Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Polonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Polonja

X’informazzjoni nirċievi mingħand l-awtorità wara li jkun seħħ ir-reat (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) iżda qabel ma nkun irrapportajt ir-reat?

Il-vittma tiġi pprovduta b’informazzjoni dwar id-drittijiet tagħha bil-miktub qabel l-ewwel intervista li sseħħ wara li jiġi rrapportat ir-reat. Qabel, l-awtorità tkun tista’ tipprovdi lill-vittma b’informazzjoni dwar id-drittijiet tagħha li se tkun siewja fiċ-ċirkustanzi.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti drittijieti?

Id-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma protetti bl-istess mod bħad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE ħlief għall-kumpens mill-istat li għalih huma eliġibbli l-vittmi ta’ ċerti reati – il-kumpens jingħata biss lil ċittadini tal-UE.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Qabel l-ewwel intervista, il-vittma tikseb informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet bażiċi tagħha, inkluż l-istatus tagħha fil-proċedimenti preparatorji, jekk tistax titlob li jittieħdu ċerti azzjonijiet (eż. interrogazzjoni tax-xhieda), l-assistenza ta’ rappreżentant legali, inkluża talba għal rappreżentant maħtur mill-qorti, id-dritt li tirreferi l-każ għall-medjazzjoni, li taċċessa l-fajl, li tappella kontra deċiżjoni ta’ waqfien tal-proċedimenti, il-possibbiltà li d-danni jitħallsu mill-konvenut jew li jinkiseb kumpens mill-istat, aċċess għall-għajnuna legali, il-miżuri għall-protezzjoni u għall-assistenza disponibbli, l-aċċess għal assistenza ffinanzjata mill-Fond ta’ Appoġġ għall-Vittmi u ta’ Għajnuna Postpenitenzjarja (Fundusz Pomocy Pokrzywdzonym oraz Pomocy Postpenitencjarnej), il-possibbiltà li tinħareġ ordni Ewropea ta’ protezzjoni, organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi u rimborż tal-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-proċedimenti.

Għandi dritt għal servizzi ta' interpretazzjoni jew ta' traduzzjoni mingħajr ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Traduttur jassisti fil-proċedimenti li fihom tieħu sehem vittma li ma tafx titkellem bil-Pollakk. L-ittri lill-vittma jew mingħandha jiġu tradotti. Il-vittma ma ġġarrabx l-ispejjeż tat-traduzzjoni.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

Minorenni li jkunu vittmi ta’ reat huma rrappreżentati mill-ġenituri tagħhom jew mill-persuni li jieħdu ħsiebhom. Għal individwi li jeħtieġu assistenza (eż. anzjani), id-drittijiet tagħhom jistgħu jiġu eżerċitati mill-persuna li tieħu ħsiebhom. Ġenituri jew tuturi għandhom jaraw li l-vittmi li qed jieħdu ħsieb jieħdu sehem fil-proċedimenti kif meħtieġ u, jekk ikunu f’dubju rigward il-fehim tal-akkużi tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mas-sinifikat ta’ dawk il-proċedimenti, dawn jistgħu javżaw lill-awtorità li tmexxi l-proċedimenti dwar dan.

Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ għall-vittmi?

Fil-Polonja, il-Fond ta’ Appoġġ għall-Vittmi u ta’ Għajnuna Postpenitenzjarja jakkumula riżorsi finanzjarji għall-finijiet bħall-assistenza lil vittmi ta’ reat u lill-eqreb qraba tagħhom. Il-Fond hu ġestit mill-Ministeru għall-Ġustizzja li jagħti sussidji lill-NGOs magħżula permezz ta’ kompetizzjoni li jispeċjalizzaw fl-appoġġ għall-vittmi. L-għajnuna ffinanzjata mill-Fond tkopri assistenza legali, psikoloġika u materjali.

Il-pulizija tirreferini awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

L-awtorità li tmexxi l-proċedimenti hi meħtieġa tinforma lill-vittma, qabel l-ewwel intervista, li hemm disponibbli assistenza ffinanzjata mill-Fond ta’ Appoġġ għall-Vittmi u ta’ Għajnuna Postpenitenzjarja.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Data li tikkonċerna l-post ta’ residenza u l-post tax-xogħol tal-vittma ma tkunx disponibbli għat-trasgressur.

Fil-każ tax-xhieda – fi kliem ieħor, bħala regola ġenerali, fil-każ tal-vittmi kollha – il-prosekutur jew il-qorti jistgħu, f’każijiet partikolarment serji, jiddeċiedu li ma jiżvelawx data personali tagħhom u ċirkustanzi oħra li jippermettu li dawk jiġu identifikati. Dan ikun possibbli f’każ ta’ tħassib raġonevoli rigward riskju għall-ħajja, għas-saħħa, għal-libertà jew għal parti sinifikanti mill-proprjetà ta’ dik il-persuna jew tal-eqreb qarib ta’ dik il-persuna.

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

L-aċċess għall-appoġġ għall-vittmi mhuwiex kontinġenti għar-rapportar ta’ reat. Persuna li tixtieq taċċessa l-appoġġ għandha bżonn biss li turi li twettaq reat kontriha.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli?

F’każ ta’ theddida għall-ħajja jew għas-saħħa tagħhom, il-vittma u l-qraba tagħha mill-viċin huma intitolati għal:

  • protezzjoni matul il-proċedimenti;
  • protezzjoni fiżika;
  • assistenza bir-rilokazzjoni.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

Il-protezzjoni tingħata mill-Kap tal-Pulizija b’ġurisdizzjoni fuq il-provinċja.

