Il-Qrati Nazzjonali
Il-qrati stabbiliti mil-liġi għandhom rwol speċjali fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. L-awtonomija u l-indipendenza tagħhom huma garantiti mill-Kostituzzjoni. Hemm mekkaniżmu speċjali biex jiggarantixxi l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet kostituzzjonali: ilment kostituzzjonali, li jista’ jiġi ppreżentat minn ċittadini li jqisu li l-awtoritajiet nazzjonali, l-entitajiet lokali u reġjonali ta’ awtogovernanza u entitajiet tad-dritt pubbliku li jiddeċiedu dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, jew fir-rigward ta’ suspett jew akkuża ta’ reat kriminali, kisru d-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali tagħhom, kif iggarantiti mill-Kostituzzjoni. Ilment jista’ jiġi ppreżentat biss wara li r-rimedji disponibbli l-oħrajn kollha jkunu ġew eżawriti.
Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja (Ustavni sud Republike Hrvatske)
Trg svetog Marka 4
10000 Zagreb
Tel.: +385 1 6400 251
Faks: +385 1 4551 055
https://www.usud.hr/
Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja (Vrhovni sud Republike Hrvatske)
Trg Nikole Šubića Zrinskog 3
10 000 Zagreb
Tel.: +385 1 486 22 22, +385 1 481 00 36
Faks: +385 1 481 00 35
Email: vsrh@vsrh.hr
http://www.vsrh.hr/
Il-Qrati tal-kontej (Županijski sudovi)
Il-Qrati muniċipali (Općinski sudovi)
Il-Qorti Kummerċjali Superjuri tar-Repubblika tal-Kroazja (Visoki trgovački sud Republike Hrvatske)
Berislavićeva 11, 10 000 Zagreb
Tel.: +385 1 489 68 88
Faks: +385 1 487 23 29
http://www.vtsrh.hr/
Il-Qrati kummerċjali (Trgovački sudovi) fir-Repubblika tal-Kroazja (192 Kb)
Qorti Amministrattiva Superjuri tar-Repubblika tal-Kroazja (Visoki upravni sud Republike Hrvatske)
Frankopanska 16, 10 000, Zagreb
Tel.: +385 1 480 78 00
Faks: +385 1 480 79 28
http://www.upravnisudrh.hr/
Qrati amministrattivi (Upravni sudovi)
Qorti Superjuri għal Reati Minuri tar-Repubblika tal-Kroazja (Visoki prekršajni sud Republike Hrvatske)
Ulica Augusta Šenoe 30, 10 000 Zagreb
Tel.: +385 1 480 75 10
Faks: +385 1 461 12 91
Email: predsjednik@vpsrh.pravosudje.hr
https://sudovi.hr/VPSRH/
Ombudsman (Pučki pravobranitelj)
Trg hrvatskih velikana 6
10 000 Zagreb
il-Kroazja
Tel.: +385 1 4851 855, +385 1 4851 853
Email: info@ombudsman.hr
Faks: +385 1 6431 628
Skont l-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni Kroata, l-Ombudsman huwa r-rappreżentant tal-Parlament Kroat għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif inhuma definiti mill-Kostituzzjoni, il-liġijiet u l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet iffirmati mir-Repubblika tal-Kroazja.
L-ombudsman u d-deputati tiegħu/tagħha huma eletti mill-Parlament Kroat għal perjodu ta’ tmien snin. L-ombudsman jipproteġi liċ-ċittadini minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw minn azzjonijiet tal-korpi statali jew entitajiet legali vestiti mill-awtorità pubblika. L-uffiċċju tal-ombudsman huwa l-entità ċentrali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u li twettaq il-kompiti tal-Mekkaniżmu Nazzjonali Preventiv kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti. Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, l-Ombudsman huwa indipendenti u awtonomu.
Kompetenzi:
Ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem
Iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jagħmlu ilment lill-Ombudsman meta jqisu li d-drittijiet tagħhom ikunu ġew miksura mill-awtoritajiet pubbliċi. L-Ombudsman iwettaq investigazzjoni b’reazzjoni għal ilment u bbażat fuq dokumenti rċevuti. L-entitajiet statali kollha, l-entitajiet li jkollhom setgħat ta' awtorità pubblika, u l-entitajiet lokali u reġjonali ta’ awtogovernanza — jiġifieri l-entitajiet ġuridiċi pubbliċi kollha — huma obbligati jipprovdu l-informazzjoni kollha mitluba.
