Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trasgressur? (eż. kawża l-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

It-twettiq ta’ reat u kundanna sussegwenti jfissru li l-parti vittma ta’ reat tista’ tfittex għad-danni. Il-liġi Taljana tipprovdi żewġ modi kif int tista’ tikseb kumpens għad-dannu li ġarrabt:

  • Int tista’ tissieħeb fil-proċedimenti kriminali kontra t-trasgressur bħala parti ċivili.
  • Int tista’ tiftaħ kawża ċivili indipendenti.

Din hi għażla tiegħek, billi l-leġiżlazzjoni tħalli ż-żewġ proċedimenti separati: il-proċedimenti kriminali u l-proċedimenti ċivili.

Hu biss fuq talba li l-kawża tmur quddiem il-qorti, jew meta imputat jintbagħat biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża (f’seduta), li int tkun tista’ tiġi assistit(a) mill-avukat tiegħek, tissieħeb f’kawża ċivili u b'hekk issir parti effettiva għall-proċedimenti, bid-drittijiet sħaħ tar-rappreżentazzjoni. Meta taqta’ s-sentenza, il-qorti kriminali tagħtik somma, l-hekk imsejħa għotja interim, li tkun eżegwibbli minnufih, b’riferiment għad-deċiżjoni dwar l-ammont totali u finali ta’ kumpens lil qorti ċivili, li għandu jiġi stabbilit biss wara li s-sentenza kriminali tkun saret res judicata.

Bħala alternattiva għas-sħubija fi proċedimenti bħala parti ċivili, int tista’ tiftaħ kawża ċivili indipendenti biex titlob kumpens għad-dannu li ġarrabt minħabba l-imġiba tat-trasgressur.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur biex iħallasni danni / kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?

Meta l-qorti tordna lit-trasgressur biex iħallas għall-korrimenti jew għad-danni kkawżati lil vittma li tkun issieħbet fi proċedimenti bħala parti ċivili, din tista’ tagħmel tliet affarijiet: issib soluzzjoni għad-danni, tagħmel ordni ġenerali għall-kumpens jew tordna l-ħlas ta’ somma interim. 
L-aħjar ħaġa għall-vittma tkun jekk is-sentenza tordna l-ħlas finali tad-danni: f’dak il-każ, fil-fatt, ikun possibbli li t-trasgressur jiġi informat bis-sentenza u bl-ordni ta’ ħlas (atto di precetto - avviż tal-ħlas li jrid jinħareġ qabel ma jibdew il-proċedimenti ta’ infurzar), u b'hekk jiġi ordnat il-ħlas tal-ammont dovut, u jittieħed l-ewwel pass neċessarju għall-ħruġ ta’ miżuri ta’ infurzar f’każ ta’ nuqqas persistenti min-naħa tat-trasgressur li jħallas (f’liema każ dejjem ikun rakkomandat li jsiru inkjesti preliminari dwar l-assi li jistgħu jintalbu).

Sakemm l-għoti ta’ kumpens ma ġiex iddikjarat bħala eżegwibbli b’mod proviżorju u espliċitu, l-infurzar ikun kundizzjonali għall-finalità tas-sentenza, jiġifieri għan-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ appell sal-iskadenza.

Għaldaqstant, l-ordni ta’ ħlas tista’ tiġi komunikata flimkien mas-sentenza, inkluż f’każijiet fejn din tal-aħħar tordna l-ħlas ta’ għotja interim li, barra minn hekk, dejjem tiġi ddikjarata bħala eżegwibbli minnufih. Madankollu, dan mhux dejjem ikun sodisfaċenti f’għajnejn il-vittma. Għaldaqstant, jekk tqis li dan ma jkunx suffiċjenti, int trid tiftaħ kawża ċivili indipendenti, li permezz tagħha kwalunkwe ħsara residwa tista’ tiġi verifikata u tiġi imposta penali differenti ġdida fuq it-trasgressur.

Il-proċedimenti ċivili dejjem ikunu neċessarji fit-tielet xenarju possibbli, li fih il-qorti kriminali sempliċiment toħroġ ordni ġenerali biex it-trasgressur iħallas kumpens, bla ma tiffissa l-ammont, minħabba li jkun hemm nuqqas ta’ evidenza f’dan ir-rigward.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? Taħt liema kundizzjonijiet?

Fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/80/KE, implimentata fl-Italja permezz tad-dispożizzjonijiet imsemmija aktar ’il fuq, l-Istat irid jiggarantixxi liċ-ċittadini u lil dawk li mhumiex ċittadini u li huma vittmi ta’ reat vjolenti intenzjonat (qtil, ħsara fiżika serja intenzjonata, attakk sesswali), imwettaq fit-territorju Taljan, kumpens ġust u xieraq, kull meta t-trasgressur ma jiġix identifikat jew ma jitressaqx quddiem il-ġustizzja, jew, fi kwalunkwe każ, ma jkollux ir-riżorsi finanzjarji biex jikkumpensa lill-vittmi għad-dannu li kkawżalhom, jew, jekk il-vittma tkun mietet, lill-familja tagħha.

Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

(Ara aktar ’il fuq)

Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

Jekk l-imputat jinstab li hu innoċenti fi proċedimenti kriminali, dan ma jżommokx milli tiftaħ kawża għal kumpens fil-qrati ċivili, sakemm ma tkunx irrinunzjajt għal dan id-dritt billi ssiħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili.

Jien intitolat(a) għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?

Jekk tissieħeb fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili biex titlob ħlas lura u kumpens għad-danni, malli taqta’ s-sentenza l-qorti tiddeċiedi wkoll dwar l-aspetti ċivili tal-kawża, skont l-Artikolu 533 c.p.p. F’każijiet li fihom ikun hemm evidenza li d-dannu ġġarrab minħabba r-reat (an debeatur) iżda mhux kemm (quantum debeatur), il-qorti toħroġ deċiżjoni ġenerika b'rabta mar-responsabbiltà ċivili u tirreferi lill-partijiet għal qorti ċivili biex jiġi stabbilit l-ammont (l-Artikolu 539 c.p.p.). Madankollu, parti ċivili tista’ titlob lill-qorti kriminali għal għotja interim, fi ħdan il-limiti tad-dannu diġà ssostanzjat bl-evidenza. B’mod aktar preċiż, id-deċiżjoni proviżorja tordna lit-trasgressur u lir-rappreżentant ċivili tiegħu biex iħallas somma bħala kumpens għad-danni qabel ma jsir il-kalkolu definittiv ta’ dawn, u din tkun eżegwibbli minnufih. Jekk strument li, fuq talba speċifika tiegħek, jipprovdi ġustifikazzjoni biex it-trasgressur jiġi ordnat iħallas somma interim, meta l-qorti tqis li diġà jkun hemm evidenza konkreta ta’ responsabbiltà, limitata għall-ammont li fir-rigward tiegħu tingħata s-somma interim; fil-fatt, anki fi proċedimenti kriminali, “m’hemmx bżonn, għall-finijiet ta’ kalkolu tas-somma interim, li tiġi pprovduta evidenza tal-ammont tad-danni stess, iżda jkun biżżejjed li jkun hemm ċertezza li t-tali danni seħħew, sas-somma mogħtija (diviżjoni kriminali tal-Qorti tal-Kassazzjoni, Nru 12634/2001).

L-aħħar aġġornament: 13/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.