Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

Il-vittmi ta’ reat għandhom għadd ta’ drittijiet fi proċedimenti prekontenzjużi u kriminali, bi protezzjoni partikolari tingħata lit-tfal u lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u reati kontra l-libertà sesswali.

Il-vittmi tal-kriminalità għandhom id-drittijiet li ġejjin:

  1. aċċess għal servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ reati;
  2. assistenza u appoġġ psikoloġiku effettiv u assistenza u appoġġ professjonali ieħor minn korpi, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jappoġġaw lill-vittmi ta’ reati, f’konformità mal-liġi;
  3. ħarsien mill-intimidazzjoni u mir-ritaljazzjoni;
  4. ħarsien tad-dinjità tagħhom waqt li jkunu qed jagħtu evidenza bħala vittmi;
  5. li jinstemgħu mingħajr dewmien wara li jirrapportaw reat, u sussegwentement li jiġu interrogati mhux aktar milli jkun assolutament meħtieġ għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali;
  6. li jkunu akkumpanjati minn persuna ta’ fiduċja fi kwalunkwe azzjoni li jkunu qed jieħdu sehem fiha;
  7. li jgħaddu minn proċeduri mediċi minimi u dan biss jekk ikun assolutament essenzjali għall-fini tal-proċedimenti kriminali;
  8. li jippreżentaw talba biex iħarrku jew jieħdu azzjoni privata skont il-Kodiċi Kriminali (Kazenski zakonik), biex jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali bħala parti leża, biex jiġu infurmati dwar ir-rifjut ta’ akkuża kriminali (l-Artikolu 206(3) tal-Kodiċi Kriminali) u dwar id-deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku (državni odvjetnik) li ma jieħu ebda azzjoni, kif ukoll biex ifittxu prosekuzzjoni b’mod individwali mingħajr il-Prosekutur Pubbliku;
  9. li jiġu infurmati mill-Prosekutur Pubbliku dwar l-azzjoni meħuda abbażi tal-akkuża tagħhom (l-Artikolu 206a tal-Kodiċi Kriminali), u jressqu ilment quddiem l-Prosekutur Pubbliku superjuri (viši državni odvjetnik) (l-Artikolu 206b ta’ dan il-Kodiċi Kriminali);
  10. li jitolbu u jirċievu informazzjoni mingħajr dewmien żejjed dwar il-ħelsien tat-trażgressur minn detenzjoni jew żamma taħt arrest, il-ħarba jew il-ħelsien tat-trażgressur mill-ħabs, u dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tal-vittma;
  11. li jitolbu u jirċievu informazzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni finali li ttemm il-proċedimenti kriminali;
  12. drittijiet oħra previsti mil-liġi.

Barra minn hekk, il-vittmi ta’ reati sesswali u traffikar tal-bnedmin għandhom id-dritt ukoll:

  1. għal konsultazzjoni ma’ konsulent legali mħallas mill-Istat qabel ma jiġu interrogati;
  2. għal rappreżentant imħallas mill-Istat;
  3. li jkunu intervistati minn persuna tal-istess sess fl-għassa tal-pulizija jew l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (državno odvjetništvo), u li jkunu intervistati mill-istess persuna jekk issir intervista oħra;
  4. li jirrifjutaw li jwieġbu mistoqsijiet li jirrigwardaw il-ħajja personali tagħhom u li ma humiex relatati mar-reat;
  5. li jitolbu li jkunu intervistati b’mezzi awdjoviżivi (l-Artikolu 292 tal-Kodiċi Kriminali);
  6. għal protezzjoni tad-data personali;
  7. li jitolbu li s-seduta ta’ smigħ ma tkunx miftuħa għall-pubbliku.

Vittmi minorenni għandhom id-drittijiet kollha ta’ hawn fuq kif ukoll id-dritt għal:

  1. rappreżentant imħallas mill-Istat;
  2. protezzjoni tad-data personali;
  3. seduta ta’ smigħ li ma tkunx waħda pubblika.

Minorenni hija kull persuna taħt l-età ta’ 18-il sena.