Abbażi tal-fatti stabbiliti, l-Ombudsman jista’ jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u notifiki lill-awtoritajiet jew entitajiet superjuri rilevanti u, jekk meħtieġ, jinnotifika lill-Parlament Kroat.
Barra minn hekk, l-Ombudsman għandu jivverifika l-konformità tar-regolamenti mal-Kostituzzjoni Kroata u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jista’ jistieden lill-Gvern Kroat biex jemenda jew jadotta regolamenti relatati mad-drittijiet tal-bniedem. L-ombudsman jista’ wkoll jitlob lill-Parlament Kroat biex jarmonizza r-regolamenti mal-Kostituzzjoni u l-liġi u għandu d-dritt li jibda proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Kroata sabiex jeżamina l-konformità tal-liġijiet u regolamenti oħra mal-Kostituzzjoni Kroata.
Promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
Il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tinkludi riċerka u analiżi, żvilupp u manutenzjoni ta’ bażijiet ta’ data u dokumentazzjoni, informazzjoni lill-pubbliku u lill-partijiet interessati b’mod tempestiv u regolari, il-ftuħ u l-kooperazzjoni attiva mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet tar-riċerka akkademika, u inizjattivi biex il-leġiżlazzjoni tiġi allinjata mal-istandards internazzjonali u Ewropej u biex tiġi applikata dik il-leġiżlazzjoni.
Entità ċentrali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
L-Ombudsman jaċċetta l-ilmenti minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom kif ukoll il-possibbiltajiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja u protezzjoni oħra, jeżamina talbiet individwali u jieħu azzjonijiet fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu biex jelimina d-diskriminazzjoni u jipproteġi d-drittijiet ta’ persuni diskriminati (ħlief fil-każ ta’ kawżi pendenti), iwettaq proċeduri ta’ medjazzjoni bil-possibbiltà ta’ ftehim bonarju bil-kunsens taż-żewġ partijiet, u jippreżenta rapporti kriminali relatati mad-diskriminazzjoni lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Istat kompetenti.
Mekkaniżmu ta’ prevenzjoni nazzjonali
L-Ombudsman iwettaq kompiti li jaqgħu taħt il-Mekkaniżmu ta’ Prevenzjoni Nazzjonali għall-prevenzjoni tat-tortura u trattament jew kastig ieħor krudili, inuman jew degradanti kull fejn persuni jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom jew jinżammu f’kustodja, detenzjoni jew jiġu akkomodati f’bini taħt is-sorveljanza pubblika fejn ma jkunux jistgħu jħallu dan il-bini meta jridu huma.
Dan ifisser li rappreżentanti tal-Uffiċċju tal-Ombudsman li jaġixxu f’din il-kapaċità jżuru l-ħabsijiet, l-unitajiet ta’ detenzjoni, u diversi istituzzjonijiet li jakkomodaw persuni b’disturbi mentali, bħala miżura preventiva biex jiġu protetti l-persuni li huma mċaħħda mil-libertà tagħhom jew dawk li l-libertà tagħhom ġiet ristretta.
Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRI - National Human Rights Institution)
Mill-2009, l-Ombudsman kien l-uniku istituzzjoni nazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (NHRI) fir-Repubblika tal-Kroazja bi status ‘A’ skont il-Prinċipji ta’ Pariġi tan-NU li jiddefinixxu l-parametri ta’ indipendenza tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.
Dan huwa l-ogħla livell ta’ indipendenza istituzzjonali, u reġa’ ingħata lill-Uffiċċju tal-Ombudsman f’Lulju 2013, wara li n-NU immonitorjaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom relatati maż-żamma u l-promozzjoni ta’ status indipendenti.
