Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Grieg diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Il-qrati nazzjonali

Il-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija (Eparchiakó Dikastírio Lefkosías)Charalampos Mouskou St.
1405 Nicosia
Cyprus

Il-Qorti Distrettwali ta’ Limassol (Eparchiakó Dikastírio Lemesoú)8 Lordou Vyrona Ave.,
3726 Limassol
PO Box 54619
Cyprus

Il-Qorti Distrettwali ta’ Larnaca (Eparchiakó Dikastírio Lárnakas)Artemidos Ave.
6301 Larnaca
PO Box 40107
Cyprus

Il-Qorti Distrettwali ta’ Paphos (Eparchiakó Dikastírio Páfou)Corner of Neophytou St. & Nikolaidi St.
8100 Paphos
PO Box 60007
Cyprus

Il-Qorti Distrettwali ta’ Famagusta (Eparchiakó Dikastírio Ammochóstou)2 Sotiras St.
5286 Paralimni
Cyprus

Il-Qorti Distrettwali ta’ Kyrenia (Eparchiakó Dikastírio Kerýneias)Charalampos Mouskou St.
1405 Nicosia
Cyprus

L-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem:

Il-Kummissarju għall-Amministrazzjoni u d-Drittijiet tal-Bniedem (l-Ombudsman)

Il-Kummissarju għall-Amministrazzjoni u d-Drittijiet tal-Bniedem (Epítropos Dioikíseos kai Anthropínon Dikaiomáton, magħruf ukoll bħala l-“Ombudsman”) huwa uffiċjal indipendenti tal-istat li ilu jopera uffiċjalment mill-1991. Il-Kummissarju huwa l-istituzzjoni responsabbli primarjament mill-kontroll ekstraġudizzjarju tal-amministrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kummissarju għandu l-għan primarjament li jiżgura l-legalità, jippromwovi l-governanza tajba, iħares id-drittijiet tal-individwi, jiġġieled l-amministrazzjoni ħażina u jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini u d-drittijiet tal-bniedem b’mod ġenerali.

Il-Kummissarju, normalment, jibda investigazzjoni wara li jitressaq ilment minn ċittadin li huwa direttament u personalment affettwati bl-azzjoni li dwarha qed isir l-ilment. Madankollu, il-Kummissarju jista’ jibda wkoll investigazzjoni permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Ministri jew fuq inizjattiva tiegħu  stess dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali.

Is-suġġerimenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju mhumiex vinkolanti. Iżda jekk il-partijiet ikkonċernati ma jikkonformawx magħhom tqum kwistjoni ta’ prinċipju. Din il-pożizzjoni ssaħħet permezz tal-emenda reċenti tal-Liġi rilevanti, li tippermetti lill-Kummissarju biex jikkonsulta mal-awtorità kkonċernata, f’tentattiv biex jinstab mod kif l-awtorità tadotta l-pożizzjonijiet tal-Kummissarju u tikkonforma magħhom fuq livell prattiku.

Is-setgħat tal-Kummissarju għall-Amministrazzjoni huma wesgħin ħafna, peress li, minbarra li jwettaq il-funzjonijiet imsemmija hawn fuq, huwa għandu wkoll ir-rwoli li ġejjin:

Korp ta’ kontra d-diskriminazzjoni: F’din il-kapaċità, il-Kummissarju jivverifika, fuq ilment imressaq minn individwu jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissarju stess, jekk hemmx ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-individwi fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika, il-komunità, il-lingwa, il-kulur, l-età, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali, is-sigurtà soċjali, il-benefiċċji soċjali, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni f’assoċjazzjonijiet u trejdjunjins, jew l-aċċess għal prodotti u servizzi, inkluża l-akkomodazzjoni fid-djar.
Il-Kummissarju jista’ jaġixxi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat.

Korp tal-ugwaljanza: F’din il-kapaċità, il-Kummissarju jivverifika, fuq ilment imressaq minn individwu jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissarju, jekk hemmx ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ individwi għal raġunijiet ta’ ġeneru jew identità tal-ġeneru, razza, oriġini nazzjonali jew etnika, komunità, lingwa, kulur, età, diżabilità, orjentazzjoni sesswali, reliġjon, opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, fl-oqsma tal-impjiegi, ix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali, inklużi l-kuntratti tax-xogħol jew dokumenti li jirregolaw relazzjonijiet tax-xogħol, reklutaġġ, tkeċċija, reklamar ta’ impjieg battal fil-gazzetti, eċċ. Il-Kummissarju jivverifika wkoll, b’mod partikolari, jekk hemmx diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru kontra individwi f’termini tal-aċċess tagħhom għal prodotti u servizzi (pereż. edukazzjoni, kura tas-saħħa, servizzi bankarji, jew servizzi ta’ assigurazzjoni). Il-Kummissarju jista’ jaġixxi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat.

