Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

X’informazzjoni se nikseb mingħand l-awtorità wara li jkun seħħ ir-reat (pereż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku), iżda saħansitra qabel ma nirrapporta r-reat?

Mill-mument li l-ewwel tikkuntattja lill-awtoritajiet tal-pulizija kriminali jew lis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Ministério Público), għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar:

  • it-tip ta’ appoġġ disponibbli għalik u min jista’ jipprovdih, bħal assistenza medika, appoġġ psikoloġiku, appoġġ speċjalizzat u, fejn xieraq, kenn;
  • kif u fejn għandu jitressaq ilment jew jiġi rrappurtat reat;
  • kif u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tikseb protezzjoni;
  • kif titlob għal għajnuna legali u pariri;
  • kif u taħt liema kundizzjonijiet tista’ titlob kumpens mingħand l-awtur tar-reat;
  • f’każijiet ta’ kriminalità vjolenti jew vjolenza domestika, kif u taħt liema kundizzjonijiet tista’ titlob kumpens mill-Istat;
  • kif tista’ tibbenefika mis-servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni;
  • id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet li l-vittmi jridu jużaw biex jipprovdu jew jiksbu informazzjoni dwar il-każ;
  • kif u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi rimborżat għall-ispejjeż imġarrba biex tieħu sehem fi proċedimenti kriminali.

Din l-informazzjoni tista’ tvarja skont il-ħtiġijiet speċifiċi u ċ-ċirkostanzi personali tiegħek u t-tip ta’ reat, u tista’ tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali f’punti oħra fil-proċedimenti.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif huma mħarsa d-drittijiet tiegħi?

Jekk int resident f’pajjiż tal-UE u inti vittma ta’ reat fil-Portugall u ma rrappurtajtux, tista’ tressaq ilment mal-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ residenza tiegħek. L-awtoritajiet fil-pajjiż ta’ residenza tiegħek jgħaddu minnufih l-ilment lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż fejn ikun twettaq ir-reat.

Jekk tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE jew f’pajjiż mhux tal-UE, tista’ tipprovdi dikjarazzjonijiet għall-ġejjieni, jiġifieri, dikjarazzjonijiet li jistgħu jintużaw bħala evidenza waqt il-proċess, sabiex ma jkollokx għalfejn tmur lura l-Portugall. Minkejja dan, jekk tkun meħtieġ tipprovdi aktar dikjarazzjonijiet u ma tibqax fil-pajjiż fejn seħħ ir-reat, tista’ tinstema’ permezz tat-telefown jew tal-vidjokonferenza mill-pajjiż ta’ residenza tiegħek.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Minbarra l-informazzjoni indikata hawn fuq, meta tiddikjara li tixtieq tkun infurmat bid-deċiżjonijiet kollha meħuda fil-proċedimenti kriminali, int intitolat ukoll li tiġi infurmat dwar is-segwitu mogħti lill-ilment, inkluża d-deċiżjoni li l-persuna akkużata tiġi inkriminata jew li l-każ jingħalaq jew jiġi sospiż temporanjament, u l-miżuri restrittivi imposti. Int intitolat ukoll li tiġi infurmat dwar il-jum, il-ħin u l-post tal-proċess, u dwar is-sentenza.

Għandi dritt għal servizzi ta’ interpretazzjoni libera jew ta’ traduzzjoni (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Iva. Jekk m’intix profiċjenti fil-lingwa u jkollok tieħu sehem f’att proċedurali, int intitolat li tiġi assenjat, fuq talba tal-awtorità responsabbli għal tali att proċedurali, interpretu li jifhem il-Portugiż u l-lingwa li titkellem.

Il-ħatra ta’ interpretu hija bla ħlas.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li jien qed niġi mifhum (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabbiltà)?

Wara li tingħata d-dokument standard (li jindika d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħek bħala l-vittma), tingħata spjegazzjoni ċara u li tinftiehem, adattata għall-karatteristiċi individwali tiegħek (kulturali, intellettwali, eċċ.), dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tiegħek, li tindika, pereżempju, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ dwar il-ħatra ta’ interpretu jekk ma tkunx profiċjenti jew ma tifhimx il-lingwa Portugiża jew fejn għandek ħtiġijiet oħra ta’ komunikazzjoni minħabba diżabbiltà jew inkapaċità.