Korpi Speċjalizzati fid-Drittijiet tal-Bniedem
L-Ombudsman għat-tfal (Pravobranitelj za djecu)
Teslina 10
10 000 Zagreb
il-Kroazja
Email: info@dijete.hr
Tel.: 01/4929 669
Faks: 01/4921 277
http://www.dijete.hr
Attivitajiet
L-Ombudsman għat-tfal jimmonitorja l-konformità ta’ liġijiet u regolamenti oħra fir-Repubblika tal-Kroazja relatati mal-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tat-tfal mal-Kostituzzjoni Kroata, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dokumenti internazzjonali oħra relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tat-tfal. L-uffiċċju jimmonitorja d-drittijiet tat-tfal individwali u jistudja l-okkorrenza ġenerali u t-tipi ta’ ksur tad-drittijiet u l-interessi tat-tfal. Huwa jippromovi l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-interessi tat-tfal bi bżonnijiet speċjali. Jipproponi miżuri biex tinbena sistema komprensiva għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u biex jiġu preklużi atti li jagħmlu ħsara li jkunu ta’ preġudizzju għall-interessi tagħhom. Jinforma u jagħti pariri lit-tfal dwar il-mod kif jeżerċitaw u jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tagħhom, jikkoperaw mat-tfal, iħeġġiġhom jesprimu l-opinjoni tagħhom, jisma’ l-opinjoni tagħhom, jibda u jipparteċipa f'attivitajiet pubbliċi mmirati biex itejbu l-istatus tat-tfal u jipproponi miżuri biex jiżdied ir-rwol tagħhom fis-soċjetà. Huwa għandu aċċess għal, u d-dritt li jikkonsulta, kwalunkwe data, informazzjoni u dokument li jirrigwarda d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal irrispettivament mill-grad ta’ kunfidenzjalità. Huwa awtorizzat jispezzjona kwalunkwe istituzzjoni, entità pubblika, persuna ġuridika u fiżika b’mandat statutorju biex tieħu ħsieb it-tfal, kif ukoll lill-komunitajiet reliġjużi fejn it-tfal joqogħdu jew jingħataw akkomodazzjoni b’mod temporanju jew permanenti.
Jekk isib li minorenni jkun ġie espost għal vjolenza fiżika jew mentali, fastidju sesswali, abbuż jew sfruttament, negliġenza jew trattament negliġenti, irid minnufih jibgħat rapport lill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat kompetenti u jwissi liċ-ċentru tal-kura soċjali kompetenti filwaqt li jipproponi miżuri biex jitħarsu d-drittijiet u l-interessi tal-minorenni. Huwa jista’ jitlob għall-assistenza professjonali minn esperti u istituzzjonijiet professjonali li jirriċerkaw dwar il-protezzjoni, il-kura, l-iżvilupp u d-drittijiet tat-tfal, u għandu jirċievi assistenza bħal din fi żmien debitu.
L-Ombudsperson għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri (Pravobraniteljica za ravnopravnost spolova)
Preobraženska 4/1
10 000 Zagreb
Tel.: +385 1 48 48 100
Faks: +385 1 48 44 600
Email: ravnopravnost@prs.hr
http://www.prs.hr
Attivitajiet
L-Ombudsperson għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri jittratta lmenti dwar diskriminazzjoni relatata mal-ġeneru, l-istatus konjugali jew tal-familja u l-orjentazzjoni sesswali. L-uffiċċju jeżamina l-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u każijiet ta’ atti diskriminatorji kontra individwi jew gruppi ta’ individwi mwettqa minn awtoritajiet nazzjonali, unitajiet ta’ awtogovernanza lokali u reġjonali u entitajiet oħra b’awtorità pubblika, impjegati f’dawn l-entitajiet u persuni fiżiċi u ġuridiċi oħrajn.
Ix-xogħol tal-ombudsperson jinkludi li jkun awtorizzat li jinnotifika, jipproponi u jagħmel rakkomandazzjonijiet.
Jekk l-ombudsperson isib li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma tħarisx, huwa awtorizzat li jressaq talba għal reviżjoni kostituzzjonali tal-liġi jew għar-reviżjoni tal-kostituzzjonalità u l-legalità ta’ regolamenti oħra.
Ombudsman għal persuni b'diżabilità (Pravobraniteljica za osobe s invaliditetom)
Savska cesta 41/3
10 000 Zagreb
Tel.: +385 1 6102 170
Faks: +385 1 6177 901
Email: ured@posi.hr
Attivitajiet
L-Uffiċċju tal-Ombudsman għal persuni b’diżabilità hija istituzzjoni nazzjonali indipendenti li r-rwol ewlieni tagħha huwa li tissorvelja u tippromwovi d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità abbażi tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, it-trattati u l-liġijiet internazzjonali. F’każ ta’ ksur tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, l-ombudsman huwa awtorizzat biex jallertja, jipproponi miżuri, jagħmel rakkomandazzjonijiet, jinforma u jitlob rapporti dwar x’azzjonijiet ikunu ttieħdu.
