Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Ungerija

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

Kif nirrapporta reat?

Kulħadd jista’ jirrapporta reat.

Ir-reati ġeneralment jiġu rapportati quddiem il-prosekutur jew l-awtorità tal-investigazzjoni:

  • personalment (bil-miktub jew oralment) – ir-rapporti orali jiġu reġistrati minn rappreżentant tal-awtorità, li jistaqsik dwar l-elementi u ċ-ċirkustanzi tar-reat imwettaq kontrik, l-identità tat-trasgressur u kwalunkwe evidenza li jista’ jkollok fil-pussess tiegħek;
  • bit-telefown – il-pulizija topera wkoll hotline mingħajr ħlas imsejħa “Xhieda bit-Telefown”, li biha x-xhieda u l-vittmi jistgħu jirrapportaw reati kriminali b’mod anonimu. In-numru tal-hotline mingħajr ħlas hu 003680555111 u dan jopera 24 siegħa kuljum bl-assoċjati tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ta’ Budapest li jieħdu r-rapporti. Aktar informazzjoni dwar il-hotline hi disponibbli bl-Ungeriż fuq is-sit web uffiċjali tal-Pulizija Ungeriża fuq http://www.police.hu/en;
  • bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, inkluż b'telefonata fuq in-numru ta’ emerġenza tal-UE: 112

Ir-rapporti jistgħu jiġu aċċettati wkoll minn awtoritajiet jew minn qrati oħra, li huma obbligati jibagħtuhom lill-awtorità tal-investigazzjoni. Jekk ir-rapport jeħtieġ azzjoni immedjata, dan irid jiġi aċċettat.

Ir-rapporti ppreżentati kollha jiġu reġistrati minnufih.

Tista’ tirrapporta b’mod anonimu, jiġifieri mhuwiex obbligatorju li int tissottometti d-dettalji ta’ identifikazzjoni jew ta’ kuntatt tiegħek. Ir-rapport tiegħek irid ikun fih id-dettalji dwar ir-reat. Ma hemm ebda formola speċjali meħtieġa mill-awtoritajiet għar-rapportar tar-reati.

Ma hemm ebda skadenza espliċita għar-rapportar ta’ reat, iżda l-awtoritajiet jirrifjutaw ir-rapport tiegħek jekk isir wara ċertu perjodu. Dan il-perjodu (l-hekk imsejjaħ perjodu ta’ preskrizzjoni) normalment ikun ekwivalenti għall-perjodu massimu ta’ penali għal reat partikolari u għandu minimu ta’ 5 snin.

Għal ċerti reati, int tista’ tressaq mozzjoni privata wkoll, li hi dikjarazzjoni li biha titlob b’mod espliċitu li l-awtur jingħata piena u jkollok 30 jum biex tressaq il-mozzjoni privata wara li ssir taf l-identità tat-trasgressur.

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

L-ilmentatur jew, jekk ir-rapport ma jsirx mill-vittma iżda din tkun magħrufa, jiġu notifikati dwar it-tnedija tal-investigazzjoni.

L-ilmentatur u l-pretendent ċivili jridu jiġu notifikat dwar ir-rifjut tar-rapport.

Il-qorti tiddeċiedi dwar dawn li ġejjin u tinnotifikak dwarhom:

  • iċ-ċaħda tat-talba tiegħek biex issir prosekutur privat sostitut,
  • it-terminazzjoni tal-proċedura jekk l-investigazzjoni ordnata fuq il-bażi tar-rapport tiegħek ippreżentat bħala prosekutur privat ma rnexxietx.

Matul l-investigazzjoni, il-pulizija jew il-prosekutur jistgħu jinformawk dwar:

  • azzjonijiet investigattivi,
  • il-ħatra ta’ espert fil-każ,
  • il-ħruġ ta’ ordni ta’ trażżin kontra t-trasgressur.

