Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Bħala vittma ta’ reat, tista’ tibbenefika minn għadd ta’ drittijiet, u assistenza minn organizzazzjonijiet u awtoritajiet nazzjonali biex jagħtuk parir u jgħinuk. Dawn l-iskedi informattivi jipprovdulek sensiela ta’ informazzjoni dwar x’tista’ tistenna f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Ovvjament, jekk sfajt vittma ta’ delitt, trid taħseb dwar jekk tridx tirrappurtah. Jista’ jkun li ma tkunx daqshekk ħerqan li tirrappurtah, jew tkun imħasseb dwaru, imma jekk ma tagħmilx rapport ikun hemm inqas probabilità li ssir investigazzjoni kriminali u probabbilment il-persuna li tkun wettqet id-delitt ma tinġiebx quddiem il-ġustizzja. Li tirrapporta delitt jista' jkun importanti wkoll għal raġunijiet prattiċi tiegħek stess, bħal pretensjoni tal-assigurazzjoni.

Sew jekk tirrapporta d-delitt u sew jekk le, jista’ jkollok aċess għal xi drittijiet. Madankollu, mill-mument li tirrapporta d-delitt tista’ tibbenefika minn medda ta’ drittijiet u minn appoġġ addizzjonali li li kieku ma kinux se jkunu disponibbli għalik. Dan jgħin biex ikun żgurat li int tkun tista' tipparteċipa bis-sħiħ fil-proċeduri u li tifhem dak li jkun qed jiġri. Għandhom l-għan ukoll li jagħmlulek il-proċess kemm jista’ jkun faċli.

Meta tirrapporta delitt lill-pulizija, jew mill-iktar fis possibbli wara r-rapport, int għandek l-għażla li tivverfika bir-reqqa xi rwol(i) speċifiku/speċifiċi jista' jkollok fil-proċeduri - bħala vittma, bħala xhud, bħala rikorrent ċivili, bħala parte ċivili, bħala prosekutur privat, eċċ. Dawn ir-rwoli jvarjaw minn pajjiż għal ieħor u uħud minnhom għandhom drittijiet marbuta magħhom li jistgħu jkunu importanti iktar ‘il quddiem fil-proċess, pereżempju f’dak li jirrigwarda l-possibilità li bħala vittma tappella l-eżitu tal-proċess quddiem il-qorti kriminali. Ħu nota tar-rwoli u tal-iskadenzi waqt li taqra dawn l-iskedi informattivi. Ivverifika mal-pulizija dwar liema huma r-rwoli li jeżistu u l-iskadenzi – jekk ikun hemm – li jeħtieġ li tirrispetta biex tikseb l-istatus rispettiv. Tista’ titlob lill-awtoritajiet għal xi kjarifiki sabiex tkun tista' tiddeċiedi dwar kif tista’ tipproteġi d-drittijiet u l-interessi legali tiegħek bl-aħjar mod.

Meta tirrapporta delitt, l-awtoritajiet jaħdmu biex issir ġustizzja miegħek u mal-oħrajn. Bħala parti mill-proċess, jista’ jkun li l-awtoritajiet jitolbu koperazzjoni attiva min-naħa tiegħek sa ma jintemmu l-proċeduri kriminali u forsi, wara li jintemmu jekk ikun hemm prosekuzzjoni. Għandek rwol importanti f’dawn il-proċeduri u l-assistenza tiegħek tkun apprezzata ħafna.

Il-pulizija jibdew l-investigazzjoni tagħhom biex jiġbru biżżejjed provi biex iħarrku l-persuna li tkun wettqet id-delitt. Jekk il-persuna titressaq il-qorti u tinstab ħatja l-imħallef jiddetermina wkoll il-penali xierqa għall-awtur tal-ksur.

Bħala vittma int għandek għadd ta’ drittijiet iggarantiti mil-liġi, fil-proċeduri kriminali u barra mill-proċeduri kriminali. Barra minn hekk, xi drittijiet tiegħek jistgħu jiġu estiżi għall-membri tal-familja tiegħek u għal qrabatek. L-Unjoni Ewropea ħadet passi biex tiggarantixxi sett ta' drittijiet minimi u ċerti standards li l-Istati Membri għandhom jallinjaw il-liġijiet tagħhom magħhom.

L-iskedi informattivi li ġejjin għandhom jiggwidawk fl-iktar passi importanti tal-proċeduri kriminali f’kull Stat Membru, billi jispjegaw id-drittijiet li għandek u r-regoli bażiċi li jeħtieġ li ssegwi biex tkun tista’ teżerċithom. Din l-informazzjoni m'għandhiex tissostitwixxi parir legali u hija maħsuba biex isservi ta' gwida biss.

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Kwalunkwe referenza f'dawn il-fuljetti ta' informazzjoni għal persuna ta' sess maskil għandha titqies ukoll bħala referenza għal persuna ta' sess femminil, u viċe versa, sakemm il-kuntest ma jindikax b'mod ċar xort'oħra.
L-aħħar aġġornament: 08/10/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.