Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

L-Irlanda ta’ fuq

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Irlanda ta’ fuq

Kif nirrapporta reat?

L-ewwel nett, għandek tirrapporta reat lill-pulizija.

Tista’ tagħmel dan b’għadd ta’ modi:

Emerġenza: F’emerġenza, ċempel 999 jew 18000 għall-utenti ta’ telefon testwali. Emerġenza hija meta jkun ġie kkawżat reat serju jew meta jkun qed isir reat u l-persuni suspettati jkunu fuq ix-xena tar-reat.

Servizz ta’ messaġġ testwali (SMS) f’każ ta’ emerġenza: Il-pulizija joperaw skema ta’ reġistrazzjoni ta’ messaġġi testwali (SMS) f’każ ta’ emerġenza sabiex jgħinu lil dawk b’ċerti diżabbiltajiet jikkuntattjawhom f’emerġenza. Dan is-servizz jippermetti wkoll lill-pulizija jgħaddu t-talbiet għal assistenza lis-servizzi tat-tifi tan-nar u tal-ambulanza. Is-servizz huwa disponibbli biss għall-utenti prereġistrati li jkunu mlew formola ta’ applikazzjoni (aktar dettalji u formola ta’ applikazzjoni huma disponibbli fuq is-sit web tal-pulizija http://www.psni.police.uk/).

Mhux Emerġenza: Meta l-inċident ma jkunx urġenti, ċempel fuq 101.

Reat ta’ mibegħda: Meta l-inċident ma jkunx urġenti, ċempel fuq 101, imbagħad iddajlja 2.

Dan huwa b’żieda mal-modi l-oħrajn ta’ rapportar tar-reat stabbilit f’din it-taqsima.

Rapportar minn partijiet terzi: Jekk tassew ma tridx jew ma tistax tirrapporta r-reat inti stess, dan jista’ jiġi rrapportat minn xi ħadd ieħor għalik, bħal membru tal-familja jew organizzazzjoni volontarja. Huma jagħmlu l-kuntatt inizjali mal-pulizija. Inti xorta tkun involut aktar tard fil-proċedimenti.

Żur l-għassa tal-pulizija lokali tiegħek: Meta l-inċident ma jkunx urġenti, tista’ wkoll tirrapportah fl-għassa tal-pulizija lokali tiegħek, matul il-ħinijiet tal-ftuħ.

Ir-reat jista’ jiġi rrapportat ukoll bil-modi li ġejjin:

Crimestoppers: Jekk ma tridx tagħti ismek, tista’ tirrapporta reat b’mod anonimu billi ċċempel fuq il-linja telefonika ta’ għajnuna karitatevoli mingħajr ħlas ta’ Crimestoppers fuq 0800 555 111. Dan is-servizz mhuwiex parti mill-pulizija.

Inċident f’Port jew Ajruport: Meta l-inċident ikun seħħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Belfast jew fil-Port ta’ Belfast, għandek tikkuntattja lill-Pulizija fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Belfast fuq 028 9448 4400 (bl-estensjoni 4412) / telefon ċellulari 077 1081 9183 jew lill-Pulizija fil-Port ta’ Belfast fuq 028 9055 3000. Meta jseħħ inċident kbir jew serju bħal omiċidju, att ta’ terroriżmu jew serq bl-użu tal-armi, dan jista' jiġi rrapportat ukoll lis-Servizz tal-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq. L-inċidenti fl-Ajruport tal-Belt ta’ Belfast jiġu ttrattati mis-Servizz tal-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq, permezz tan-numri ta’ kuntatt li jidhru hawn fuq.

L-Ombudsman tal-Pulizija: Jekk temmen li ġie kommess reat minn uffiċjal tal-pulizija, għandek tirrapportah lill-Ombudsman tal-Pulizija, li min-naħa tiegħu jinvestigah u jkun jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi għal prosekuzzjoni kriminali.

Kif nista’ nsir naf x’qed jiġri dwar il-każ?

Jekk inti vittma ta’ reat, għandek id-dritt li tiġi informat(a) mill-pulizija bl-informazzjoni li ġejja u li tingħata spjegazzjoni mingħajr dewmien bla bżonn tar-raġunijiet għala persuna suspettata tkun ġiet:

  • arrestata;
  • interrogata bi twissija;
  • meħlusa mingħajr akkuża;
  • meħlusa fuq libertà provviżorja tal-pulizija, jew jekk il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja tal-pulizija jitbiddlu jew jitħassru.