Ix-xhieda minorenni jew vittmi jiġu eżaminati mill-imħallef inkwirenti f’seduta ta’ smigħ istruttorja, u t-taħrika tintbagħat lill-ġenituri jew lill-kustodju tagħhom.

Azzjoni privata

Meta jiġi rrappurtat reat, il-prosekutur pubbliku fil-parti l-kbira ta’ każijiet iwettaq prosekuzzjoni ex officio.

Azzjoni privata tista’ tiġi mressqa fil-każ ta’ reati li għalihom jitniedu proċedimenti kriminali abbażi ta’ azzjoni privata. L-azzjoni privata trid titressaq fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta l-persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata tkun saret taf bir-reat u b’min wettqu.

Talbiet għad-danni

Parti leża għandha d-dritt li tressaq talba għad-danni bħala parti mill-proċedimenti kriminali.

Il-vittmi tal-kriminalità jikkwalifikaw ukoll bħala partijiet leżi u huma intitolati li jressqu talba għad-danni quddiem il-qorti.

Talba għad-danni tista’ tfittex:

  • kumpens għad-danni, li jistgħu jkunu tanġibbli jew intanġibbli (uġigħ imġarrab, biża’);
  • l-għoti lura tal-proprjetà personali — jekk il-parti leża tista’ tipprova li hija s-sid jew id-detentur leġittimu;
  • l-annullament ta’ tranżazzjoni speċifika — jekk ir-reat ikun irriżulta fi tranżazzjoni ta’ proprjetà (jekk l-imputat ikun ġiegħel lill-vittma biex tikkonkludi kuntratt).

Talba għad-danni tista’ tiġi ppreżentata bħala parti minn proċedimenti kriminali jew f’azzjoni ċivili separata kontra l-konvenut. Talba għad-danni ppreżentata matul proċedimenti kriminali tista’ tiġi milqugħa biss jekk il-qorti ssib lill-akkużat ħati.

Dan ma huwiex rekwiżit għas-suċċess ta’ talba ppreżentata fi proċedimenti ċivili.

Id-drittijiet tal-partijiet leżi matul investigazzjoni u fi proċedimenti kriminali

Il-vittmi li jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali bħala partijiet leżi huma intitolati:

  • li jużaw il-lingwa materna tagħhom, inkluża l-lingwa tas-sinjali, u jitolbu l-assistenza ta’ interpretu jekk ma jifhmux jew ma jitkellmux il-Kroat, jew ta’ interpretu tal-lingwa tas-sinjali jekk ikunu torox jew torox-għomja;
  • li jippreżentaw talba għad-danni u talbiet għal inġunzjonijiet temporanji;
  • għal rappreżentant;
  • li jippreżentaw il-fatti u jressqu l-evidenza;
  • li jattendu seduta ta’ smigħ istruttorja;
  • li jattendu l-proċedimenti, jieħdu sehem fil-proċedimenti ta’ eżami tal-provi u jagħmlu dikjarazzjoni tal-għeluq;
  • li jkollhom aċċess għall-atti tal-kawża;
  • li jitolbu li jkun infurmati mill-prosekutur pubbliku dwar l-azzjoni meħuda abbażi tal-akkużi tagħhom, u jippreżentaw kwerela lil prosekutur pubbliku superjuri;
  • li jappellaw;
  • li jitolbu li jkun hemm treġġigħ lura tas-sitwazzjoni għal kif kienet qabel;
  • li jiġu nnotifikati dwar l-eżitu tal-proċedimenti kriminali.