Bħala vittma ta’ reat, int ikollok diversi privileġġi li jippermettulek tikseb informazzjoni dwar l-investigazzjoni:

  • int tista’ tkun preżenti (iżda mhux bilfors) matul is-smigħ tal-esperti, l-ispezzjoni ta’ xena jew ta’ oġġett, esperimenti evidenzjarji u line-ups ta’ identifikazzjoni, u għandek tiġi notifikat(a) dwar dawn l-azzjonijiet, iżda notifika bħal din tista’ ma ssirx jekk dan ikun ġustifikat minħabba l-urġenza tal-att investigattiv, u n-notifika ma tistax issir jekk il-protezzjoni tal-persuna involuta fil-proċedimenti ma tkunx tista’ tiġi garantita b’mod ieħor,
  • int tista’ tispezzjona l-minuti ta’ kwalunkwe azzjoni investigattiva fejn int tkun preżenti, u jistgħu jiġu spezzjonati fajls oħra biss jekk dan ma jmurx kontra l-interessi tal-investigazzjoni,
  • f’każ ta’ atti investigattivi li fihom il-preżenza tiegħek tkun obbligatorja jew li fihom int tista’ tkun preżenti, ir-rappreżentant tiegħek, is-sostenitur tiegħek u, jekk din ma tiksirx l-interessi tal-proċedimenti, persuna li hi kbira biżżejjed nominata minnek, jistgħu jkunu preżenti miegħek; f’każ li tiġi interrogat(a) bħala xhud, persuna kbira biżżejjed nominata minnek tista’ tkun preżenti miegħek minbarra l-avukat li jirrappreżenta l-interessi tiegħek,
  • int għandek id-dritt li tiġi notifikat(a) fuq talba tiegħek, b’rabta mar-reat li jikkonċernak, dwar:
    • il-ħelsien jew il-ħarba tal-konvenut minn detenzjoni ta’ qabel il-proċess,
    • il-libertà kondizzjonali jew ir-rilaxx finali jew il-ħarba kif ukoll l-interruzzjoni tal-eżekuzzjoni tat-terminu tal-priġunerija tal-persuna sentenzjata għal priġunerija,
    • il-ħelsien jew il-ħarba tal-persuna sentenzjata għal arrest taħt kustodja kif ukoll l-interruzzjoni tal-eżekuzzjoni tal-arrest taħt kustodja,
    • ir-rilaxx jew il-ħarba tal-persuna taħt trattament mediku involontarju temporanju,
    • ir-rilaxx, it-tluq bla permess u l-liv ta’ adattament tal-persuna taħt trattament mediku involontarju,
    • fil-każ ta’ edukazzjoni għal trasgressuri żgħażagħ, il-ħelsien temporanju jew permanenti, it-tluq mill-istituzzjoni mingħajr permess u l-interruzzjoni tal-edukazzjoni tat-trasgressuri żgħażagħ,
  • int tista’ tikseb kopji tal-perizji u tal-fajls dwar azzjonijiet investigattivi li matulhom int tista’ tkun legalment preżenti; kopji oħra jistgħu jinkisbu biss jekk dan ma jmurx kontra l-interessi tal-investigazzjoni u biss wara li tkun tajt ix-xhieda tiegħek; ladarba jintemmu l-proċedimenti, int tista’ tirċievi kopji tal-fajls kollha maħluqa mill-pulizija jew mill-prosekutur fuq talba,
  • int tista’ tispezzjona fajls tal-każ wara li tintemm l-investigazzjoni, tippreżenta talbiet u tagħmel osservazzjonijiet.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess kriminali)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Iva.

Fi proċedimenti kriminali, l-Istat jagħti l-għajnuna li ġejja fil-qafas tal-għajnuna legali:

  • eżenzjoni personali mill-ispejjeż għal prosekutur privati sostituti,
  • rappreżentanza permezz ta’ ħabib f’litigazzjoni għal partijiet li jġarrbu dannu, għal prosekuturi privati, għal partijiet privati u għal partijiet interessati oħra kif ukoll għal prosekuturi privati sostituti.

Int intitolat(a) għal għajnuna bħal din jekk titqies fil-bżonn f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali, iżda d-dritt għal rappreżentazzjoni permezz ta’ ħabib f’litigazzjoni jingħata biss lil vittmi, lil prosekuturi privati, u lil persuni interessati oħra li jkunu fil-bżonn jekk, minħabba l-intrikatezza tal-każ, in-nuqqas ta’ għarfien legali tagħhom jew ċirkustanzi personali oħra tagħhom, dawn ma jkunux jistgħu jasserixxu b’mod effettiv id-drittijiet proċedurali tagħhom jekk jipproċedu huma stess b’mod personali.

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jiġu ppreżentati lis-servizz tal-għajnuna legali fil-formola prevista għal dan l-għan f’kopja waħda, u l-applikanti jridu jehmżu d-dokumenti u/jew ċertifikati uffiċjali filwaqt li jipprovdu prova tal-eliġibbiltà għall-għajnuna jew iridu jippreżentaw il-karta uffiċjali li tevidenzja l-eliġibbiltà tagħhom għall-għajnuna.