Inti għandek id-dritt li tiġi informat(a) mill-pulizija bl-informazzjoni li ġejja mingħajr dewmien bla bżonn minn meta jirċevuha l-pulizija:

  • id-data, il-ħin u l-post tal-ewwel seduta tal-qorti;
  • meta l-persuna suspettata tinħeles fuq libertà provviżorja tal-pulizija sabiex tidher fil-qorti, kwalunkwe kundizzjoni tal-libertà provviżorja u kwalunkwe tibdil f’dawn il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja.

Għandi dritt għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Il-vittmi u x-xhieda mhumiex partijiet fil-proċeduri kriminali u, għalhekk, mhumiex eliġibbli għal għajnuna legali fl-Irlanda ta’ Fuq.

Nista’ nitlob lura l-ispejjeż (sabiex nieħu sehem fl-investigazzjoni/fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk tintalab tattendi l-qorti sabiex tagħti x-xhieda tiegħek, jista’ jkollok tħallas għal aspetti bħall-ivvjaġġar tiegħek. Inti tista’ tapplika sabiex dawn il-flus jitħallsu lura. Dan huwa soġġett għal limiti ta’ żmien sabiex il-flus jintalbu lura u għal rati standard għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, kif ukoll ammonti massimi ta’ kuljum għal telf ta’ qligħ. L-ispejjeż ma jitħallsux sabiex issir dikjarazzjoni lill-pulizija dwar ir-reat kriminali.

Id-dettalji dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu rrimborżati l-ispejjeż mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika, kif ukoll ir-rati li japplikaw jistgħu jinstabu fuq http://www.ppsni.gov.uk/Publications-7873.html.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel ma mmur il-qorti?

Jekk tittieħed deċiżjoni mis-servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika li ma ssirx prosekuzzjoni, u inti ma taqbilx ma’ din id-deċiżjoni, għandek id-dritt li titlob li ssir reviżjoni tad-deċiżjoni tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika.

Id-dritt għal reviżjoni ta’ deċiżjoni tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika li ma ssirx prosekuzzjoni japplika irrispettivament mit-tip ta’ reat jew mill-grad potenzjali tal-qorti. Meta d-deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni tittieħed mid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, u dik id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi riveduta minn awtorità ogħla, ir-reviżjoni tista’ titwettaq mid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi. Aktar dettalji dwar id-dritt għal reviżjoni u kif din taħdem jistgħu jinstabu fuq http://www.ppsni.gov.uk/.

Nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Jekk inti taf xi ħaġa dwar inċident, tista’ tintalab tixhed fil-qorti għall-prosekuzzjoni jew għad-difiża.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien nista’ nkun jew nista' nagħżel li nkun: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Għall-finijiet tal-Karta tal-Vittmi, “vittma” hija:

  • persuna li sofriet dannu, inkluż dannu fiżiku, mentali jew emozzjonali jew telf finanzjarju, li kien direttament ikkawżat minn reat kriminali.
  • qarib strett ta’ persuna li l-mewt tagħha kienet ikkawżata direttament minn reat kriminali.

Jekk taf xi ħaġa dwar inċident, tista’ tintalab tixhed fil-qorti għall-prosekuzzjoni jew għad-difiża. Jekk taf waħda mill-persuni involuti fil-każ, tista’ tintalab tipprovdi x-xhieda tiegħek bħala xhud tal-karattru, ġeneralment mid-difiża. Fi kwalunkwe każ, ix-xhieda tiegħek tista’ tkun kruċjali sabiex jiġu garantiti l-kundanna jew il-ħelsien tal-akkużat.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Il-Karta tal-Vittmi tistabbilixxi l-intitolamenti għall-vittmi. Din hija disponibbli hawnhekk: https://www.garda.ie/en/victim-services/garda-victim-service/victim-charter-2020.pdf.

Jekk kont xhud ta’ reat kriminali, iżda m'intix vittma, jista’ jkollok aċċess għas-servizzi skont il-Karta tax-Xhieda. Din hija disponibbli hawnhekk: https://www.justice-ni.gov.uk/publications/witness-charter.

Nista’ nagħmel dikjarazzjoni jew nixhed waqt il-proċess? Taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk taf xi ħaġa dwar inċident, tista’ tintalab tixhed fil-qorti għall-prosekuzzjoni jew għad-difiża. Jekk taf waħda mill-persuni involuti f’każ, tista’ tintalab tipprovdi x-xhieda tiegħek bħala xhud tal-karattru, ġeneralment mid-difiża.