Is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ għall-vittmi?

L-awtoritajiet tal-pulizija kriminali, is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika, u d-diversi faċilitajiet ta’ appoġġ għall-vittmi.

Il-pulizija jirreferuni awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Inti se tiġi infurmat dwar il-faċilitajiet ta’ appoġġ li huma disponibbli għalik sabiex tkun tista’ tagħmel użu minnhom jekk tixtieq tagħmel dan.

Jekk inti vittma ta’ vjolenza domestika, inti tiġi infurmat bid-dritt tiegħek għal assistenza minn faċilità speċjalizzata fl-appoġġ tal-vittmi ta’ vjolenza domestika. Wara li taqbel li tirċievi assistenza speċjalizzata minn faċilità ta’ appoġġ fiż-żona ta’ residenza tiegħek (jew xogħol, jew qasam ieħor), l-awtoritajiet tal-pulizija kriminali jikkuntattjaw lill-faċilità msemmija.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Inti se tiġi pprovdut b’livell xieraq ta’ protezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza u l-protezzjoni tal-privatezza tiegħek, fejn l-awtoritajiet kompetenti jemmnu li hemm theddida serja ta’ tpattija u rivittimizzazzjoni jew indikazzjonijiet qawwija li l-privatezza tiegħek tista’ tiġi intruża. Għal dan l-għan, tingħata attenzjoni biex jiġi evitat kuntatt bejnek, il-familja tiegħek u l-persuna/i suspettata/i jew akkużata/i fil-postijiet kollha fejn ikunu preżenti matul il-proċedimenti, b’mod partikolari fil-bini tal-qorti. Int intitolat li tinstema’ f’ambjent informali u privat u tista’ tinstema’ permezz ta’ vidjokonferenza.

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

Le. Tista’ tuża servizz ta’ appoġġ għall-vittmi irrispettivament minn jekk ippreżentajtx rapport jew ilment.

Protezzjoni personali jekk ninsab fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli?

Il-protezzjoni u s-sikurezza tiegħek huma żgurati bl-impożizzjoni ta’ miżura ta’ restrizzjoni waħda jew aktar fuq il-persuna akkużata. Miżura ta’ restrizzjoni hija restrizzjoni fuq il-libertà tal-persuna akkużata, li tista’ tiġi imposta matul proċedimenti kriminali meta jkun hemm riskju li l-akkużat jaħrab, riskju fil-ġbir u l-preservazzjoni tal-evidenza tar-reat, periklu għall-ordni pubbliku u/jew riskju ta’ attività kriminali kontinwa.

L-applikazzjoni tal-iskema speċjali ta’ protezzjoni tax-xhieda, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tiegħek bħala l-vittma u tal-familja tiegħek kontra atti ta’ ritaljazzjoni, intimidazzjoni jew attività kriminali ulterjuri, inklużi atti li jistgħu jipperikolaw ħajtek, l-integrità fiżika u l-benesseri emozzjonali u psikoloġiku, u d-dinjità tiegħek meta tixhed.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

L-awtoritajiet tal-pulizija kriminali, is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika, u l-qorti.

Hemm xi ħadd biex jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar dannu mit-trażgressur?

Il-każ tiegħek jiġi vvalutat, skont l-istadju tal-proċedimenti, mill-awtoritajiet tal-pulizija kriminali, mis-Servizz tal-Prosekutur Pubbliku jew mill-Qorti.

Hemm xi ħadd biex jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Iva, kif issemma qabel, u filwaqt li jitqies l-istadju tal-proċedimenti, fejn l-awtoritajiet jemmnu li hemm theddida serja jew indikazzjonijiet qawwija li s-sikurezza u l-privatezza tiegħek jistgħu jkunu serjament u deliberatament f’riskju, int, kif ukoll familtek jew persuni oħra qrib tiegħek, se tingħata(w) livell xieraq ta’ protezzjoni.

