Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

Belġju

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Il-Qrati

Medjaturi istituzzjonali/ombudsmen

Korpi speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem

Pajjiżi oħra

Il-Qrati

Kull tip ta' tilwim dwar l-eżerċizzju u t-tgawdija tad-drittijiet, inklużi d-drittijiet fundamentali jista' jitressaq quddiem il-qrati u t-tribunali Belġjani. Skont il-każ, il-proċedimenti fil-qrati u t-tribunali jistgħu jinbdew minn individwi jew mill-awtoritajiet pubbliċi.

Liem ikun it-tribunal kompetenti jiddependi min-natura u l-gravità tal-infrazzjoni, jew mill-istatus tal-partijiet (negozjant, ġurnalist, eċċ).

Il-Qorti Kostituzzjonali hija l-ġuriżdizzjoni li tivverifika li l-liġijiet, digrieti u ordinanzi huma konformi mad-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Kostituzzjoni:

  • It-titolu II "Fuq il-Belġjani u drittijiethom" (l-Artikoli 8 sa 32);
  • L-Artikoli 170 u 172 (legalità u ekwità fit-taxxi);
  • L-Artikolu 191 (ħarsien tal-barranin)

Tagħrif dwar l-organizzazzjoni tal-qrati u t-tribunali u l-kompetenzi tagħhom jinsab fuq il-paġni ta' dan il-portal li jittrattaw:

Ħoloq relatati

Medjaturi istituzzjonali

Il-medjaturi istituzzjonali, magħrufa wkoll bħala ombudsmen, huma organi ta' kontroll indipendenti stabbiliti mill-assemblej parlamentari (federali jew reġjonali) biex jeżaminaw l-ilmenti taċ-ċittadini rigward atti tal-awtoritajiet amministrattivi jew dwar kif dawn joperaw. Fil-qafas ta' din il-kompetenza ġenerali, huma jistgħu jirċievu lmenti li jolqtu direttament jew indirettament id-drittijiet tal-bniedem. Il-medjaturi jivverifikaw li l-amministrazzjoni tkun aġixxiet skont l-istrumenti ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u n-normi ta' mġiba amministrattiva tajba.

Dan ir-rwol ta' medjatur ma għandux jitħawwad mal-medjazzjoni privata li ssir fil-qafas ta' proċedura ġudizzjarja ċivili jew penali.

Il-medjaturi/ombudsmen jistgħu jiġu kkuntattjati minn kull min ikollu lment kontra awtorità amministrattiva. L-involviment tagħhom huwa bla ħlas. Huma jkollhom setgħat investigattivi estensivi.

Il-medjaturi/ombudsmen jipprovaw isolvu l-ilment mal-amministrazzjoni u jindirizzaw rakkomandazzjonijiet lill-awtorità kompetenti biex tirranġa l-problemi misjuba. Ir-rapport tagħhom isir pubbliku.

Liema medjaturi/ombudsmen ikunu kompetenti jiddependi mill-funzjoni tal-awtorità amministrattiva kkonċernata.

Fil-livell federali, iċ-ċittadin jista' jikkuntattja lill-Medjatur federali.

Fil-livell tar-Reġjuni u tal-Komunitajiet, iċ-ċittadin jista' jikkuntattja lis-servizzi li ġejjin:

Hemm ukoll ombudsmen speċjalizzati għat-tfal:

Korpi speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem

  • Korpi għall-ugwaljanza

Iċ-ċentru għall-opportunitajiet indaqs u għall-ġlieda kontra r-razziżmu

L-għanijiet taċ-Ċentru għall-opportunitajiet indaqs u għall-ġlieda kontra r-razziżmu jinkludu l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs u l-ġlieda kontra kull forma ta' distinzjoni, ta' esklużjoni, ta' restrizzjoni jew ta' preferenza bbażata fuq n-nazzjonalità, l-hekk imsejħa razza, lewn il-ġilda, id-dixxendenza, l-oriġini nazzjonali jew etnika, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, it-twelid, il-ġid, l-età, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, l-istat tas-saħħa attwali jew futur, id-diżabilità, it-twemmin politiku, il-karatteristiċi fiżiċi jew ġenetiċi jew l-oriġini soċjali.