Jekk l-Ombudsman isib li soluzzjoni legali tippreġudika persuni b’diżabilità jew tfal b’diffikultajiet ta’ żvilupp, iċaħħadhom b’xi mod jew tpoġġihom f’qagħda inqas favorevoli fir-rigward ta’ persuni mingħajr diżabilità, l-ombudsman għandu jagħmel proposta sabiex it-tali soluzzjoni legali tiġi emendata.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman għal persuni b'diżabilità jirċievi lmenti individwali ta’ persuni b’diżabilità u dawk li jaħdmu fl-interess tagħhom, iqis l-ilmenti dwar il-ksur tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, u, filwaqt li jżomm kuntatt mal-istituzzjonijiet responsabbli għas-soluzzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet, jipprova jikseb l-iktar soluzzjoni favorevoli. L-Ombudsman għall-persuni b’diżabilità jipprovdi konsulenza bħala assistenza għal persuni b’diżabilità fuq kif jistgħu jeżerċitaw u jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tagħhom.
Protezzjoni ta' data personali
Aġenzija dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali (Agencija za zaštitu osobnih podataka)
Martićeva 14
10 000 Zagreb
Tel.: +385 460 90 00
Faks: +385 4609-099
Email: azop@azop.hr
http://www.azop.hr
L-Aġenzija dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali hija persuna ġuridika b’awtorità pubblika li twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti u awtonomu fi ħdan l-ambitu tal-kompiti u l-kompetenzi tagħha. L-Aġenzija hija responsabbli għat-twettiq tal-kompiti professjonali u amministrattivi relatati mal-protezzjoni tad-data personali. L-Aġenzija, fl-ambitu tagħha ta’ awtorità pubblika, tissorvelja l-protezzjoni tad-data personali, tenfasizza każijiet ta’ abbuż fil-ġbir ta’ data personali, toħloq lista ta’ pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali bi protezzjoni tad-data regolata kif xieraq, tittratta t-talbiet biex teżamina l-ksur tad-drittijiet garantiti permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali, u żżomm ir-Reġistru Ċentrali b’fajls li fihom data personali.
Għajnuna legali bla ħlas
Billi adotta l-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas, il-Ministeru tal-Ġustizzja ħa f’idejh l-kompitu komprensiv u diffiċli li jistabbilixxi sistema ta’ għajnuna legali b’xejn.
Is-sistema ta’ għajnuna legali bla ħlas tippermetti liċ-ċittadini bi ftit riżorsi biex iqabbdu avukati u jiksbu għajnuna legali għal azzjonijiet legali speċifiċi u aċċess ugwali għal proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi.
Benefiċjarji tal-għajnuna legali bla ħlas
Il-benefiċjarji tal-għajnuna legali skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas jinkludu:
- Ċittadini Kroati
- Tfal li mhumiex ċittadini Kroati iżda jsibu ruħhom fil-Kroazja mhux akkumpanjati minn adult responsabbli skont il-liġi
- Barranin b'residenza temporanja soġġetta għal reċiproċità, u barranin b'residenza permanenti
- Barranin taħt protezzjoni temporanja
- Barranin residenti illegalment u barranin fuq soġġorn qasir, fil-proċeduri li jiddeċiedu dwar tkeċċija jew ritorn
- Dawk li jfittxu l-ażil, persuni bi status ta’ ażil u barranin bi status ta’ protezzjoni sussidjarja u l-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu legalment fil-Kroazja, fil-proċedimenti li fihom l-assistenza legali ma tkunx ipprovduta lilhom skont liġi speċjali
Fornituri ta’ għajnuna legali bla ħlas
Dawn il-fornituri ta’ għajnuna legali bla ħlas li ġejjin huma inklużi fl-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas:
- Avukati
- Assoċjazzjonijiet approvati
- Kliniki legali
- Uffiċċji tal-amministrazzjoni tal-istat fil-kontej
Tipi ta’ għajnuna legali bla ħlas
It-tipi ta’ għajnuna legali bla ħlas huma l-għajnuna legali primarja u l-għajnuna legali sekondarja.