Hemm xi ħadd li jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk inix f’riskju ta’ aktar ħsara mit-trasgressur?

Il-Kap tal-Pulizija kompetenti għall-provinċja jagħmel valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġu pprovduti u li jissoktaw il-protezzjoni u l-assistenza.

Ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi biex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

L-awtorità inkarigata mill-proċedimenti hi meħtieġa tmexxi l-proċedimenti li jinvolvu lill-vittma b’mod li ma jinvolvix konsegwenzi negattivi. Din dejjem għandha tieħu azzjoni f’sitwazzjoni li fiha l-vittma ma tkunx ittrattata bir-rispett dovut jew meta l-vittma ma tħosshiex sikura.

F’każijiet ta’ stupru u f'każijiet simili, il-vittma tiġi intervistata f’kamra speċjali mingħajr il-preżenza tat-trasgressur.

Matul il-proċess, l-imħallef li jippresjedi jista’ jordna lill-konvenut biex jitlaq mill-kamra waqt li tixhed il-vittma.

X'tip ta' protezzjoni hu disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Jekk il-vittma teħtieġ l-assistenza għaliex, eż., minħabba l-età jew il-problemi tas-saħħa tagħha hi ma tistax tieħu sehem b’mod attiv fil-proċess, id-drittijiet tagħha jistgħu jiġu eżerċitati mill-persuna li tieħu ħsiebha.

Jien minorenni – għandi xi drittijiet speċjali?

Id-drittijiet tal-vittmi li huma minorenni jiġu eżerċitati mir-rappreżentanti statutorji tagħhom jew mill-persuna li tieħu ħsiebhom. Jekk ir-reat twettaq mill-ġenituri, il-minorenni jiġu rrappreżentati fil-proċess minn tutur ad litem.

Il-membru tal-familja tiegħi miet kaġun tar-reat – x’inhuma drittijieti?

Jekk il-vittma tmut, minflokha jistgħu jieħdu sehem fil-proċedimenti l-qraba tagħha mill-viċin. Dawn ikollhom id-drittijiet kollha tal-vittma.

Il-membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Il-qraba mill-viċin tal-vittmi huma intitolati għal assistenza legali, psikoloġika u materjali ffinanzjata mill-Fond ta’ Appoġġ għall-Vittmi u ta’ Għajnuna Postpenitenzjarja. Fl-aktar każijiet serji li jinvolvu riskju għall-ħajja jew għas-saħħa ta’ dawk il-persuni, jistgħu jingħatawlhom mezzi ta’ protezzjoni u ta’ assistenza (protezzjoni matul il-proċedimenti, protezzjoni fiżika, assistenza fir-rilokazzjoni).

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Se nkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

Il-kawża tista’ tiġi riferita għal medjazzjoni fl-istadju preparatorju jew matul il-proċedimenti tal-qorti soġġetta għall-kunsens tal-vittma u tal-konvenut. Il-proċedimenti ta’ medjazzjoni jsiru mill-medjatur b’mod imparzjali u kunfidenzjali. Matul il-medjazzjoni, il-vittma tista’ tippreżenta l-pożizzjoni tagħha, jiġifieri tindika dak li hi qed tistenna mingħand it-trasgressur. Il-medjazzjoni ma ttemmx il-proċedimenti kriminali, iżda l-eżitu tagħha jittieħed f’kunsiderazzjoni kemm mill-prosekutur kif ukoll mill-qorti.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tgħid x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-vittmi ta’ reat jinstabu fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Kodeks postępowania karnego), fil-Kodiċi Kriminali (Kodeks karny), fil-Kodiċi dwar l-Eżekuzzjoni Kriminali (Kodeks karny wykonawczy), fl-Att tas-7 ta’ Lulju 2005 dwar il-Kumpens mill-Istat għall-Vittmi ta’ Ċerti Reati (ustawa z dnia 7 lipca 2005 r. o państwowej kompensacie przysługującej ofiarom niektórych czynów zabronionych, test konsolidat, Ġurnal tal-Liġijiet 2016, il-punt 325), fl-Att tat-28 ta’ Novembru 2014 dwar il-Protezzjoni u l-Appoġġ għall-Vittmi u għax-Xhieda (ustawa z dnia 28 listopada 2014 r. o ochronie i pomocy dla pokrzywdzonego i świadka, Ġurnal tal-Liġijiet 2015, il-punt 21), fir-Regolament tad-29 ta’ Settembru 2015 dwar il-Fond ta’ Appoġġ għall-Vittmi u ta’ Għajnuna Postpenitenzjarja (rozporządzenie z dnia 29 września 2015 r. w sprawie Funduszu Pomocy Pokrzywdzonym oraz Pomocy Postpenitencjarnej, Ġurnal tal-Liġijiet 2019, il-punt 683), u fl-Att tas-17 ta’ Ġunju 2004 dwar ilmenti rigward il-ksur ta’ dritt ta’ parti li l-kawża tagħha tiġi eżaminata mingħajr dewmien żejjed fi proċedimenti preparatorji mmexxija jew issorveljati mill-prosekutur u fil-proċedimenti tal-qorti (ustawa z dnia 17 czerwca 2004 r. o skardze na naruszenie prawa strony do rozpoznania sprawy w postępowaniu przygotowawczym prowadzonym lub nadzorowanym przez prokuratora i postępowaniu sądowym bez nieuzasadnionej zwłoki, test konsolidat, Ġurnal tal-Liġijiet 2018, il-punt 75, kif emendat).

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.