Awtorità indipendenti għall-prevenzjoni tat-tortura: F’din il-kapaċità, il-Kummissarju liberament jagħmel żjarat f’postijiet fejn individwi huma totalment jew parzjalment miċħuda mil-libertà tagħhom (bħal ħabsijiet, ċentri ta’ detenzjoni tal-pulizija, istituzzjonijiet psikjatriċi, jew fid-djar għall-anzjani), biex josserva u jirreġistra l-kundizzjonijiet ta’ għajxien. L-għan huwa li jiġu żgurati d-dinjità u d-drittijiet ta’ persuni li jinsabu f’dawn iċ-ċirkostanzi. Wara li jkun għamel dawn iż-żjarat, il-Kummissarju jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib kemm tal-kundizzjonijiet identifikati u kif ukoll tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali rilevanti. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-twettiq ta’ kontroll u l-komunikazzjoni bil-miftuħ mal-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissarju jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet u proposti bl-għan li tiġi evitata t-tortura u t-trattament inuman jew degradanti. Il-Kummissarju jista’ jaġixxi kemm fis-setturi pubbliċi kif ukoll dawk privati.

L-istituzzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem: F’din il-kapaċità, il-Kummissarju jressaq opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u proposti meta huwa jħoss li kwalunkwe awtorità statali kisret jew irrestrinġiet id-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, il-Kummissarju jieħu azzjoni usa’ sabiex jippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u, għal dak l-għan, jikkuntattja lill-NGOs li jiffukaw fuq id-drittijiet tal-bniedem u gruppi organizzati oħrajn.

Awtorità indipendenti għall-promozzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet: F’din il-kapaċità, il-Kummissarju huwa responsabbli għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni f’Ċipru tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Il-Kummissarju jeżamina,  fuq l-inizjattiva tiegħu  stess jew wara lmenti, jekk l-awtoritajiet statali qed jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, u jirrapporta dwar kif tista’ tittejjeb is-sitwazzjoni. Il-Kummissarju jaħdem ukoll flimkien ma’ korpi oħrajn li huma attivi f’dan il-qasam u jipprovdi l-edukazzjoni, jippromwovi sensibilizzazzjoni u jsaħħaħ l-infurzar fil-prattika tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Il-Pulizija ta’ Ċipru

L-uffiċċji ġew stabbiliti u operati fil-Pulizija ta’ Ċipru biex jiġu promossi, protetti u msaħħa d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Li ġejja hija deskrizzjoni qasira tad-dmirijiet u l-obbligi ta’ dawn l-uffiċċji, li juri l-isforzi li saru biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali huma mħarsa mill-Pulizija:

  • L-Uffiċċju għad-Drittijiet tal-Bniedem

L-Uffiċċju għad-Drittijiet tal-Bniedem jirrapporta lill-Unjoni Ewropea u d-Direttorat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ta’ Ċipru u:

  1. huwa responsabbli biex jeżamina u jimplimenta l-obbligi skont id-deċiżjonijiet ta’ diversi istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni, f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-pulizija;
  2. jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-pulizija, eċċ.;
  3. iwettaq spezzjonijiet sistematiċi f’ċentri ta’ detenzjoni tal-pulizija u jippreżenta rapporti u rakkomandazzjonijiet rilevanti dwar kif tista’ titjieb id-detenzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tad-detenuti;
  4. jaħdem flimkien ma’ aġenziji governattivi oħra, NGOs u korpi indipendenti dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini kollha u jagħmel rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jiżgura li l-pulizija tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet u ta’ konvenzjonijiet iffirmati u ratifikati mir-Repubblika ta’ Ċipru;
  5. jaħdem flimkien mal-Akkademja tal-Pulizija ta’ Ċipru fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem;
  6. iħejji u jibgħat ċirkulari u manwali dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.
  • Uffiċċju għall-Ġlieda Kontra d-Diskriminazzjoni

L-Uffiċċju għall-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni jirrapporta lid-Dipartiment tal-Kriminalità tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ta’ Ċipru u għandu l-għan li jipprevjeni u li jiġġieled id-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija.

