiedna tikkummenta dwar is-sottomissjonijiet tal-parti l-oħra.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Matul l-istadju tal-investigazzjoni, vittmi ta’ reati li huma rikorrenti privati jew partijiet leżi jistgħu jiġbdu l-attenzjoni għall-fatti kollha u jippreżentaw evidenza li tkun materjali għall-aċċertar tar-reat, għall-identifikazzjoni tat-trażgressur(i) u għall-istabbiliment tat-talbiet tagħhom fil-kawża għall-kumpens.

Vittma li tipparteċipa fi proċedimenti kriminali bħala parti leża għandha d-dritt li:

  • titlob li tkun infurmata mill-prosekutur pubbliku dwar l-azzjoni meħuda abbażi tar-rapport tagħha, u tippreżenta kwerela quddiem prosekutur pubbliku superjuri;
  • tiġi infurmata li l-kwerela tkun ġiet miċħuda jew li l-prosekutur pubbliku jkun iddeċieda li ma jieħu ebda azzjoni;
  • tirċievi avviż dwar l-eżitu tal-proċedimenti kriminali.

Inkun nista’ naċċessa l-atti tal-kawża?

Vittma li tipparteċipa fi proċedimenti kriminali bħala l-parti leża tista’ taċċessa l-atti tal-kawża.

L-aħħar aġġornament: 08/10/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.