Iċ-ċentru jista' jiġi kkuntattjat minn:

  • kull min ikollu mistoqsijiet jew ikun jixtieq jikseb parir dwar diskriminazzjoni, razziżmu, residenza jew id-drittijiet fundamentali tal-barranin
  • kull min kien vittma jew xhud ta' diskriminazzjoni jew att ta' razziżmu.

Is-servizz tal-ewwel linja taċ-Ċentru jagħti l-ewwel tweġiba u jekk ikun hemm bżonn jiġbor informazzjoni supplimentari biex il-fajl ikompli jiġi ttrattat.

Jekk ikun hemm bżonn ta' analiżi jew inkjesta iktar fil-fond jew jekk iridu jiġu kkuntattjati partijiet terzi, biex tiġi ttrattata talba, il-fajl jingħadda lil speċjalista tas-servizz fit-tieni linja taċ-Ċentru.

Jekk wara analiżi, iċ-Ċentru ma jkunx kompetenti, huwa jinforma liċ-ċittadin u jiggwidah kemm jista' jkun lejn servizz ieħor jew persuna oħra li tkun tista' tittratta t-talba tiegħu (amministrazzjoni, servizz privat jew pubbliku speċjalizzat fl-għajnuna fl-ewwel jew it-tieni linja, is-servizzi tal-pulizija, avukat).

Iċ-Ċentru jista' jiġi kkuntattjat direttament. Is-sit web taċ-Ċentru fih ukoll għadd ta' indirizzi ta’ assoċjazzjonijiet jew ta' istituzzjonijiet speċjalizzati jew li jaġixxu f'livell lokali - li ċ-Ċentru jkun ikkonkluda protokoll ta' kollaborazzjoni magħhom - li jistgħu wkoll jiġu kkuntattjati dwar kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni.

Centre pour l’égalité des chances et la lutte contre le racisme
138 rue Royale
1000 Bruxelles.
Tel: (+32) 800.12.800 – (numru b'xejn għal kull informazzjoni)
(+32) 2. 212 30 00

Ħolqa relatata:

Iċ-Ċentru għall-Opportunitajiet Indaqs u għall-Ġlieda kontra r-Razziżmu

L-Istitut għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

L-Istitut għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (IEFH) huwa istituzzjoni pubblika awtonoma inkarigata mill-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u mill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni sesswali.

L-Istitut jista' jipprovdi għajnuna legali u jibda proċedimenti legali f'kawżi li jinvolvu diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa jew diskriminazzjoni kontra nies transsesswali.

L-istitut jista' jiġi kkuntattjat permezz ta' formola online jew permezz tal-indirizz li ġej:

Institut pour l'égalité des femmes et des hommes
1 Rue Ernest Blerot
1070 Bruxelles
Telefown: (+32) 800.12.800 (numru b'xejn għal kull informazzjoni)
(+32)2.233.42.65
Faks: (+32)2.233.40.32
Posta elettronika: egalite.hommesfemmes@iefh.belgique.be

Ħolqa relatata

L-Istitut għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel

  • Il-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-ħajja privata (CPVP)

Il-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-ħajja privata hija Kummissjoni indipendenti stabbilita mill-Kamra tar-Rappreżentanti. Hija nħolqot wara l-adozzjoni tal-liġi dwar il-ħajja privata tat-08/12/1992. Għalhekk hija mhix fil-kompetenza tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Is-CPVP hija korp ta' sorveljanza indipendenti responsabbli mill-ħarsien tal-ħajja privata waqt l-ipproċessar ta' dejta personali.