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jiġu ppreżentati lis-servizz tal-għajnuna legali sa mhux aktar tard minn matul l-istadju ta’ litigazzjoni tal-proċedimenti kriminali qabel is-sessjoni diviżorja tal-qorti organizzata għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni perentorja.

Sa fejn is-servizz tal-għajnuna legali jippermettilek tuża l-għajnuna legali, int tista’ tagħżel fornitur tal-għajnuna legali minn reġistru pprovdut għal dak l-għan.

Nista’ nitlob l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Iva.

Jekk int tieħu sehem fil-proċedimenti bħala vittma, prosekutur privat, prosekutur privat sostitut jew pretendent ċivili, l-ispejjeż li ġejjin imġarrba minnek jew mir-rappreżentanti tiegħek jitroddu lura:

  • spejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni,
  • spejjeż tal-opinjoni tal-espert, mistieden minnek, bil-kunsens tal-prosekuzzjoni/tal-qorti,
  • spejjeż ta’ reġistrazzjoni vidjo jew awdjo sħiħa jew parzjali tal-proċedimenti/stenografija,
  • spejjeż għal kopja waħda tal-fajls tal-każ,
  • spejjeż tal-komunikazzjoni (telefown, fax, posta, oħra),
  • tariffa tar-rappreżentanti.

L-ispejjeż li toħroġ minn butek u dawk tar-rappreżentanti tiegħek, kif ukoll it-tariffi tar-rappreżentanti jitħallsu bil-quddiem minnek, indipendentement mill-kapaċità tiegħek fil-proċedimenti.

Spejjeż imġarrba bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċedimenti bħala xhud (spejjeż tal-ivvjaġġar, spejjeż tal-akkomodazzjoni, spejjeż tal-ikel, spejjeż relatati mat-teħid tal-liv mix-xogħol) jitroddulek lura wara li tagħmel talba.

Spejjeż tal-ivvjaġġar: spejjeż fil-fatt imġarrba b’rabta mal-vjaġġ mill-post ta’ residenza tax-xhud sal-post tas-seduta u mal-vjaġġ ta’ ritorn.

Spejjeż tal-akkomodazzjoni: jekk is-seduta tax-xhud tibda f’ħin li fih il-vjaġġ mill-post ta’ resdenza sal-post tas-seduta jinbeda matul is-sigħat ta’ billejl, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni għax-xhud f’akkomodazzjoni kummerċjali jew f’resort għall-familji jitroddu lura.

Spejjeż tal-ikel: l-ispejjeż tal-ikel jitħallsu lix-xhud jekk ikun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni jew jekk id-durata sħiħa tal-vjaġġ mill-post ta’ residenza sal-post tas-seduta u tal-vjaġġ ta’ ritorn flimkien mas-seduta jaqbżu s-6 sigħat fi ħdan ġurnata.

Spejjeż relatati mat-teħid tal-liv mix-xogħol: xhud li mhuwiex intitolat li jitħallas għal perjodu ta’ assenza għaż-żmien ta’ liv meħud għas-seduta jkun intitolat għal rimborż ta’ 1.5% tal-pensjoni minima fis-siegħa għall-perjodu meħud liv mix-xogħol, inkluż il-perjodu mqatta’ għall-ivvjaġġar.

Ix-xhud li kien preżenti fl-investigazzjoni tal-esperti jrid jibgħat l-evidenza ta’ sostenn għall-ispejjeż lill-awtorità jew lill-qorti li ordnat l-investigazzjoni tal-esperti, li tiddetermina l-ammont tar-rimborż wara r-riċevuta tal-perizja.

Jekk int qed tinfurza talba ċivili bħala pretendent ċivili, il-qorti tordna lill-konvenut iħallas għall-ispejjeż li toħroġ minn butek u għall-ispejjeż li joħroġ minn butu r-rappreżentant u għat-tariffi ta’ dan jekk ir-riżoluzzjoni tal-qorti tilqa’ t-talba ċivili tiegħek. Jekk it-talba tintlaqa’ f’parti minnha, il-konvenut ikun obbligat iħallas ammont proporzjonat mill-ispejjeż.

Jekk int prosekutur privat sostitut, il-qorti tordna lill-konvenut iħallas għall-ispejjeż li toħroġ minn butek u għall-ispejjeż li joħroġ minn butu r-rappreżentant u għat-tariffi ta’ dan jekk il-prosekuzzjoni tkun rappreżentata mill-prosekutur privat sostitut u l-qorti ssib lill-konvenut ħati.

