Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

Jien vittma ta’ delitt. Lil min nista’ nikkuntattja għall-appoġġ u l-assistenza?

Jekk int vittma ta’ delitt tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar l-appoġġ u l-assistenza fuq il-pjattaforma ċentrali għall-protezzjoni tal-vittma tal-BMJV (Ministeru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur) fuq http://www.hilfe-info.de, jew tista’ tniżżel il-ktejjeb Opferfibel tal-BMJV (linji gwida għall-vittmi) (pubblikazzjoni proprja, bil-Ġermaniż) fuq il-paġna ewlenija tagħhom. Din il-pjattaforma nazzjonali għall-protezzjoni tal-vittmi tinkludi wkoll ‘finder’ taċ-ċentru ta’ konsulenza, li l-vittmi jistgħu jużaw biex isibu malajr ċentri fiż-żona tagħhom li joffru għajnuna permezz tat-telefon, online jew personalment. L-informazzjoni relevanti hija pprovduta minn ODABS, bażi tad-data online għall-vittmi ta’ delitti, fuq www.odabs.org, li min-naħa tagħha hija appoġġata mill-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali.

Hawn taħt issib lista tas-sorsi differenti ta’ għajnuna disponibbli.

Hotlines ta’ appoġġ għall-vittmi

Lista tal-hotlines l-aktar importanti disponibbli bla ħlas (ma tistax iċċempel lil dawn in-numri minn pajjiż barrani). Fil-Ġermanja, tista’ ssib in-numri li ġejjin fuq www.hilfe-info.de:

Hilfetelefon Sexueller Missbrauch (linja għall-għajnuna għal abbuż sesswali): 0800 22 55 530

Hilfetelefon Gewalt gegen Frauen (linja għall-għajnuna għal vjolenza kontra n-nisa): 08000 116 016

Hilfetelefon Gewalt an Männer (linja għall-għajnuna għal vjolenza kontra l-irġiel): 0800 1239900

berta – Beratung und telefonische Anlaufstelle (linja għall-għajnuna għal konsulenza ġenerali): 0800 30 50 750

Elterntelefon (linja għall-għajnuna għall-ġenituri): 0800 11 10 550

Hilfetelefon Schwangere in Not (linja għall-għajnuna għal nisa tqal f'riskju): 0800 40 40 020

Medizinische Kinderschutzhotline (linja għall-għajnuna medika għall-protezzjoni tat-tfal): 0800 19 21 000

Il-vittmi madwar l-Ewropa jistgħu jiksbu għajnuna u appoġġ billi jċemplu l-linja għall-għajnuna miftuħa 24 siegħa kuljum stabbilita minn Weisser Ring e.V. fuq 116006.

L-appoġġ għall-vittmi huwa bla ħlas?

Iva.

X’tip ta’ appoġġ nista’ nirċievi mis-servizzi tal-Istat jew mill-awtoritajiet?

Fil-Ġermanja, kull Stat federali huwa responsabbli biex jipprovdi assistenza ġenerali għall-vittmi. Kull Stat federali waqqaf diversi miżuri differenti biex itejjeb is-sitwazzjoni tal-vittmi ta’ delitti u biex jipprovdilhom it-tip ta’ assistenza adegwata. Il-miżuri jinkludu l-ħatra ta’ rappreżentanti għall-protezzjoni tal-vittmi fl-għases tal-pulizija, it-twaqqif ta’ unitajiet għall-ħarsien tax-xhieda, akkomodazzjoni temporanja għal nisa msawwta u tfajliet, l-għoti ta’ informazzjoni għall-vittmi ta' delitti u għajnuna finanzjarja. Bosta Stati federali waqqfu assoċjazzjonijiet reġjonali speċjali li jmexxu ċentri konsultattivi u unitajiet għall-vittmi. Tista’ ssib lista ta' dak li joffri kull Stat federali fuq https://www.hilfe-info.de/WebS/hilfeinfo/DE/HilfeUndBeratung/AnsprechpartnerUndBeratungsstellen/EinrichtungenOpferhilfe/EinrichtungenDerOpferhilfe.html.

Hemm ukoll punti ta’ kuntatt ċentrali fil-livell federali u reġjonali. Pereżempju, fil-livell nazzjonali, Dr Franke ġie maħtur bħala l-Kummissarju tal-Gvern Federali għall-Vittmi u l-Familji ta’ Dawk li Mietu Kaġun Reati Terroristiċi mwettqa fit-Territorju Nazzjonali. Dr Felix Klein inħatar bħala l-Kummissarju tal-Gvern Federali għall-Ħajja Lhudija fil-Ġermanja u l-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu, u Dr Rörig huwa l-Kummissarju Indipendenti għal Kwistjonijiet ta’ Abbuż Sesswali tat-Tfal.