Għajnuna legali primarja
Il-forom ta’ għajnuna legali primarja huma:
- Informazzjoni legali ġenerali
- Konsulenza legali
- L-abbozzar ta’ sottomissjonijiet lill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u lil organizzazzjonijiet internazzjonali skont ftehimiet internazzjonali u r-regoli tal-operat ta’ dawn il-korpi
- Rappreżentanza fi proċedimenti quddiem korpi rregolati mid-dritt pubbliku
- Assistenza legali f’soluzzjoni bonarja ta’ tilwima
L-għajnuna legali primarja hija pprovduta minn uffiċċji tal-amministrazzjoni pubblika fil-kontej, assoċjazzjonijiet approvati u kliniki legali.
Fl-għoti tal-għajnuna legali primarji, l-uffiċċji huma awtorizzati li jipprovdu informazzjoni legali ġenerali u konsulenza legali u jagħmlu sottomissjonijiet.
L-applikanti li jitolbu l-għajnuna legali primarja għandhom jikkuntattjaw lil fornitur ta’ għajnuna legali primarja direttament.
Għajnuna legali sekondarja
Il-forom ta’ għajnuna legali sekondarja huma:
- Konsulenza legali
- L-abbozzar ta’ sottomissjonijiet fi proċedimenti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema quddiem l-impjegatur
- L-abbozzar ta’ sottomissjonijiet f’litigazzjoni
- Rappreżentanza fi proċedimenti tal-qorti
- Assistenza legali f’soluzzjoni bonarja ta’ tilwima.
- Eżenzjoni mill-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti
- Eżenzjoni minn tariffi tal-qorti
L-għajnuna legali sekondarja hija pprovduta mill-avukati.
Fir-rigward tat-tip ta’ proċedimenti, l-għajnuna legali sekondarja tista’ tingħata fil-proċedimenti li ġejjin:
- Proċedimenti li jikkonċernaw drittijiet in rem, ħlief fi proċeduri ta’ reġistrazzjoni tal-art
- Proċedimenti dwar relazzjonijiet ta’ impjieg
- Proċedimenti li jikkonċernaw relazzjonijiet familjari, ħlief fi proċedimenti rigward divorzju b’kunsens reċiproku jekk il-miżżewġin ma jkollhomx tfal minorenni komuni jew adottati jew tfal ta’ età taħt il-kura tal-ġenituri tagħhom
- Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni u proċedimenti ta’ garanzija jew biex tiġi ggarantita talba li tirriżulta minn proċedimenti li tista’ tingħata għajnuna legali għalihom skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas
- Soluzzjoni bonarja ta’ tilwima
- B’mod eċċezzjonali, fil-proċedimenti l-oħra amministrattivi u ċivili kollha meta din il-ħtieġa tirriżulta miċ-ċirkostanzi speċifiċi tar-rikorrent u tal-membri tal-unità domestika tiegħu, skont l-għan fundamentali tal-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas.
Il-proċedura għall-għoti ta’ għajnuna legali sekondarja tinbeda billi wieħed japplika mal-korp amministrattiv kompetenti tal-kontea jew tal-Belt ta’ Zagreb.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas, il-persuni li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal għajnuna legali bla ħlas għandhom jippreżentaw formola standard mimlija għal talba għal għajnuna legali lill-uffiċċju statali tal-amministrazzjoni fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. It-talba għandha tkun akkumpanjata mill-kunsens espress bil-miktub tal-applikant u tal-membri adulti tal-unità domestika tagħhom li jiżvelaw id-data kollha relatata mal-proprjetà u jaċċettaw ir-responsabbiltà materjali u kriminali għall-veraċità tal-affermazzjonijiet tal-applikant.
Il-formola tat-talba tista’ titniżżel mis-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja, jew tinkiseb mill-uffiċċji ta’ amministrazzjoni tal-istat tal-kontea, mill-qrati muniċipali jew minn ċentri tal-kura soċjali matul il-ħinijiet tal-uffiċċju regolari tagħhom.
Ma hemm l-ebda ħlas amministrattiv għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, li jiġu sottomessi personalment jew bil-posta rreġistrata.
