Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

X’inhu l-proċess biex titlob kumpens għad-danni mingħand l-awtur tar-reat? (pereżempju kawża fil-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni [Adhäsionsverfahren])

Jekk sofrejt dannu bħala l-vittma ta’ delitt, int intitolat li titlob danni jew pagament għall-uġigħ u t-tbatija, irrispettivament mill-proċedimenti kriminali, billi tinbeda azzjoni ċivili. Madankollu, intitolat ukoll li titlob id-danni billi tressaq rikors għal proċedura ta’ adeżjoni (Adhäsionsverfahren) fil-proċedimenti kriminali. Jekk, bħala riżultat ta’ deċiżjoni kriminali, inqabdet proprjetà li tappartjeni lilek (Tatbeute), u li hija ekwivalenti għad-danni tal-proprjetà dovuti lilek, tista’ tirkupra din il-proprjetà jew ammont ekwivalenti ta’ flus mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku.

Il-qorti ordnat lill-awtur tar-reat biex iħallasni għad-danni/jagħtini kumpens. Kif nista’ niżgura li l-awtur tar-reat iħallas?

Id-deċiżjonijiet dwar adeżjonijiet u soluzzjonijiet milħuqa fi proċeduri ta’ adeżjoni, kif ukoll deċiżjonijiet u soluzzjonijiet milħuqa fi proċedimenti ċivili, jistgħu jiġu eżegwiti skont ir-regoli ġenerali dwar l-eżekuzzjoni. L-eżekuzzjoni titwettaq fuq il-bażi ta’ kopja eżegwibbli tad-deċiżjoni jew tas-soluzzjoni milħuqa, li tinħareġ mill-iskrivan tal-qorti kriminali.

Jekk l-awtur tar-reat ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? X’inhuma l-kundizzjonijiet?

Il-liġi ma tipprevedix avvanzi mill-Istat għal kwalunkwe kumpens pagabbli mill-persuna kkundannata.

Jien intitolat għal kumpens mill-Istat?

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

Jekk int vittma ta’ delitt vjolenti fil-Ġermanja u għandek korriment li wassal għal diżabilità, tista’ titlob kumpens għall-vittmi.

Tista’ wkoll titlob kumpens jekk int s-superstiti ta’ vittma li mietet kaġun ta’ delitt vjolenti.

Mill-1 ta’ Lulju 2018, il-vittmi li mhumiex ċittadini Ġermaniżi jistgħu jitolbu retroattivament l-istess pagamenti ta’ kumpens bħaċ-ċittadini Ġermaniżi.

Mill-2009, il-vittmi b’residenza fissa fil-Ġermanja jistgħu jitolbu wkoll kumpens skont l-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi (Opferentschädigungsgesetz, OEG) anki jekk id-delitt vjolenti seħħ barra mill-pajjiż.

Għal liema tip ta’ delitt nista’ nieħu kumpens?

Għal delitt vjolenti, li huwa attakk intenzjonat u illegali fuq persuna (eż. attakk fiżiku, attakk sesswali, attakk terroristiku, qtil, avvelenament, ħruq doluż).

X’pagamenti ta’ kumpens nista’ nikseb?

Il-kumpens jitħallas mhux biss għad-diżabilità (fiżika u psikoloġika), iżda wkoll għall-konsegwenzi ekonomiċi ta’ kwalunkwe diżabilità bħal din.

L-ammont u t-tul tal-pagamenti tal-kumpens huma regolati mill-Att dwar l-Assistenza Federali (Bundesversorgungsgesetz). B’mod partikolari għandhom ikopru:

  • Trattament mediku/fl-isptar
  • Għajnuniet mediċi (eż. proteżi, proteżi dentali, siġġu tar-roti)
  • Kumpens għall-partijiet leżi u s-superstiti
  • Spejjeż tal-funeral u għotjiet għal mewt
  • Benefiċċji soċjali addizzjonali għal dawk li huma ekonomikament imċaħħda (eż. għajnuna għall-kura, għajnuna addizzjonali għall-għixien).

Madankollu, ma jitħallasx kumpens għal ħsara lill-proprjetà u telf finanzjarju. M’hemm l-ebda pagament għall-uġigħ u t-tbatija skont l-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi. Il-vittmi b’residenza fissa fil-Ġermanja jistgħu jirċievu wkoll pagamenti ta’ kumpens għal delitt vjolenti li seħħ barra mill-pajjiż, iżda l-ammont ikun inqas.