X’tip ta’ protezzjoni hija disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

  • Il-vittmi jiġu interrogati malajr kemm jista’ jkun u f’post fejn iħossuhom komdi. Meta l-vittmi jkollhom jinstemgħu aktar minn darba, l-interrogatorji jsiru, jekk il-vittma tkun tixtieq dan, mill-istess persuna;
  • Tingħata attenzjoni biex jiġi evitat kwalunkwe kuntatt mal-persuna akkużata u, pereżempju, għall-fini li tingħata evidenza, se jintużaw il-faċilitajiet teknoloġiċi xierqa, b’mod partikolari l-vidjokonferenzi jew it-telekonferenzi;
  • Jintużaw dikjarazzjonijiet għall-ġejjieni;
  • F’każijiet li jinvolvu vittmi ta’ vjolenza sesswali, vjolenza abbażi tal-ġeneru jew vjolenza minn sieħeb intimu, l-intervisti jsiru minn persuna tal-istess sess bħall-vittma, jekk il-vittma tkun tixtieq hekk, sakemm ma jitmexxewx minn imħallef jew maġistrat;
  • Il-Qorti tista’ tordna smigħ magħluq.

Jiena minorenni - għandi drittijiet speċjali?

Irrispettivament mir-reat imwettaq kontrik, bħala minorenni inti titqies bħala vittma partikolarment vulnerabbli.

Minbarra d-drittijiet li japplikaw għal vittmi partikolarment vulnerabbli, it-tfal li huma vittmi dejjem ikunu akkumpanjati minn rappreżentant legali jew, fil-każ ta’ kunflitt ta’ interessi mar-rappreżentanti legali tagħhom, minn avukat. Dejjem se tinstema’ f’ambjent informali, u tista’ tkun akkumpanjat(a) ukoll minn ħaddiem ta’ appoġġ għall-vittmi u/jew psikologu.

Il-membru tal-familja tiegħi miet kaġun tar-reat - x’inhuma drittijieti?

F’każ ta’ mewt, id-dritt għal kumpens jiġi estiż għal dawk il-persuni li, skont il-liġi ċivili, jingħataw id-dritt għall-manteniment u għal dawk li għexu f’koabitazzjoni mal-vittma, u jistgħu jkunu intitolati wkoll għal kumpens bil-quddiem mill-Istat.

Il-membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat - x’inhuma drittijieti?

Il-vittmi u l-familji tagħhom għandhom id-dritt għall-protezzjoni minn ritaljazzjoni, intimidazzjoni jew attività kriminali ulterjuri kontrihom. Għandek id-dritt li tkun protett minn atti li jistgħu jipperikolaw ħajtek, l-integrità fiżika tiegħek, il-benesseri emozzjonali u psikoloġiku tiegħek, u d-dinjità tiegħek meta tixhed. Fejn l-awtoritajiet jemmnu li hemm theddida serja jew indikazzjonijiet qawwija li s-sikurezza u l-privatezza tiegħek jistgħu jkunu serjament u deliberatament f’riskju, int, kif ukoll familtek jew persuni oħra qrib tiegħek, se tingħata(w) livell xieraq ta’ protezzjoni.

Jista’ jkolli aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Se nkun sikur waqt il-medjazzjoni?

Iva. F’każijiet li jinvolvu reati minuri jew inqas serji, bħal, fost l-oħrajn, theddid, danni minuri, u attakki, il-liġi tipprevedi riżoluzzjoni permezz ta’ medjazzjoni bejn il-vittma u l-persuna akkużata, dment li l-persuna akkużata tkun diġà rrikonoxxiet ir-reat.

Għaldaqstant, fl-istadju tal-investigazzjoni, il-Prosekutur Pubbliku jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-vittma u tal-persuna akkużata, jirrinvija l-każ għall-medjazzjoni, billi jinfurmahom b’tali rinviju u li se jiġu kkuntattjati minn medjatur.

Il-medjazzjoni hija bla ħlas, kunfidenzjali u volontarja, jiġifieri, tipparteċipa biss jekk tixtieq u tista’ tirtira fi kwalunkwe ħin.

Jekk ma tistax tasal għal ftehim, ikomplu l-proċedimenti kriminali.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tiddikjara d-drittijiet tiegħi?

Fuq: https://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_main.php

L-aħħar aġġornament: 07/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.