Il-kompiti varji tal-Kummissjoni tal-ħajja privata jinqasmu f'ħames oqsma ta' attività: assistenza, tagħrif, trattament tal-ilmenti, opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet u, fl-aħħar nett, infurzar.

- Assistenza: Dan il-qasam ta' attività huwa marbut mill-qrib mal-kompitu ta' tagħrif. Is-CPVP toffri l-assistenza tagħha lil kulħadd: l-awtoritajiet, is-settur privat, iċ-ċittadini, il-kontrolluri tad-dejta (kemm persuni fiżiċi u kemm persuni ġuridiċi).

F'dan il-qasam, il-kompiti tas-CPCP jinkludu: l-għoti ta' tagħrif lil kwalunkwe persuna li titlob għalih, irrispettivament minn jekk tkunx suġġett tad-dejta jew kontrollur tad-dejta; l-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess u ta' rettifika, it-trattament tan-notifiki; l-aġġornament tar-reġistru pubbliku; l-għoti ta' tagħrif bħala parti mit-trattament tal-ilmenti; l-għoti ta' tagħrif mitlub minn individwi jew minn kontrolluri tad-dejta; l-għoti ta' rapport annwali lill-Parlament.

Il-Kummissjoni tal-ħajja privata tgħin kemm lill-korpi pubbliċi u kemm lill-kontrolluri billi torganizza konsultazzjonijiet informali preliminari, meta tintalab, biex tiżgura li r-rekwiżiti tal-privatezza jiġu kkunsidrati waqt l-iżvilupp ta' proġetti. Il-Kummissjoni tal-ħajja privata tgħin ukoll lis-suġġetti tad-dejta jeżerċitaw drittijiethom, partikolarment billi tinformahom bi drittijiethom u bil-proċedura li jridu jsegwu. Fil-kuntest tal-iskambju internazzjonali tad-dejta, il-Kummissjoni tal-ħajja privata tipprovdi assistenza lil organizzazzjonijiet involuti f'attivitajiet transfruntiera. Bħal fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni tal-ħajja privata tassisti lis-suġġetti tad-dejta affettwati minn flussi ta' dejta transfruntiera.

- Tagħrif: Il-Kummissjoni tal-ħajja privata tipprovdi tagħrif kemm lill-awtoritajiet u kemm lis-suġġetti tad-dejta u l-kontrolluri.

Dan il-qasam ta’ attività jinkludi: ir-rapport annwali indirizzat lill-Parlament u il-produzzjoni ta' pjan ta’ ġestjoni, l-abbozzar tar-Regolament intern tagħha, iż-żamma ta' reġistru pubbliku u b'mod aktar ġenerali, kompitu ta' informazzjoni lill-pubbliku (sit web, konferenzi, tweġibiet orjentati lejn il-klijenti, sensibilizzazzjoni, ...). Ta' min jinnota wkoll li, f'dawn l-oqsma diversi ta' attività, il-Kummissjoni mhux neċessarjament limitata għat-territorju nazzjonali. Spiss l-azzjonijiet tagħha jkollhom dimensjoni internazzjonali u l-Kummissjoni tal-ħajja privata għandha rwol ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni importanti fix-xena internazzjonali.

- Trattament tal-ilmenti: Il-Kummissjoni tal-ħajja privata tintervjeni bħala medjatur meta jkun hemm ilment minn suġġett tad-dejta.

Jekk il-kontrolluri ma jirrispettawx id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta, il-Kummissjoni taġixxi wara li tintalab mis-suġġett tad-dejta biex id-drittijiet tiegħu jiġu rispettati (id-dritt ta' oppożizzjoni, id-dritt ta' rettifika, id-dritt ta' aċċess indirett, ...). Għal dan l-għan, is-CPVP tuża l-mezzi kollha li tista' (dikjarazzjoni lill-avukat ġenerali, azzjoni quddiem il-Qorti Ċivili, ...). Fil-każ ta' reati internazzjonali relatati mal-protezzjoni tad-dejta, il-Kummissjoni tal-ħajja privata tikkoopera mal-investigazzjonijiet internazzjonali li jitolbu l-involviment tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta kollha biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi.