Nista’ nappella jekk il-kawża tiegħi tingħalaq qabel nitla' l-qorti?

Il-vittma tista’ tippreżenta appell, fil-każ speċifikat bil-liġi, jekk l-awtorità li tinvestiga jew il-prosekuzzjoni tiċħad ir-rapport jew ittemm l-investigazzjoni. Fil-każ ta’ ċaħda tar-rapport, il-vittma tista’ titlob investigazzjoni biss jekk hi tkun dik li għamlet ir-rapport.

Protest kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rapport jew kontra d-deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni jista’ jiġi ppreżentat fi żmien tmint ijiem mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni. Jekk l-awtorità tal-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni li tadotta d-deċiżjoni ma ssostnix il-protest, din trid tippreżentah lill-prosekutur li hu intitolat li jiġġudikah. Id-deċiżjoni meħuda dwar il-protest mill-prosekutur ma tistax tkun soġġetta għal rimedji legali ulterjuri.

Kif nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Wara n-notifika tal-akkuża, il-qorti tistabbilixxi d-data tal-proċess u torganizza l-proċess, kif ukoll it-taħrikiet u n-notifiki. Persuni li l-preżenza tagħhom fil-proċess tkun obbligatorja jitħarrku biex jattendu u tintbagħat notifika lil dawk li l-preżenza tagħhom fil-proċess hi permessa mil-liġi.

L-ordni ta’ azzjonijiet evindenzjarji fil-proċess tiġi deċiża mill-qorti. Il-proċedura evidenzjarja tibda bl-interrogazzjoni tal-konvenut, u l-vittma normalment tkun l-ewwel waħda fost ix-xhieda li jridu jinstemgħu. Filwaqt li xhud ikun qed jiġi interrogat, ma jista’ jkun preżenti ebda xhud ieħor li ma jkunx għadu ġie interrogat. Madankollu, deroga minn din ir-regola hi permessa f’każ ta’ interrogazzjoni tal-vittma bħala xhud. Ir-rappreżentant legali tal-vittma jista’ jkun preżenti matul il-proċess u b'hekk il-vittma tkun tista’ tiġi informata dwar kwalunkwe proċedura evidenzjarja li seħħet fl-assenza tagħha permezz tar-rappreżentant legali tagħha.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien nitqies jien nista’ nagħżel li nitqies bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Il-vittma tista’ tieħu sehem fil-proċedimenti kriminali f’erba’ rwoli skont id-dritt proċedurali, kif ġej:

  • xhud: persuna li tista’ tkun taf bil-fatt li jrid jintwera bil-provi;
  • parti ċivili: vittma li tinfurza talba ċivili (spiss talba għad-danni) fil-proċedimenti kriminali;
  • prosekutur privat: fil-każ ta’ ċerti reati kriminali stipulati bil-liġi, il-vittma tista’ tirrappreżenta lill-prosekuzzjoni hi stess bħala prosekutur privat;
  • prosekutur privat sostitut: fil-każ ta’ ċerti reati kriminali li, kieku, jkunu soġġetti għal prosekuzzjoni pubblika, kif speċifikat bil-liġi, il-vittma tista’ tirrappreżenta lill-prosekutur.

Jekk jitqies li dan ikun meħtieġ għall-proċedura evidenzjarja, il-vittma tiġi obbligata tixhed jew tikkontribwixxi għall-proċedura b’modi oħra fil-każijiet u bil-mezzi definiti bil-liġi. Għall-kuntrarju, deċiżjoni dwar it-teħid ta’ rwol ta’ parti ċivili, ta’ prosekutur pubbliku jew ta’ prosekutur privat sostitut hi għalkollox ir-responsabbiltà tal-vittma biss.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

F’kull stadju tal-proċedimenti kriminali, il-vittma hi intitolata li:

  1. tkun preżenti fl-azzjonijiet proċedurali u tispezzjona d-dokumenti li jaffettwawha matul il-proċedura (sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor bil-liġi),
  2. tressaq mozzjonijiet u oġġezzjonijiet fi kwalunkwe stadju tal-proċedura,
  3. tirċievi informazzjoni mingħand il-qorti, il-prosekutur u l-awtorità tal-investigazzjoni rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħha matul il-proċedimenti kriminali,
  4. tippreżenta talba għal rimedju legali f’każijiet speċifikati bil-liġi
  5. tiġi notifikata fuq talba tagħha b’rabta mar-reat li jikkonċernaha dwar ir-rilaxx jew il-ħarba ta’ konvenut detenut, jew tal-konvenut sentenzjat għal priġunerija jew taħt trattament mediku involontarju.

