Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Jiena vittma ta’ reat kriminali, lil min għandi nikkuntattja għal appoġġ u assistenza?

L-istrutturi ta’ appoġġ għall-vittmi huma elenkati f’direttorju tal-assoċjazzjonijiet tal-appoġġ għall-vittmi: Annuaire des associations d’aide aux victimes.

Tista’ tikkuntattja lill-assoċjazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi li tinsab l-eqreb minn fejn tgħix.

Hotline ta’ appoġġ għall-vittmi

Assistenza speċifika għall-vittmi:

  • Tfal fil-periklu: 119 — 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa
  • Tfal neqsin: 116 000 — 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa
  • Vjolenza fuq in-nisa: 3919 — 7 ijiem fil-ġimgħa, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9.00 sal-22.00 u s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi mid-9.00 sas-18.00
  • Stupru u attakk sesswali: 0 800 05 95 95 — mit-Tnejn sal-Ġimgħa mill-10.00 sas-19.00
  • Attakki razzisti: 01 40 35 36 55 — it-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa mill-10.30 sas-13.30
  • Atti omofobiċi: 01 48 06 42 41 — mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-18.00 sal-22.00, is-Sibt mis-14.00 sal-16.00 u l-Ħadd mis-18.00 sat-20.00
  • Bullying fl-iskola: 3020 — mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9.00 sat-20.00 u s-Sibt mid-9.00 sas-18.00

L-appoġġ għall-vittmi huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-għajnuna pprovduta mill-assoċjazzjonijiet tal-appoġġ għall-vittmi hija kompletament mingħajr ħlas.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand servizzi jew awtoritajiet tal-istat?

Għajnuna medika:

Vittma tista’ tikkonsulta tabib u tikseb ċertifikati li jikkostataw l-korrimenti tagħha meta żżur sptar.

Vjolenza domestika:

Irrispettivament mill-istat ċivili, f’każ ta’ periklu, vittma tista’ tressaq rikors urġenti quddiem imħallef tal-qorti tal-familja (juge aux affaires familiales) fil-qorti reġjonali (tribunal de grande instance) biex tikseb ordni ta’ protezzjoni li b’mod provviżorju tagħtiha l-użu tad-dar matrimonjali u teskludi lil sieħeb jew sieħba vjolenti.

Għajnuna legali:

Kull qorti reġjonali għandha uffiċċju tal-appoġġ għall-vittmi (bureau d’aide aux victimes) immexxi minn assoċjazzjoni tal-appoġġ għall-vittmi. Dawn l-uffiċċji jinfurmaw, jiggwidaw u jakkumpanjaw lill-vittmi ta’ reati kriminali, u jispjegawlhom il-funzjonament tal-qrati u kwalunkwe proċediment li jikkonċernahom li jista' jkun għaddej. Dan jippermetti lill-vittmi jżommu ruħhom aġġornati ma’:

  • kwalunkwe pass li jittieħed għal raġunijiet ta’ urġenza, bħal dehra immedjata fil-qorti (comparution immédiate);
  • il-progress tal-proċedimenti kriminali.

Il-vittmi dejjem se jiġu ggwidati lejn kwalunkwe mekkaniżmu ta’ kumpens li jistgħu jikkwalifikaw għalih.

L-assistenza mogħtija hija mingħajr ħlas u kunfidenzjali.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand organizzazzjonijiet nongovernattivi?

L-assoċjazzjonijiet tal-appoġġ għall-vittmi jassistu lill-vittmi permezz ta’ proċedimenti billi jipprovdu informazzjoni legali u dwar il-benesseri u appoġġ psikoloġiku mingħajr ħlas. Ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jassistu lill-vittmi meta jressqu kwerela jew jitolbu biex jiġu trattati bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali. Huma jistgħu jattendu wkoll seduti kriminali, u jgħinu lill-vittma tifhem il-passi proċedurali u d-deċiżjonijiet meħuda mill-atturi differenti.

L-assoċjazzjonijiet tal-appoġġ għall-vittmi jista’ jkollhom preżenza fl-għases tal-ġendarmerija u tal-pulizija, fl-isptarijiet, fil-qrati, fl-uffiċċji tal-benesseri soċjali, eċċ. L-indirizzi u n-numri tat-telefown tagħhom huma disponibbli mill-qrati u mill-għases tal-ġendarmerija u tal-pulizija, u anke mid-direttorju aċċessibbli fuq din il-ħolqa.

Flimkien ma’ dawn l-assoċjazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi ordinarji, hemm numru kbir ta’ assoċjazzjonijiet oħra li ma għandhomx rikonoxximent speċjali u li jaħdmu f’oqsma partikolari bħall-korriment personali, il-vjolenza domestika, aċċidenti tat-traffiku, żbalji mediċi, eċċ. Ċerti assoċjazzjonijiet li jispeċjalizzaw fl-għajnuna għan-nisa li huma vittmi ta’ vjolenza jistgħu jipprovdu lin-nisa u lil uliedhom b’akkomodazzjoni temporanja.

L-aħħar aġġornament: 07/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.