L-għoti tal-għajnuna legali jimplika kopertura sħiħa jew parzjali tal-ispejjeż tal-għajnuna legali skont l-istatus finanzjarju tar-rikorrent. Huwa maħsub li l-ispejjeż tal-proċedura jistgħu jiġu kondiviżi sa ċertu perċentwali skont iċ-ċirkostanzi materjali tal-benefiċjarju.
Meta l-għajnuna legali tingħata b’mod ristrett, id-differenza bejn l-ammont sħiħ mogħti u t-tariffi tal-avukat titħallas mill-benefiċjarju skont il-valur tas-servizz definit permezz tat-Tariffi tal-Avukati u l-Kumpens tal-Ispejjeż.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja jiddeċiedi dwar l-appelli minn applikanti għall-għajnuna legali fit-tieni istanza, jiddeċiedi fl-ewwel istanza dwar id-dħul ta’ assoċjazzjonijiet u kliniċi legali fir-Reġistru tal-fornituri tal-għajnuna legali primarja, iżomm ir-Reġistru, u jwettaq monitoraġġ amministrattiv u professjonali tax-xogħol tal-fornituri tal-għajnuna legali primarja.
Informazzjoni dwar l-għajnuna legali bla ħlas tinsab fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja jew b’email lilbesplatna.pravna.pomoc@pravosudje.hr, u tweġiba tasal fl-iqsar żmien possibbli.
Kwalunkwe mistoqsija tista’ ssir direttament lill-uffiċċji tal-amministrazzjoni pubblika fil-kontej.
Tilwim transfruntier
Tilwima transfruntiera hija waħda fejn il-parti li qed titlob l-għajnuna legali tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru tal-UE li mhuwiex l-Istat Membru fejn il-qorti għandha s-sede tagħha jew fejn id-deċiżjoni għandha tiġi eżegwita.
L-għajnuna legali f’tilwim transfruntier tingħata f’materji ċivili u kummerċjali, fi proċedimenti ta’ medjazzjoni, soluzzjonijiet barra mill-qorti, l-eżekuzzjoni ta’ strumenti pubbliċi u l-għoti ta’ konsulenza legali f’tali proċedimenti. Id-dispożizzjonijiet dwar it-tilwim transfruntier ma japplikawx fi proċeduri fiskali, doganali u proċeduri amministrattivi oħra.
Rikorrent li jkun domiċiljat jew residenti b’mod abitwali fir-Repubblika tal-Kroazja u jitlob għajnuna legali f’tilwima transfruntiera quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jressaq talba lill-uffiċċju tal-post ta’ residenza jew domiċilju tiegħu. L-uffiċċju kompetenti għandu jgħaddi t-talba lill-Ministeru għall-Ġustizzja fi żmien tmint ijiem minn meta jirċievi t-talba. Il-Ministeru għall-Ġustizzja għandu jittraduċi t-talba u d-dokumenti ta’ sostenn fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru u l-awtorità kompetenti riċeventi, u jgħaddihom fi żmien 15-il jum mill-wasla tagħha għand l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab s-sede tal-qorti jew fejn id-deċiżjoni għandha tkun eżegwita (awtorità riċeventi). Jekk l-għajnuna legali ma tingħatax, ir-rikorrent ikun meħtieġ ikopri l-ispejjeż tat-traduzzjoni.
Ir-rikorrent jista’ wkoll jissottometti t-talba direttament lill-awtorità riċeventi fl-Istat Membru li fih hija kkostitwita l-qorti jew fejn id-deċiżjoni għandha tiġi eżegwita.
Rikorrent li jkun domiċiljat jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor u li jfittex għajnuna legali f’tilwima transfruntiera quddiem qorti fir-Repubblika tal-Kroazja huwa intitolat għall-għajnuna legali skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas. Fir-Repubblika tal-Kroazja, ir-rikorrenti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih huma domiċiljati jew residenti abitwalment (awtorità trażmittenti) għandhom jissottomettu t-talba għall-għajnuna legali lill-Ministeru tal-Ġustizzja (awtorità riċeventi). Il-formoli u d-dokumenti ta’ sostenn iridu jiġu tradotti fil-Kroat, inkella t-talba tiġi miċħuda.
It-talbiet għandhom jiġu magħmula fil-formola standard stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/844/KE tad-9 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi formola ta’ talba għal għajnuna legali skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE sabiex jiġi mtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwim transfruntier billi jiġu stabbiliti regoli komuni minimi relatati ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.