Jekk inti vittma ta’ reat, Dikjarazzjoni Personali tal-Vittma (Victim Personal Statement - VPS) tagħtik opportunità li tispjega fi kliemek stess kif affettwak reat, kemm jekk fiżikament, emozzjonalment, finanzjarjament jew bi kwalunkwe mod ieħor. Din hija differenti minn dikjarazzjoni ta’ xhud dwar x’ġara f’dak il-mument, bħal dak li rajt jew smajt.

Inti għandek id-dritt li tiġi offrut(a) l-opportunità li tagħmel VPS ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni li ssir prosekuzzjoni kontra xi ħadd għar-reat.

Il-VPS tagħtik leħen fil-proċess tal-ġustizzja kriminali. Madankollu, ma għandekx tagħti l-fehmiet tiegħek dwar l-akkużat, kwalunkwe reat allegat jew reat ieħor, jew dwar kwalunkwe piena li taħseb li għandha tingħata. Dan minħabba li dawn il-fehmiet mhumiex ammissibbli fil-qorti. Qabel ma tingħata d-dikjarazzjoni lill-imħallef, is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika għandu jneħħi kwalunkwe informazzjoni li ma għandhiex tkun fiha.

Id-dikjarazzjoni personali tal-vittma tintuża fil-qorti jekk l-akkużat jinstab ħati jew iwieġeb li huwa ħati. Din tiġi eżaminata mill-prosekutur, mill-akkużat, mir-rappreżentant legali tiegħu u mill-imħallef. Meta persuna tinstab ħatja ta’ reat, il-qorti għandha tikkunsidra l-partijiet rilevanti tad-dikjarazzjoni personali tal-vittma meta tiġi biex tiddetermina s-sentenza. F’xi każijiet, jista’ ma jkunx possibbli li tiġi kkunsidrata dikjarazzjoni, jekk il-każ jiġi ttrattat malajr ħafna mill-qrati, pereżempju, jekk ikun hemm dikjarazzjoni ta’ ħtija bikrija jew jekk il-każ jiġi ttrattat mal-ewwel dehra fil-qorti.

X’informazzjoni ser nirċievi waqt il-proċess?

Inti intitolat(a) li:

  • tiġi informat(a) dwar l-eżitu ta’ kwalunkwe smigħ dwar il-libertà provviżorja (kwalunkwe kundizzjoni rilevanti għal-libertà provviżorja u kwalunkwe tibdil rilevanti f’dawn il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja) bir-raġunijiet mingħajr dewmien bla bżonn;
  • tiġi informat(a) bid-data, il-post u l-eżitu ta’ kwalunkwe seduta tal-qorti kriminali fil-kawża mill-Unità għall-Ħarsien tax-Xhieda u tal-Vittmi;
  • tiġi informat(a) jekk jinħareġ mandat ta’ arrest għal persuna suspettata u dwar l-eżitu ta’ seduta jekk il-persuna suspettata terġa’ tiġi arrestata. Jekk persuna suspettata terġa’ tiġi arrestata wara li jkun inħareġ mandat, din normalment tittella’ l-qorti ftit wara;
  • F’każijiet fejn il-persuna suspettata twieġeb li mhijiex ħatja, tiddiskuti kwalunkwe ħtieġa li jista’ jkollok mal-Unità għall-Ħarsien tax-Xhieda u tal-Vittmi u tiġi riferut(a) għal aġenzija jew grupp ta’ appoġġ rilevanti, fejn xieraq.

Jekk inti xhud matul il-proċess, inti intitolat(a) li:

  • tistaqsi lill-persunal tal-qorti jekk tistax tidħol fil-bini tal-qorti minn entratura separata differenti minn dik mnejn daħlu l-persuna suspettata u l-familjari u l-ħbieb tagħha;
  • fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, tiltaqa’ mal-prosekutur tal-PPS u tagħmillu mistoqsijiet dwar il-proċess tal-qorti. Dan jindika, fejn possibbli, kemm jaf ikollok iddum tistenna qabel ma tixhed;
  • kull fejn possibbli, tirċievi spjegazzjoni mingħand il-prosekutur tal-PPS jekk ikun hemm dewmien fil-proċedimenti dakinhar u kemm x’aktarx li jkollok iddum tistenna;
  • tistenna u tpoġġi f’żona separata mill-persuna suspettata u mill-familja u l-ħbieb tagħha - il-qorti tiżgura li dan isir kull fejn ikun possibbli;
  • isiru arranġamenti għal kwalunkwe Miżuri Speċjali għalik meta dawn jiġu ordnati mill-qorti;
  • tingħata punt ta’ kuntatt fil-qorti sabiex tkun tista’ ssir taf x’inhu jiġri fil-kawża waqt li tkun qed tinstema’.
L-aħħar aġġornament: 14/03/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.