Kemm qabel kif ukoll fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti kriminali, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u l-qorti jridu jqisu l-portata għall-konvenut li jikkumpensa lill-parti leża għal kwalunkwe telf ikkawżat minħabba r-reat. Huma jridu wkoll jinformaw lill-parti leża bid-dritt li jużaw il-lingwa tagħhom stess, inkluż il-lingwa tas-sinjali għat-torox u torox-għomja, u bl-assistenza ta’ interpretu jekk ma jitkellmux jew ma jifhmux il-Kroat, jew ta’ traduttur jew interpretu fil-lingwa tas-sinjali jekk ikunu torox jew torox-għomja, id-dritt li jressqu rikors għal talba ċivili u għal inġunzjonijiet temporanji, li jippreżentaw dikjarazzjoni tal-fatti u li jippreżentaw evidenza, li jattendu għall-proċedimenti u li jipparteċipaw fi proċedimenti istruttorji, li jagħmlu dikjarazzjoni tal-għeluq, li jaċċedu għall-fajl tal-kawża, u li jistaqsu li jiġu informati mill-prosekutur pubbliku fir-rigward ta’ kawża mibdija abbażi tal-akkużi kontrihom u li jressqu ilment ma’ prosekutur pubbliku superjuri.

Id-dritt għall-kumpens finanzjarju

L-Att dwar il-Kumpens Finanzjarju għall-Vittmi ta’ Reat (Zakon o novčanoj naknadi žrtvama kaznenih djela) (Narodne Novine (NN; il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 80/08 u 27/11) jistabbilixxi d-dritt ta’ kumpens finanzjarju għall-vittmi ta’ reat li jkun jinvolvi vjolenza mwettqa b’intenzjoni fil-Kroazja jew għall-qraba tagħhom skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Att.

Jistabbilixxi d-dritt ta’ kumpens finanzjarju għall-vittmi ta’ reat vjolenti mwettaq b’intenzjoni u jispeċifika l-prerekwiżiti u l-proċeduri sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kumpens, il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet u li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ kumpens u l-korpi u l-proċeduri f’kawżi transfruntieri.

Il-vittimi ta’ reati vjolenti mwettqa b’intenzjoni għandhom dritt għal kumpens finanzjarju mill-baġit nazzjonali.

Il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u l-qrati huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar id-dritt għall-kumpens, jipprovdu l-formoli ta’ applikazzjoni meħtieġa u fuq talba tal-vittma, jagħtu gwida ġenerali u informazzjoni dwar kif għandu jsir ir-rikors u dwar liema dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu annessi.

L-applikazzjonijiet għall-kumpens finanzjarju jridu jiġu ppreżentati lill-Ministeru tal-Ġustizzja fuq il-formola li tista’ titniżżel mis-sit web tal-Ministeru.

Formola ta’ applikazzjoni għall-kumpens finanzjarju għall-vittmi ta’ reat_hr  PDF (223 Kb) hr

Ir-rikorsi iridu jiġu ppreżentati fi żmien sitt xhur mid-data meta jkun seħħ ir-reat. Jekk il-vittma jkollha raġunijiet leġittimi għaliex naqset milli tippreżenta r-rikors sal-iskadenza, hija għandha tagħmel dan fi żmien tliet xhur mid-data li fiha dawk ir-raġunijiet ma jibqgħux jeżistu, u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet snin mid-data li fiha jkun twettaq ir-reat.

Jekk il-vittma hija minorenni jew persuna mċaħħda mill-kapaċità legali tagħha u r-rappreżentant legali tagħha naqas milli jippreżenta talba fi żmien sitt xhur mid-data tar-reat, l-iskadenza ta’ sitt xhur tibda mill-jum li fih il-vittma tilħaq l-età ta’ 18-il sena jew mill-jum meta, wara li l-vittma tkun laħqet l-età ta’ 18-il sena, jinbdew il-proċedimenti kriminali, jew mill-jum li fih il-vittma terġa’ tibda tgawdi minn kapaċità legali.