Tlettax-il Stat federali ħatru wkoll rappreżentant għall-vittmi. Madankollu, ir-responsabbiltajiet tagħhom ivarjaw. Tista’ ssib lista ta’ kuntatti individwali fuq www-hilfe-info.de.

Bħala vittma ta’ delitt, tista' tikseb l-għajnuna ta’ avukat matul il-proċedimenti kriminali, pereżempju, biex jappoġġak fid-dikjarazzjoni tax-xhieda tiegħek. Għandek ukoll id-dritt għal appoġġ bħala prosekutur aċċessorju privat anki qabel il-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċedimenti. Għandek id-dritt għal rappreżentanza legali bħala l-parti leża, jew tista’ tkun akkumpanjat għas-smigħ tiegħek minn persuna fdata, sakemm dan ma jikkompromettix l-għan tal-investigazzjoni.

Minbarra assistenza legali, intitolat għal appoġġ psikosoċjali qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali. Tali appoġġ huwa disponibbli bla ħlas mhux biss għal vittmi ta’ delitti sesswali u vjolenti li huma minuri, iżda wkoll għal adulti partikolarment vulnerabbli li jindarbu b’kaġun ta’ delitt vjolenti ħafna jew attakk sesswali.

Trattament mediku

Barra minn hekk, iċ-ċentri outpatient tat-trawma joffru appoġġ psikoloġiku għal żmien qasir għall-vittmi ta’ delitti vjolenti. Ċentri bħal dawn jinsabu fil-Ġermanja kollha. Il-vittmi ta’ delitti vjolenti jistgħu jirċievu appoġġ psikoloġiku immedjat f’ċentri outpatient tat-trawma. Ħafna vittmi ta’ delitti juru titjib notevoli wara biss ftit sessjonijiet ta’ konsulenza u psikoterapija. Jekk meħtieġ, it-trattament jista’ jiġi offrut u pprovdut fuq perjodu itwal, eż. psikoterapija outpatient jew kura inpatient fi klinika psikjatrika jew psikosomatika. Ħafna ċentri tat-trawma huma konnessi ma’ klinika psikjatrika jew sptar sabiex, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ikunu jistgħu jipprovdu kura minn tabib psikjatriku.

Tista’ ssib lista taċ-ċentri tat-trawma fil-Ġermanja fuq Hilfe-Info.de.

Il-vittmi ta’ attakk sesswali jew fiżiku jista’ jkollhom il-feriti viżibbli dokumentati. Ġeneralment tista’ tikseb ċertifikat ta’ tabib għal kull ferita mġarrba wara li tiġi eżaminat minn prattikant mediku ġenerali fil-prattika lokali tiegħek jew tabib fl-isptar lokali tiegħek. Xi bliet għandhom ukoll ċentru outpatient speċjali għall-protezzjoni kontra l-vjolenza li jista’ jiddokumenta l-feriti tal-vittmi ta’ delitt.

F’dawn iċ-ċentri, il-feriti tiegħek jew xi evidenza fiżika oħra tista’ tiġi eżaminata u dokumentata minn tabib forensiku.

Appoġġ finanzjarju

Barra minn hekk, l-Istat jipprovdi diversi tipi ta’ appoġġ finanzjarju: Kull min isofri ħsara għas-saħħa minħabba delitt vjolenti jista’ jikseb pagamenti ta’ kumpens skont l-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi ta’ Delitti (Opferentschädigungsgesetz). Huma għandhom jippreżentaw applikazzjoni uffiċjali lill-Uffiċċju tal-Pensjonijiet u l-Benefiċċji tal-Istat federali tagħhom (Landesversorgungsamt). Tista’ ssib ukoll lista tal-Uffiċċji tal-Pensjonijiet u l-Benefiċċji kollha fuq il-pjattaforma għall-protezzjoni tal-vittma fuq Hilfe-Info.de. It-trattament fiċ-ċentru tat-trawma huwa inkluż f’dawn il-benefiċċji wkoll.

Wara attakki minn estremisti jew terroristi, il-vittmi jistgħu jiksbu kumpens meta jiffaċċjaw tbatija (Härteleistungen). Il-punt ta’ kuntatt tiegħek għal dawn il-benefiċċji huwa l-Bundesamt für Justiz (Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja).

Jekk tindarab f’xi delitt vjolenti fuq ix-xogħol, waqt vjaġġ mal-klassi tal-iskola jew mal-grupp ta’ seminar universitarju tiegħek, jew fi triqtek lejn jew mix-xogħol tiegħek jew xi vjaġġ bħal dan, taħt ċerti ċirkostanzi, tkun tista’ titlob assigurazzjoni statutorja kontra l-inċidenti. Il-punt ta’ kuntatt tiegħek għal dawn il-każijiet huwa l-Unfallkasse jew il-Berufsgenossenschaft tiegħek (fond ta’ assigurazzjoni kontra l-inċidenti jew fond ta’ assigurazzjoni kontra l-inċidenti fuq ix-xogħol).