- Opinjonijiet: Il-Kummissjoni tal-ħajja privata tagħti opinjonijiet dwar ir-regolamenti u l-istandards.

L-attivitajiet tas-CPVP f'dan il-qasam jinvolvu l-iktar lill-awtoritajiet u lil korpi responsabbli oħrajn: hija tifformula opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar il-proġetti leġiżlattivi li jkunu jolqtu aspetti tal-"ħajja privata". Permezz tal-involviment tagħha fi gruppi ta' ħidma nazzjonali u internazzjonali (eż. il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29, il-Grupp ta' Berlin, il-Konferenza tal-Kummissarji u ta' korpi ta' kontroll oħrajn dwar il-ħajja privata, ...) u permezz tal-kuntatti tagħha ma' organizzazzjonijiet simili barra mill-pajjiż, il-Kummissjoni tal-ħajja privata tieħu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħajja privata.

- Infurzar: Il-Kummissjoni tal-ħajja privata tiżgura li l-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta personali jiġu rispettati.

Il-Kummissjoni tal-ħajja privata hija responsabbli mill-awtorizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet minn kwalunkwe settur partikolari, bħala kontrolluri, biex jirċievu, jipproċessaw u jikkomunikaw dejta personali. Is-CPCP tissorvelja u tispezzjona wkoll lil dawn il-kontrolluri, tagħti rakkomandazzjonijiet, u tivvaluta l-miżuri ta' sigurtà li jkunu adottaw.

Kull talba għal informazzjoni jew assistenza u kull ilment jista' jsir direttament lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-ħajja privata bil-posta, bit-telefown jew bil-posta elettronika. Id-dettalji ta' kuntatt huma:

Commission de la protection de la vie privée

Rue de la presse, 35
1000 Bruxelles
Tel (+32) 2 274 48 00
Faks (+32) 2 274 48 35
commission@privacycommission.be

L-uffiċċji tal-Kummissjoni tal-ħajja privata huma aċċessibbli fil-jiem kollha tax-xogħol, b'appuntament. Għal għajnuna tal-ewwel linja, ċempel +32 (0)2 274 48 79 jew imla l-Formola ta' kuntatt onlajn.

Ħolqa relatata

Il-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-ħajja privata

  • Korpi oħrajn għall-ugwaljanza

Il-kummissjonijiet għas-sorveljanza tal-istabbilimenti penitenzjarji

Il-kummissjonijiet għas-sorveljanza tal-istabbilimenti penitenzjarji jiżguraw kontroll estern fuq it-trattament tal-ħabsin. Il-kummissjonijiet jgħaddu l-ilmenti tal-ħabsin lill-amministrazzjoni tal-ħabs jew lill-Ministru tal-Ġustizzja biex titranġa l-problema lmentata.

F'kull ħabs hemm kummissjoni ta' sorveljanza. Dawn il-kummissjonijiet huma komposti minn ċittadini li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili. Kull waħda minnhom ikollha bħala membri tal-inqas tabib u avukat u tkun preseduta minn maġistrat. Barra minn hekk, il-Kunsill Ċentrali ta' Sorveljanza jiżgura l-koordinament tal-kummissjonijiet lokali, fejn ir-rwol huwa li jikkoordina l-azzjoni tal-kummissjonijiet lokali u li jagħti pariri, wara li jiġi mistoqsi jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, lill-Ministru tal-Ġustizzja dwar it-trattament tal-ħabsin.

Ħoloq relatati

Il-Kummissjoni tal-ilmenti (responsabbli għall-barranin miżmuma f'ċentri ta' detenzjoni magħluqin, ċentri ta' akkomodazzjoni u ċ-ċentri INAD).