Id-dritt għal kumpens finanzjarju japplika fil-każijiet li ġejjin:

  • il-vittmi ta’ reat li jinvolvi vjolenza jekk ikunu ċittadini tar-Repubblika tal-Kroazja, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ir-residenti permanenti fl-Unjoni Ewropea, u r-reat ikun twettaq fil-Kroazja;
  • il-vittmi li jkunu ġarrbu offiża gravi fuq il-persuna jew deterjorament tas-saħħa bħala riżultat tar-reat ikunu intitolati għall-kumpens tal-ispejjeż tat-trattament, dment li dan tal-aħħar ma jkunx kopert minn assigurazzjoni tas-saħħa obbligatorja, sal-ammont tal-assigurazzjoni tas-saħħa fir-Repubblika tal-Kroazja u kumpens għat-telf ta’ qligħ li jista’ jilħaq HRK 35 000;
  • il-persuni li jkunu qraba stretti tal-vittma deċeduta (konjuġi jew sieħeb/sieħba, wild, ġenitur, ġenitur adottiv, wild adottat, żewġ jew mart il-ġenitur, wild tal-konjuġi minn relazzjoni preċedenti, sieħeb/sieħba tal-istess sess, nannu/nanna u neputi/neputija jekk ikunu jagħmlu parti mill-istess dar bħall-vittma) huma intitolati għal kumpens li jista’ jilħaq HRK 70 000 għat-telf tal-manteniment statutorju;
  • f’każ ta’ mewt tal-vittma, il-persuna li tħallas għall-ispejjeż tal-funeral hija intitolata għal kumpens li jista’ jasal sa HRK 5 000;
  • jekk reat jiġi rrappurtat lill-pulizija jew jitressaq minnhom jew mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali fi żmien sitt xhur mid-data li fih seħħ, minkejja jekk l-awtur tar-reat ikunx magħruf jew le.

Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens, jittieħed kont tal-imġiba tal-vittma matul u wara r-reat, il-kontribut tagħha għad-dannu u l-firxa tagħha, jekk il-vittma hijiex vittma diretta u jekk irrapportatx id-delitt lill-awtoritajiet kompetenti u meta tkun għamlet dan. Barra minn hekk, issir valutazzjoni dwar kemm il-vittma ikkooperat mal-pulizija u mal-awtoritajiet kompetenti sabiex l-awtur tar-reat jitressaq quddiem il-ġustizzja, filwaqt li jitqies jekk il-vittma immedjata ikkontribwietx għad-dannu jew aggravatx id-dannu; fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet il-kumpens li hija intitolata l-vittma għalih se jitnaqqas kif xieraq. Ir-rikors għall-kumpens ma jintlaqgħax, jew l-ammont jiġi mnaqqas, jekk jinstab li l-vittma tkun involuta fi kriminalità organizzata jew f’organizzazzjoni kriminali. Il-kumpens jista’ jiġi wkoll ma jintlaqgħax, jew l-ammont imnaqqas, jekk l-għoti tal-kumpens kollu jikser il-prinċipji ta’ ġustizzja, moralità u ordni pubbliku.

Avviż dwar il-ħelsien ta’ trażgressur

Meta l-imputatat jingħata sentenza ta’ priġunerija, is-Servizz għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda (Služba za podršku žrtvama i svjedocima) fil-Ministeru tal-Ġustizzja jinforma lill-vittma dwar id-data tal-ħelsien tal-priġunier (ħelsien bla kundizzjonijiet u ħelsien bi probation).

Obbligu statutorju li l-vittmi jiġu infurmati dwar il-ħelsien tal-priġunier

F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att li Jemenda l-Att dwar l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi ta' Priġunerija (Zakon o izmjenama i dopunama Zakona o izvršenju kazne zatvora), is-Servizz Indipendenti għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda fil-Ministeru tal-Ġustizzja huwa obbligat jinnotifika lill-vittma, lill-parti leża jew lill-familja tagħha dwar il-ħelsien tal-priġunier.

Il-vittmi huma nnotifikati bil-ħelsien tal-priġunier f’każijiet kontra l-libertà sesswali u l-moralità sesswali, kontra l-ħajja u minħabba korriment gravi u reati li jinvolvu vjolenza.

Il-vittma, il-parti leża jew il-familja tagħha jingħataw din l-informazzjoni, irrispettivament minn jekk il-priġunier ikunx qed jiġi rilaxxat mingħajr kundizzjonijiet jew bi probation.