Verkehrsopferhilfe e.V. (assoċjazzjoni għall-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku) huwa l-fond ta’ assigurazzjoni xieraq għal delitt vjolenti li jinvolvi vettura. Ikopri, pereżempju, każijiet li fihom vettura ma kinitx assigurata, każijiet ta’ hit and run jew meta sewwieq intenzjonalment aġixxa b’mod illegali.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mill-organizzazzjonijiet nongovernattivi?

Organizzazzjonijiet nongovernattivi professjonali u volontarji għall-appoġġ tal-vittmi għandhom diversi miżuri differenti biex itejbu s-sitwazzjoni tal-vittmi ta’ delitti u biex jipprovdulhom it-tip ta’ assistenza adegwata.

L-esperti li jaħdmu għal dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jgħinuk billi jiddiskutu l-konsegwenzi ta’ delitt, jipprovdu appoġġ psikosoċjali, u jinfurmawk dwar proċedimenti kriminali possibbli u kwalunkwe kumpens finanzjarju. Jistgħu wkoll jipprovdu aktar għajnuna, bħas-servizzi ta’ avukat jew terapista.

Pereżempju, Weisser Ring e. V. jipprovdu appoġġ lill-vittmi fuq livell nazzjonali. Minbarra ċentri fil-Ġermanja kollha, din l-assoċjazzjoni tipprovdi wkoll il-linja għall-għajnuna msemmija hawn fuq għall-vittmi (116006) li permezz tagħha l-vittmi ta’ delitti jistgħu jiksbu għajnuna professjonali minnufih. B’mod partikolari, Weisser Ring e. V. joffru konsulenza ġenerali, għajnuna meta persuna tkun qed tittratta ma’ awtoritajiet tal-gvern u l-qrati, sessjoni inizjali ma’ avukat bla ħlas, appoġġ mediku/psikoloġiku inizjali bla ħlas meta persuna tkun qed tbati minn stress kaġun ta’ delitt, akkumpanjament għal seduti tal-qorti u appoġġ finanzjarju. Weisser Ring e. V. għandhom ukoll skemi għall-kumpens tal-vittmi u medjazzjoni bejn il-vittma u l-awtur tar-reat.

Arbeitskreis der Opferhilfen in Deutschland e.V. (ADO, grupp ta’ ħidma għall-appoġġ tal-vittmi fil-Ġermanja) jaġixxi bħala organizzazzjoni umbrella għal diversi ċentri ta’ appoġġ għall-vittmi li huma attivi professjonalment fil-livell reġjonali. L-għanijiet tagħhom huma, fost oħrajn, li jinkoraġġixxu skambji regolari ta’ informazzjoni bejn ċentri ta’ appoġġ għall-vittmi fil-Ġermanja, jistabbilixxu standards għal appoġġ professjonali għall-vittmi, jiftħu aktar ċentri professjonali ta’ appoġġ għall-vittmi u jrawmu kooperazzjoni bejn iċ-ċentri kollha ta’ appoġġ. Fl-ADO, tista’ wkoll tikseb konsulenza u għajnuna meta tkun qed tittratta ma’ awtoritajiet governattivi, kif ukoll appoġġ psikoloġiku ta’ emerġenza, trattament mediku u terapija, konsulenza legali, akkumpanjament għal appuntamenti mal-pulizija, l-awtoritajiet governattivi u l-qrati, u appoġġ f’medjazzjoni bejn il-vittma u l-awtur tar-reat.

Diversi ċentri ta’ appoġġ speċjalizzaw biex jipprovdu konsulenza u assistenza għall-vittmi ta’ reati speċifiċi, b’mod partikolari, delitti sesswali, razzisti, antisemitiċi, omofobiċi u transfobiċi. Dawn huma organizzati wkoll minn diversi organizzazzjonijiet umbrella, pereżempju:

VBRG – Verband der Beratungsstellen für Betroffene rechter, rassistischer und antisemitischer Gewalt (assoċjazzjoni taċ-ċentri ta’ konsulenza għall-vittmi ta’ vjolenza tal-lemin, razzista u antisemita)

BFF – Bundesverband der Frauenberatungsstellen und Frauennotrufe in Deutschland (assoċjazzjoni federali taċ-ċentri ta’ konsulenza u hotlines għan-nisa fil-Ġermanja)

Minbarra inizjattivi nazzjonali ta’ appoġġ għall-vittmi, ħafna ċentri ta' għajnuna huma attivi fuq livell reġjonali u lokali u impenjati ħafna. Tista’ ssib lista taċ-ċentri ta’ konsulenza fuq livell reġjonali u lokali fuq http://www.hilfe-info.de.

L-aħħar aġġornament: 20/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.