Jekk jitqies li dan ikun meħtieġ għall-proċedura evidenzjarja mill-awtorità tal-investigazzjoni, mill-prosekuzzjoni jew mill-qorti, il-vittma tiġi obbligata tixhed jew tikkontribwixxi għall-proċedura b’mod ioħra fil-każijiet u bil-mezzi definiti bil-liġi. Dan primarjament ifisser l-issodisfar tal-obbligu li tixhed, li l-eċċezzjonijiet minnu huma każijiet li fihom il-vittma ma tkunx tista’ tinstema’ bħala xhud affattu (eż. privileġġ professjonali legali, iż-żamma ta’ sigriet bħala persuna tal-kleru) u każijiet li fihom il-vittma tista’ tiċħad milli tixhed (eż. qarib tal-konvenut, jew vittmi li jistgħu jinkriminaw lilhom infushom jew lil qrabathom).

Il-vittma tista’ tieħu sehem bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali u tista’ tindika diġà sa mill-mument tar-rapportar tar-reat li hi biħsiebha tinfurza talba ċivili (tipikament talba għad-danni). L-infurzar ta’ talbiet ċivili hu eżentat minn tariffi. F'dan il-każ, il-qorti tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-konvenut u t-talba ċivili fi ħdan proċediment kriminali wieħed, li għandu l-vantaġġ għall-parti ċivili li hi ma jkollhiex għalfejn tiftaħ proċedura ċivili. Matul il-proċedimenti kriminali, il-parti ċivili tista’ tressaq mozzjoni għal sekwestru kontra l-proprjetà tal-konvenut jekk ikun hemm motivazzjonijiet raġonevoli għaliex jiġi supponut li l-issodisfar tat-talba mhux se jitħalla jiġi eżegwit.

F’każ ta’ reati kriminali definiti bil-liġi (attakk, invażjoni tal-privatezza, ksur tas-segretezza ta’ korrispondenza, libell, diffamazzjoni u irreverenza), il-vittma tista’ taġixxi bħala prosekutur privat. Fil-każ tar-reati kriminali msemmija hawn fuq, il-vittma trid tirrapporta r-reat fi żmien 30 jum wara li l-vittma ssir taf bl-identità tat-trasgressur. Fir-rapport, il-vittma trid tindika kwalunkwe evidenza tar-reat, u trid tiddikjara b’mod espliċitu jekk hi titlobx li tingħata piena lill-konvenut.

Ir-reat jista’ jiġi rrapportat quddiem il-qorti b’mod orali jew bil-miktub. Il-qorti tordna investigazzjoni jekk l-identità, id-data personali jew il-post ta’ residenza tal-konvenut ma jkunux magħrufa, jew jekk ikun hemm bżonn li jinstabu l-mezzi tal-evidenza. Il-qorti ttemm il-proċedimenti jekk l-identità tat-trasgressur ma tkunx tista’ tiġi determinata matul l-investigazzjoni.

Il-qorti tiffissa seduta personali li fiha hi tieħu impenn li tirrikonċilja lill-vittma u lill-konvenut. Jekk it-tentattiv ta’ rikonċiljazzjoni jirnexxi, il-qorti ttemm il-proċedimenti; inkella, il-proċedimenti jkomplu bi proċess pubbliku.

Jekk il-vittma tirtira jew twaqqa’ l-kawża, il-proċedimenti jintemmu. Japplikaw konsegwenzi simili jekk il-vittma ma tattendix għas-seduta personali jew għall-proċess u tonqos milli tipprovdi skuża sostanzjali minn qabel, jew jekk il-vittma ma tkunx tista’ titħarrek għaliex ma rrapportatx li biddlet l-indirizz.

Il-prosekutur privat għandu d-drittijiet sħaħ li tinvolvi r-rappreżentazzjoni tal-prosekuzzjoni, inklużi d-drittijiet li jistgħu jiġu eżerċitati matul il-proċedimenti u d-dritt għal rimedju legali kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-qorti.

