- X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens għad-danni mwettqa mit-trasgressur? (eż. kawża l-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)
- Il-qorti ordnat lit-trasgressur biex iħallasni id-danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?
- Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? Taħt liema kundizzjonijiet?
- Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?
- Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?
- Jien inkun intitolat(a) għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?
X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens għad-danni mwettqa mit-trasgressur? (eż. kawża l-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)
Inti tista’ titlob kumpens għad-danni mwettqa mit-trasgressur billi ssir parti ċivili fil-proċedimenti kriminali. Għandek tieħu din l-azzjoni qabel ma tibda l-inkjesta preparatorja. Il-korpi ġudizzjarji jridu jinformawk b'dan id-dritt. Int tista’ tiftaħ kawża ċivili fil-proċedimenti kriminali b’mod orali jew bil-miktub. Madankollu, int trid tispeċifika d-danni rrappurtati, ir-raġunijiet u l-evidenza li fuqhom hi msejsa t-talba tiegħek.
Din it-talba tista’ tiġi ppreżentata fl-uffiċċju tal-prosekutur jew quddiem il-qorti kkonċernata mis-suġġett tal-każ.
Is-sentenza tal-qorti tinkludi wkoll id-danni ordnati mill-qorti kontra t-trasgressur.
Jekk m’intix parti ċivili fil-proċedimenti kriminali, xorta waħda tista’ tippreżenta kawża separata quddiem il-qorti ċivili biex titlob kumpens għad-danni.
Il-qorti ordnat lit-trasgressur biex iħallasni id-danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?
Dment li jkun hemm sentenza fis-seħħ li tordna li t-trasgressur irid iħallas għad-danni, dan irid jagħmel hekk mingħajr il-bżonn li int tieħu xi azzjoni ulterjuri. Jekk it-trasgressur jonqos milli jħallas, int tista’ tfittex l-eżekuzzjoni tas-sentenza.
Biex tagħmel dan, int trid tippreżenta s-sentenza li tagħtik kumpens lil bailiff. Il-bailiff jaġixxi għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti u jgħidlek xi jmiss li tagħmel.
Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? Taħt liema kundizzjonijiet?
L-istat jista’ jħallsek kumpens taħt ċerti kundizzjonijiet.
Jekk it-trasgressur ikun insolventi jew nieqes, l-istat jista’ jħallsek kumpens, dment li int tippreżenta applikazzjoni għal kumpens finanzjarju. Int għandek tippreżenta l-applikazzjoni fi żmien sena. Id-data li fiha jibda t-terminu tiddependi mis-soluzzjoni ordnata mill-korpi ġudizzjarji.
Jekk it-trasgressur ma jkunx magħruf, int għandek tippreżenta l-applikazzjoni għal kumpens finanzjarju fi żmien 3 snin mit-twettiq tar-reat, sakemm int ma tkunx ksibt kumpens sħiħ mingħand assiguratur.
Int tista’ tippreżenta applikazzjoni għal pagament bil-quddiem tal-kumpens finanzjarju. Biex tagħmel dan, l-ewwel int trid tippreżenta l-applikazzjoni għal kumpens finanzjarju kif imsemmi hawn fuq. Il-pagament bil-quddiem jista’ jintalab fl-applikazzjoni għal kumpens finanzjarju jew wara, fi żmien 30 jum. Int intitolat(a) għal pagament bil-quddiem dment li tkun f’pożizzjoni finanzjarja prekarja.
Jekk l-applikazzjoni għad-danni/għall-kumpens tiġi miċħuda, int trid trodd lura l-flus li tkun irċivejt bil-quddiem. L-applikazzjoni għal kumpens finanzjarju għandha tiġi ppreżentata lit-tribunal li int tkun qed tirresjedi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.
Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?
Iva. Jekk jogħġbok ara t-tweġiba aktar ’il fuq.
Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?
Jekk il-qorti kriminali ma tagħtix kumpens fir-rigward tat-talba ċivili, int tista’ tippreżenta kawża separata quddiem il-qorti ċivili biex titlob id-danni.
Jekk il-qorti kriminali tiddeċiedi li ma hemm ebda reat jew li ma twettaq ebda reat mill-persuna li kontriha int ippreżentajt l-ilment, int mhux se tkun intitolat(a) għad-danni/għall-kumpens la f'qorti kriminali u lanqas f’kawża ċivili separata, peress li d-deċiżjoni tal-qorti kriminali tikseb il-forza ta’ res judicata quddiem il-qorti ċivili.
Jekk m’intix parti ċivili fil-proċedimenti kriminali, int tista’ tippreżenta kawża separata f’qorti ċivili matul il-proċess kriminali jew anki meta dan jintemm, soġġett għall-perjodi ta’ preskrizzjoni ġenerali.
Jien inkun intitolat(a) għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?
Iva, taħt ċerti kundizzjonijiet, int tista’ tippreżenta applikazzjoni għal pagament bil-quddiem tal-kumpens finanzjarju. Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija dwar il-pagamenti bil-quddiem.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.