Bħala parti mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet ewlenin tiegħu, l-Uffiċċju:

  1. jiżgura l-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-kooperazzjoni bejn l-uffiċjali tal-pulizija fir-rigward tal-investigazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ reati razzisti u inċidenti jew reati b’motiv razzist;
  2. jaħdem flimkien ma’ aġenziji governattivi oħra u l-NGOs involuti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu;
  3. jaħdem flimkien mal-Akkademja tal-Pulizija ta’ Ċipru u organizzazzjonijiet oħra biex jipprovdu lill-uffiċjali tal-pulizija b’taħriġ ulterjuri;
  4. jservi bħala uffiċċju ta’ kollegament bejn il-Pulizija ta’ Ċipru u aġenziji oħra responsabbli għal tfassil ta’ politika aktar effettiva kontra r-razziżmu;
  5. issaħħaħ u jimplimenta l-qafas legali nazzjonali dwar il-linji gwida u l-obbligi internazzjonali u tal-UE.
  • L-Uffiċċju kontra l-Vjolenza Domestika u l-Abbuż mit-Tfal

L-Uffiċċju kontra l-Vjolenza Domestika u l-Abbuż mit-Tfal jirrapporta lid-Dipartiment tal-Kriminalità tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ta’ Ċipru u huwa primarjament ikkonċernat bil-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni u l-appoġġ.

Il-funzjonijiet ewlenin tiegħu jinkludu l-monitoraġġ ta’ każijiet jew inċidenti, l-istudju ta’ fajls kriminali u li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jkomplu jiġu maniġjati. B’kunsiderazzjoni tar-responsabilità tiegħu għall-infurzar tal-liġi, l-Uffiċċju kontra l-Vjolenza Domestika u l-Abbuż mit-Tfal jaħdem flimkien mal-investigaturi responsabbli għal dawn il-każijiet, konsulenti tal-familja jew uffiċjali tas-Servizzi tal-Għajnuna Soċjali, u uffiċjali statali jew mhux statali oħrajn b’responsabbiltajiet fiż-żona, kif ukoll mal-vittmi, li huma kkuntattjati personalment jew permezz tat-telefon. F’kooperazzjoni mal-Akkademja tal-Pulizija ta’ Ċipru, l-Uffiċċju jorganizza wkoll seminars ta’ taħriġ għal uffiċjali tal-pulizija.

  • L-Uffiċċju għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin

L-Uffiċċju għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin jirrapporta lid-Dipartiment tal-Kriminalità tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ta’ Ċipru u jimmira biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin, f’konformità mal-Liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin u l-Protezzjoni tal-Vittmi jew kwalunkwe leġiżlazzjoni rilevanti oħra u l-obbligi tal-pulizija, kemm fil-livelli Ewropej kif ukoll f’dawk internazzjonali.

Bħala parti mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet ewlenin tiegħu, l-Uffiċċju:

  1. jipproċessa, janalizza u juża’ informazzjoni utli dwar reati relatati mal-missjoni tiegħu;
  2. jikkoordina l-attivitajiet u l-azzjonijiet kollha ta’ direttorati / aġenziji / dipartimenti kollha, sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet nazzjonali jkunu skedati tajjeb u organizzati sew;
  3. jidentifika l-vittmi tat-traffikar jew sfruttament, f’konformità mal-manwal ta’ identifikazzjoni rilevanti u d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti;
  4. jipprovdi uffiċjali tal-pulizija bi gwida dwar it-traffikar tal-bnedmin;
  5. ikompli jibni fuq l-investigazzjoni ta’ każijiet relatati mat-traffikar tal-bnedmin u jipprovdi l-uffiċjali inkarigati bl-interrogazzjoni bi gwida kif xieraq, irrispettivament mill-post tagħhom ta’ servizz;
  6. iwettaq, taħt il-gwida tas-supretendent li jmexxi d-Dipartiment kontra r-Reati, l-investigazzjoni ta’ każijiet kumplessi u serji ta’ ksur tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin u l-Protezzjoni tal-Vittmi, f’kooperazzjoni ma’ uffiċjali mħarrġa debitament li jservu fid-diviżjonijiet tad-distrett għall-investigazzjonijiet kriminali;
  7. iwieġeb għal talbiet minn pajjiżi oħra għall-għoti ta’ għajnuna legali relatata mat-traffikar tal-bnedmin;
  8. iżomm bażi ta’ dejta statistika u jħejji rapporti u statistika rilevanti;
  9. iwettaq kwalunkwe funzjoni oħra prevista fil-leġiżlazzjoni u l-pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin jew mogħtija lilu mill-Kap tal-Pulizija.