Kif u fejn nista’ nitlob kumpens?

Tista’ titlob kumpens mill-Istat b’mod informali jew billi tibgħat applikazzjoni formali. Ma hemm l-ebda skadenza għall-applikazzjonijiet. Madankollu, ġeneralment tirċievi benefiċċji biss mid-data li fiha applikajt għalihom.

Tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek lill-awtorità tal-protezzjoni soċjali fl-Istat federali fejn għandek residenza fissa.

Jekk m’għandekx residenza fissa fil-Ġermanja imma kont vittma ta’ delitt vjolenti fil-Ġermanja, tista’ tibgħat applikazzjoni lill-awtorità tal-protezzjoni soċjali fl-Istat federali fejn seħħ id-delitt.

B'mod ġenerali, jekk applikajt għal benefiċċji mill-Istat, inti obbligat li tieħu sehem fil-proċedura ta’ kumpens. Dan ifisser li tagħti rendikont taċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jgħinu biex jiċċaraw il-fatti tal-każ. Dan jinkludi r-rapportar tad-delitt lill-pulizija. F’ċerti każijiet, jista’ ma jkunx meħtieġ li d-delitt jiġi rrappurtat.

M’għandekx għalfejn tistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet tal-pulizija jew tal-proċedimenti kriminali.

Tista’ ssib l-informazzjoni importanti l-oħra kollha dwar il-kumpens mill-Istat hawnhekk:

BMAS - Opferentschädigung (German)

BMAS - Opferentschädigung (English) [Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali - kumpens għall-vittmi]

Inkun intitolat għal kumpens jekk l-awtur tar-reat ma jiġix ikkundannat?

Il-kumpens mill-Istat huwa disponibbli irrispettivament minn jekk l-awtur tar-reat ikunx ġie identifikat jew ikkundannat. Bħala regola, m’għandekx għalfejn tistenna li l-proċedimenti kriminali jiġu konklużi biex tirċievi kumpens mill-Istat. L-awtoritajiet kompetenti għall-kumpens jagħmlu deċiżjoni indipendenti dwar kwalunkwe applikazzjoni għal kumpens mill-Istat.

Jekk l-awtur tar-reat ma jiġix ikkundannat fil-proċedimenti kriminali, il-kumpens jista’ jitħallas biss sakemm l-awtur tar-reat ma jkunx meħlus u l-proċedimenti ma jitwaqqfux minħabba nuqqas ta’ provi; il-kumpens jitħallas biss għal reati inqas serji fejn il-proċedimenti jiġu sospiżi iżda jiġu imposti obbligi jew struzzjonijiet fuq l-awtur tar-reat. F’każijiet bħal dawn, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew il-Qorti jistgħu jordnaw li tingħata kumpens, jiġifieri danni jew pagament għall-uġigħ u t-tbatija, bħala l-vittma, ladarba l-proċedimenti finalment jingħalqu wara li l-kumpens jitħallas kollu kemm hu. Madankollu, bħala l-vittma, m’għandekx dritt għal kumpens bħal dan.

Azzjoni ċivili ma tkunx affettwata mill-eżitu tal-proċedimenti kriminali, inkluż il-liberazzjoni. Il-Qorti Ċivili tivverifika b’mod indipendenti jekk hemmx raġunijiet għad-danni mitluba jew għall-pagamenti għat-tbatija u l-uġigħ.

Jien intitolat għal pagament ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba għall-kumpens tiegħi?

Le, m’intix intitolat għal “pagament bil-quddiem” qabel id-deċiżjoni finali fi proċedimenti kriminali jew ċivili.

Fir-rigward tal-kumpens mill-Istat, m’intix intitolat għal pagament bil-quddiem fi flus. Madankollu, bħala riżultat tal-applikazzjoni tiegħek għal kumpens mill-Istat, inti tista’ tirċievi pagament għal trattament mediku/fl-isptar jew bħala outpatient ta’ trawma qabel ma l-awtorità kompetenti tieħu d-deċiżjoni finali tagħha.

L-aħħar aġġornament: 20/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.