Barra minn hekk, meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar jekk priġunier jitħalliex joħroġ mill-ħabs biex imur fil-post ta’ residenza permanenti jew temporanju tiegħu, il-faċilitajiet korrettivi/il-ħabsijiet jistgħu jitolbu lis-Servizz għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda jipprovdi informazzjoni dwar ir-reazzjoni tal-vittma jew tal-familja tal-vittma għal din il-possibbiltà. Is-Servizz għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda fil-Ministeru tal-Ġustizzja jħejji rapporti għall-faċilità korrettiva/ħabs abbażi tad-diskussjonijiet tiegħu mal-vittma.

Appoġġ lix-xhieda u lill-vittmi

L-appoġġ lix-xhieda u lill-vittmi fir-Repubblika tal-Kroazja huwa kkoordinat mis-Servizz għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda fil-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-vittmi u x-xhieda jistgħu jingħataw appoġġ u informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri mingħand id-Dipartiment ta’ Appoġġ għall-Vittmi u x-Xhieda ta’ qorti.

Dawn id-dipartimenti twaqqfu f’seba’ qrati tal-kontea (županijski sudovi), jiġifieri f’Zagreb, Zadar, Osijek, Vukovar, Split, Sisak u Rijeka. Id-dipartimenti jipprovdu appoġġ emozzjonali, informazzjoni prattika u informazzjoni dwar id-drittijiet għall-vittmi, u appoġġ u informazzjoni għax-xhieda u għall-persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom. Hemm ukoll dipartimenti li jipprovdu appoġġ fil-qrati kompetenti muniċipali u f’dawk għar-reati minuri (općinski u prekršajni sudovi).

Il-vittmi jistgħu jiksbu wkoll informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u t-tipi ta’ assistenza disponibbli għalihom billi jċemplu n-numru tat-telefown bla ħlas 116 006 taċ-Ċentru Telefoniku Nazzjonali għall-Vittmi ta’ Reati u ta’ Reati Minuri (ara wkoll is-sit web taċ-Ċentru Telefoniku Nazzjonali).

Il-Ministeru tal-Ġustizzja jipprovdi wkoll lill-vittmi u lix-xhieda b’appoġġ u b’informazzjoni dwar drittijiethom, u jistgħu jintbagħtu mistoqsijiet permezz tal-posta elettronika lil: zrtve.i.svjedoci@pravosudje.hr jew fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Kroazja:https://pravosudje.gov.hr/

Appoġġ lill-vittmi u lix-xhieda f’kawżi transfruntieri

Is-Servizz għall-Appoġġ tal-Vittmi u tax-Xhieda li twaqqaf fil-Ministeru tal-Ġustizzja, jipprovdi appoġġ u informazzjoni kemm lill-vittmi kif ukoll lix-xhieda li jiġu mħarrka permezz tal-assistenza legali internazzjonali (inklużi xhieda ta’ delitti tal-gwerra).

Ittri ta’ informazzjojni jintbagħtu lix-xhieda li jitħarrku biex jixhdu fil-qrati fir-Repubblika tal-Kroazja, jew lil xhieda Kroati li jitħarrku biex jidhru quddiem qrati barranin.

Ix-xhieda ta’ delitti tal-gwerra jingħataw protezzjoni fiżika fejn ikun meħtieġ, u assistenza sabiex jippreparaw il-vjaġġ tagħhom u biex jidhru quddiem korp ġudizzjarju kompetenti (fil-każ ta’ xhieda jew partijiet oħra li jitħarrku għal interrogazzjoni fi proċedimenti kriminali marbutin ma’ delitti tal-gwerra quddiem korpi ġudizzjarji kompetenti fir-Repubblika tal-Kroazja jew barra mill-Kroazja meta dan l-appoġġ ikun marbut ma’ talba għal assistenza legali internazzjonali).

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt sabiex issib l-informazzjoni li teħtieġ:

1 - Id-drittijiet tiegħi bħala vittma ta’ reat

2 - Ir-rapportar ta’ reat u d-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni jew il-proċess

3 - Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess

4 - Kumpens

5 - Id-drittijiet tiegħi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ appoġġ u assistenza

L-aħħar aġġornament: 27/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.