Sib informazzjoni għal kull reġjun
Skont il-Liġi 4/2015 tas-27 ta’ April 2015, il-persuni fiżiċi li huma vittmi ta’ reati li twettqu fi Spanja jew li jistgħu jkunu suġġetti għal proċedura kriminali fi Spanja jitqiesu li huma vittmi ta’ reat, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, jekk humiex ta’ età legali jew minuri, u jekk humiex jew le residenti legali. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Liġi għandhom japplikaw:
a) Bħala vittma diretta, għal kull persuna fiżika li tkun sofriet dannu fuq persunitha jew il-proprjetà tagħha, speċjalment korriment fiżiku jew dannu mentali, sofferenza emozzjonali jew telf ekonomiku kkawżati mir-reat.
b) Bħala vittma indiretta, f’każ ta’ mewt jew għajbien ta’ persuna li jkunu direttament ikkawżati minn reat, ħlief meta l-każijiet ikunu attribwibbli direttament għal:
1. Il-konjuġi tal-vittma, meta ma jkunux separati legalment jew de facto, u għal kull tifel u tifla tal-vittma jew tal-konjuġi tal-vittma, meta ma jkunux separati legalment jew de facto, li jkunu qed jgħixu magħhom meta jseħħu l-mewt jew l-għajbien; kull persuna li fil-mument tal-mewt jew tal-għajbien, tkun f’relazzjoni sentimentali kumparabbli mal-vittma, u kull tifel u tifla ta’ din il-persuna li jkunu qed jgħixu mal-vittma meta jseħħu l-mewt jew l-għajbien; Il-ġenituri tal-vittma jew il-qraba diretti jew tat-tielet grad li l-vittma għandha r-responsabiltà ta’ ġenitur għalihom, u l-persuni li jkunu taħt it-tutela tal-vittma jew li jkunu taħt fostering mill-vittma.
2. Meta ma teżisti l-ebda persuna minn dawn, qraba oħra diretti u l-aħwa tal-vittma, bil-preferenza tingħata lir-rappreżentant legali tal-vittma.
- Id-drittijiet bażiċi tal-vittmi: Il-vittmi kollha huma intitolati għall-protezzjoni, għall-informazzjoni, għas-sostenn, għall-assistenza u għall-kura, kif ukoll għall-parteċipazzjoni attiva fi proċedimenti kriminali, u li jirċievu trattament rispettuż, professjonali, personali u nondiskriminatorju mal-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew mal-uffiċjali, filwaqt li jiġu pprovduti servizzi ta’ assistenza, ta’ appoġġ u ta’ ġustizzja riparatriċi lill-vittma matul il-proċedimenti kriminali u għal perjodu suffiċjenti ta’ żmien wara li jiġu konklużi, sew jekk l-identità tal-awtur tar-reat tkun magħrufa u sew jekk le, u irrispettivament mir-riżultat tal-proċedimenti.
- Punt ta’ kuntatt: uffiċċji ta' assistenza għall-vittmi.
Bħala vittma ta’ reat, il-liġi tagħtik ċertu drittijiet individwali qabel, matul u wara l-proċeduri tal-qorti (il-proċess).
Il-proċeduri kriminali fi Spanja jibdew bl-investigazzjoni tar-reat, imwettqa mill-pulizija ġudizzjarja taħt is-superviżjoni tal-maġistrat inkwirenti. Fi tmiem l-investigazzjoni l-maġistrat inkwirenti jibgħat il-każ lill-prosekutur pubbliku li jiddeċiedi l-pass li jmiss. Jekk ma jkunx hemm provi biżżejjed sabiex tinfetaħ kawża kontra l-awtur tar-reat u l-prosekutur pubbliku jonqos milli jixlih, il-maġistrat inkwirenti jwaqqa’ (jtemm) il-proċedimenti. Inkella, il-każ jiġi rriferut lill-qorti rilevanti għat-twettiq tal-proċess.
Matul il-proċess, il-qorti teżamina l-evidenza u tiddeċiedi jekk l-allegat awtur tar-reat huwiex ħati jew le. Jekk l-awtur tar-reat jinstab ħati, il-qorti timponi piena. Il-proċedimenti kriminali jistgħu jkomplu bil-possibilità ta’ appell quddiem il-qorti superjuri.
Bħala vittma, tista’ tieħu sehem fi proċedimenti kriminali bħala xhud jew inkella jkollok rwol aktar attiv bħala prosekutur privat, u għaldaqstant tibbenefika minn drittijiet addizzjonali li jiġu għax tkun parti fil-proċedimenti. F’kull każ, skont l-Artikolu 124 tal-Kostituzzjoni Spanjola, il-prosekutur pubbliku għandu jissalvagwardja l-interessi tal-vittma/tal-vittmi tul il-proċedimenti.
Il-vittmi ta’ reati relatati ma’ vjolenza sessista jkunu assistiti minn avukat speċjalizzat, mill-inkjesti preliminari ’l quddiem. Wara r-riforma tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura (Ley Orgánica del Poder Judicial, LOPJ) bil-Liġi Organika 7/2015, il-qrati bil-ġuriżdizzjoni fuq il-vjolenza kontra n-nisa jittrattaw ukoll ir-reati kontra l-privatezza, id-dritt tal-immaġni u tal-unur tan-nisa kif ukoll in-nuqqas ta’ rispett lejn il-qorti jew in-nuqqas ta’ konformità ma’ miżura interim.
Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt sabiex issib it-tagħrif li teħtieġ
1 - Drittijieti bħala vittma ta' reat
2 - Ir-rappurtar ta’ reat u d-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni jew il-proċess
3 - Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess
5 - Id-drittijiet tiegħi f'dak li għandu x'jaqsam ma' appoġġ u assistenza
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.