Il-Kummissjoni tal-ilmenti għandha l-kompetenza li tittratta lmenti individwali mressqa minn barranin miżmuma f'ċentri ta' detenzjoni magħluqa, iċ-ċentri ta' akkomodazzjoni u ċentri INAD dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u, b'mod partikolari, ċirkostanzi li jinqalgħu ġo dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni u akkomodazzjoni u li jikkonċernaw id-drittijiet u d-dmirijiet stipulati fid-Digriet Irjali tat-2 ta' Awwissu 2002 (ċentri ta' detenzjoni magħluqa), id-Digriet Irjali tat-8 ta' Ġunju 2009 (ċentri INAD) u d-digriet Irjali tal-14 ta' Mejju 2009 (ċentri ta' akkomodazzjoni).

L-individwi miżmuma f'dawn iċ-ċentri jistgħu jkunu immigranti illegali, nies li ġew miċħuda ażil jew barranin li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta' dħul jew ta' residenza.

Jekk l-ilmentatur ma jkunx jaqbel mad-deċiżjoni meħuda, jista' jappella quddiem il-Kunsill tal-Istat.

Il-Kummissjoni tista' tiġi kkuntattjata fl-indirizz li ġej:

Secrétariat permanent de la Commission des plaintes
Service Public Fédéral Intérieur –
Rue de Louvain, 1
1000 Bruxelles

Ħolqa relatata

Is-Servizz Pubbliku Federali tal-Intern

Il-Kumitat permanenti ta' kontroll tas-servizzi tal-pulizija

Il-Kumitat permanenti ta' kontroll tas-servizzi tal-pulizija (Kumitat P) huwa l-organu ta' kontroll estern fuq il-pulizija. Huwa jirrapporta lill-parlament. Il-kontroll tal-Kumitat P jiffoka l-iktar fuq il-protezzjoni tad-drittijiet li l-Kostituzzjoni u l-liġi jikkonferixxu lil individwi kif ukoll fuq il-koordinament u l-effikaċja tas-servizzi tal-pulizija.

Kull ċittadin affettwat minn intervent tal-pulizija jista' jressaq ilment, jirraporta fatt jew jittrażmetti kull informazzjoni oħra lill-Kumitat P.

Kull membru tal-pulizija jista' bl-istess mod iressaq ilment jew jirraporta fatt lill-Kumitat P mingħajr ma jkollu għalfejn l-ewwel jitlob il-permess tas-superjuri ġerarkiċi tiegħu u mingħajr ma jkun jista' jiġi sanzjonat ta' dan.

L-ilmenti jistgħu jsiru permezz ta' formola elettronika li tinsab onlajn.

Il-Kumitat P jista' jiġi kkuntattjat fl-indirizz li ġej:

Comité permanent de contrôle des services de police

Rue de la Presse 35/1
1000 Bruxelles
Tel: (+32) 2.286.28.11
Faks: (+32) 2.286.28.99
Posta elettronika: info@comitep.be

Ħolqa relatata

Il-Kumitat permanenti ta' kontroll tas-servizzi tal-pulizija

Pajjiżi oħra

Servizzi ta' pariri liċ-ċittadini fl-ewwel linja

Is-servizzi ta' pariri liċ-ċittadini fl-ewwel linja jikkonsistu fl-għoti ta' informazzjoni liċ-ċittadini b'mistoqsijiet dwar is-sistema ġudizzjarja jew diffikultajiet magħha f'oqsma speċifiċi ħafna.