Wara l-eżawriment tal-possibbiltajiet għal rimedju legali disponibbli matul l-investigazzjoni, f’xi każijiet hu possibbli li l-vittma taġixxi bħala prosekutur privat sostitut u tirrappreżenta t-tali kawżi il-qorti hi stess. Fost każijiet oħra, int tista’ taġixxi bħala prosekutur privat sostitut jekk ir-rapport tar-reat ġie miċħud jew l-investigazzjoni ġiet mitmuma minħabba li l-azzjoni ma kinitx reat kriminali jew teżisti kwalunkwe raġuni għal preklużjoni ta’ punibbiltà (eż. koerċizzjoni, theddida, difiża leġittima jew periklu imminenti). Jekk f’każ speċifiku jkun possibbli li wieħed jaġixxi bħala prosekutur privat sostitut skont il-liġi, il-prosekutur li jiddeċiedi dwar il-protest jinforma lill-vittma b’mod speċifiku dwar dan.

Jekk il-protest jiġi miċħud minħabba ċ-ċaħda tar-rapport jew it-terminazzjoni tal-investigazzjoni, il-vittma titħalla teżamina d-dokumenti li jappartjenu għar-reat kriminali mwettaq kontra l-vittma fil-bini uffiċjali tal-uffiċċju tal-prosekutur. Vittma li taġixxi bħala prosekutur privat pubbliku tista’ tressaq mozzjoni għall-prosekuzzjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur tal-ewwel istanza li jkun ipproċeda fil-kawża fi ħdan sittin jum miċ-ċaħda tal-protest tagħha. Ir-rappreżentazzjoni legali (minn avukat) tal-prosekutur privat sostitut hi obbligatorja. L-aċċettabbiltà tal-mozzjoni għall-prosekuzzjoni tiġi deċiża mill-qorti.

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Il-vittma hi intitolata li tinstema’ matul il-proċedimenti kriminali. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi, il-vittma mhix biss obbligata, iżda wkoll intitolata, li tikkoopera bid-diskrezzjoni tagħha fil-proċedura evidenzjarja. Il-vittma tista’ tixhed u tista’ wkoll tippreżenta l-evidenza b’modi oħra (eż. billi tipprovdi evidenza dokumentarja lill-awtorità). Il-vittma tista’ tressaq mozzjonijiet u oġġezzjonijiet fi kwalunkwe stadju tal-proċedura. Ġeneralment, minn fost ix-xhieda, il-vittma tiġi interrogata l-ewwel.

Wara li l-prosekutur jitkellem għall-prosekuzzjoni, il-vittma tista’ tindirizza lill-Qorti u tista’ tiddikjara jekk hi tixtieqx titlob li jiġu stabbiliti r-responsabbiltà kriminali u l-piena tal-konvenut. Il-parti ċivili tista’ tagħmel dikjarazzjoni b’rabta mat-talba ċivili li hemm il-pjan li tiġi infurzata.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Qabel il-proċess, ix-xhud imħarrek għall-proċess jista’ jikkuntattja lil sostenitur tax-xhud tal-qorti għal informazzjoni eżatta. Is-sostenitur ta’ xhud tal-qorti hu amministratur ġudizzjarju li jipprovdi informazzjoni lix-xhud dwar kif jixhed u jiffaċilita l-attendenza neċessarja għax-xhieda. L-appoġġ lix-xhieda ma jkoprix informazzjoni dwar il-kawża u ma jistax ikollu l-effett li jinfluwenza lix-xhud.

Fil-proċedimenti kriminali, il-vittma tkun intitolata li tirċievi informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħha u dwar il-kawża u, sakemm ma jkunx stipulat b’mod ieħor bil-liġi, li tkun preżenti fl-azzjonijiet proċedurali u li tispezzjona d-dokumenti dwar ir-reat imwettaq kontrieha u li tirċievi kopji wara li tiġi konkluża l-investigazzjoni.

Il-vittma trid tiġi informata dwar l-akkuża u trid tiġi notifikata dwar kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċernaha kif ukoll dwar id-deċiżjoni konklużiva.

Inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Il-vittma tkun intitolata li tispezzjona d-dokumenti dwar ir-reat imwettaq kontriha u tirċievi kopji fi kwalunkwe mument wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni.

Il-qorti trid tiżgura d-dritt ta’ spezzjonar tad-dokumenti b’tali mod li tevita divulgazzjoni żejda ta’ data dwar il-privatezza. Madankollu, il-ħruġ ta’ kopji ta’ dokumenti jista’ jiġi limitat biss fuq il-bażi ta’ raġunijiet relatati mad-dinjità tal-bniedem, mad-drittijiet tal-personalità u mad-dritt ta’ reverenza.

L-aħħar aġġornament: 04/09/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.