  • Fil-qasam ċivili: separazzjoni, divorzju, tagħrif ġenerali li jikkonċerna l-awtorità tal-ġenituri, ir-residenza prinċipali, sekondarja jew alternattiva tat-tfal, id-dritt ta' aċċess għat-tfal.
  • Fil-qasam kriminali: il-medjazzjoni f'kawżi kriminali, l-alternattiva għad-detenzjoni preventiva, il-probation, is-servizz komunitarju, il-libertà kondizzjonata, ir-rilaxx provviżorju għall-ħarsien pubbliku, ir-riabilitazzjoni, il-maħfra, is-sorveljanza elettronika, il-liv penitenzjarju, is-sentenza sospiża, id-detenzjoni limitata, ir-rilaxx provviżorju bil-ħsieb ta' tkeċċija mit-territorju jew estradizzjoni, ir-rilaxx provviżorju għal raġunijiet mediċi, is-sostituzzjoni ta' piena ta' ħabs mogħtija mill-imħallef f'piena ta' servizz komunitarju.
  • Tagħrif għall-vittmi tal-kriminalità: drittijiet tal-partijiet ċivili/partijiet milquta.
  • Tagħrif ġenerali li jikkonċerna l-proċeduri quddiem it-tribunali ċivili u penali.

Il-lista tal-indirizzi taċ-ċentri ta' ġustizzja u d-dati ta' kuntatt tagħhom jinsabu fil-lista' ta' indirizzi tas-Servizz pubbliku federali tal-Gustizzja

Ħolqa relatata:

Il-Pubblikazzjoni tas-Servizz pubbliku federali tal-Ġustizzja dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-Belġju

Għajnuna legali fl-ewwel u t-tieni linja u l-għajnuna ġudizzjarja

L-għajnuna legali fl-ewwel linja tikkonsisti fl-għoti ta' informazzjoni prattika jew ġuridika jew ta' parir legali, wara konsultazzjoni qasira. L-għajnuna legali fl-ewwel linja tingħata minn professjonisti tal-liġi, normalment avukati.

L-għajnuna legali fit-tieni linja tippermetti, skont ċerti kundizzjonijiet, li jitqabbad avukat mingħajr l-ebda ħlas jew b'eżenzjoni ta' parti mill-ħlasijiet. Madankollu dan ma jikkonċernax il-ħlasijiet proċedurali (marixxalli, esperti, kopji, eċċ) li jridu jsiru xorta sakemm ma tidħolx għalihom l-għajnuna ġudizzjarja.

L-għajnuna ġudizzjarja tidħol għall-ħlasijiet, kollha jew parti minnhom, tal-proċedura (kemm dik ġudizzjarja kif ukoll dik ekstraġudizzjarja) jekk iċ-ċittadin li jkun ġarrabhom ma jkollux dħul biżżejjed biex iħallashom hu.

Iktar informazzjoni tinsab fil-paġna tal-portal e-justice rigward l-ispejjeż tal-proċeduri fil-Belġju.

Ħolqa relatata:

Il-Kummissjoni għall-għajnuna finanzjarja għall-vittmi ta' atti intenzjonali ta' vjolenza u ta' nies li salvawhom

Il-liġi tipprevedi l-possibilità ta' intervent finanzjarju tal-Istat favur vittmi ta' atti intenzjonali ta' vjolenza u ta' nies li salvawhom, u f'ċerti każijiet, favur il-qraba tagħhom.

Il-Kummissjoni tista' tiġi kkuntattjata direttament imma huwa possibbli wkoll li jissejjaħ avukat jew uffiċjal ta' servizzi ta' għajnuna soċjali ta' "għajnuna għall-vittmi" li lista tagħhom tinsab fis-sit Servizz pubbliku federali tal-Ġustizzja (ara l-Indiċi, Ġustizzja mill-A saż-Ż, għajnuna finanzjarja għall-vittmi) biex tressaq talba quddiem il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista' tiġi kkuntattjata fl-indirizz li ġej:

Service public fédéral de la Justice
Commission pour l’aide financière aux victimes d’actes intentionnels de violence et aux sauveteurs occasionnels
Boulevard de Waterloo 115,
Tel.: (+32)2.542.72.07
(+32)2.542.72.08
commission.victimes@just.fgov.be

Iktar tagħrif jinsab fil-paġna ddedikata ghad-drittijiet tal-vittmi tal-portal e-justice.

Ħolqa relatata

Is-Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja

L-aħħar aġġornament: 18/12/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.