Bil-ħsieb li jiżgura u jipproteġi d-drittijiet tal-vittmi identifikati ta’ traffikar tal-bnedmin, l-Uffiċċju għandu jaħdem, apparti mis-servizzi ta’ assistenza soċjali, flimkien ma’ NGOs bħal Cyprus Stop Trafficking, KISA, Caritas, Well Spring, eċċ.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal (Epítropos Prostasías ton Dikaiomáton tou Paidioú) ġie stabbilit bħala istituzzjoni bil-Liġi dwar il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tal-2007 (il-Liġi 74 (I)/2007), li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Ġunju 2007. Il-liġi tipprovdi għall-ħatra ta’ Kummissarju, l-istabbiliment u l-operat tal-Uffiċċju tal-Kummissarju, u kwistjonijiet relatati oħra. Din ġiet emendata fl-2014 permezz tal-Liġi dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tat-Tfal ta’ 2014 [44(I)/2014], sabiex jiġu ttrattati kwistjonijiet addizzjonali.

Hemm dispożizzjonijiet importanti stabbiliti fil-Liġi biex jippermetti lill-Uffiċċju tal-Kummissarju li jservi bħala organizzazzjoni nazzjonali indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem responsabbli għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Il-liġi tipprovdi għal funzjonijiet u obbligi wiesgħa għall-Kummissarju, li tista’ tiġi spjegata, għal skopijiet ta’ referenza, abbażi ta’ erba’ pilastri:

  • il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ leġiżlazzjoni, proċeduri u prattiki minn awtoritajiet fis-settur pubbliku u privat;
  • l-awtonomizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tat-tfal;
  • l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fost it-tfal u s-soċjetà b’mod ġenerali b’rabta mad-drittijiet tat-tfal;
  • ir-rappreżentazzjoni ta’ tfal u l-interessi tagħhom fi proċeduri li jolqtuhom.

Is-Sinjura Leda Koursoumba ġie maħtura bħala l-ewwel Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal. Hija bħalissa qed isservi t-tieni mandat bħala Kummissarju.

Dettalji ta’ kuntatt:

Corner of Apelli St. and Pavlou Nirvana St., 5th floor, 1496

Tel.: + 357 22873200
Faks: + 357 22872365

Posta elettronika: childcom@ccr.gov.cy
Sit web: http://www.childcom.org.cy/

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali (Epítropos Prostasías Dedoménon Prosopikoú Charaktíra) iservi bħala awtorità ta' superviżjoni indipendenti stabbilita bis-saħħa tal-Ipproċessar tad-Dejta Personali (Protezzjoni tal-Individwu), il-Liġi 112 tal-2001 (Liġi 112 (I)/2001), li permezz tagħha d-Direttiva 95/46/KE ġiet trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-Kummissarju jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Liġi ta’ hawn fuq. Il-funzjonijiet tal-Kummissarju jinkludu t-twettiq ta’ kontrolli, il-ħruġ ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet kif previst bil-liġi u l-impożizzjoni ta’ pieni amministrattivi għall-ksur tal-liġi. Il-Kummissarju jaħdem flimkien mal-awtoritajiet rilevanti fi Stati Membri oħra u l-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tar-responsabbiltà tal-Kummissarju u billi jippromwovi r-rispett għad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali.

Il-Kummissarju jservi bħala l-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali għal Europol, Eurojust, Eurodac, SIS II (Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni), VIS (Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża), SID (Sistema ta’ Informazzjoni Doganali) u IMI (Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern).

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għandu l-għan li jipprovdi lill-pubbliku inġenerali b’informazzjoni aħjar dwar id-drittijiet previsti mil-Liġi u jrawwem kultura favur il-privatezza kemm fis-setturi pubbliċi u kif ukoll dawk privati.

Id-Dipartiment għal Inklużjoni Soċjali tal-Persuni b’Diżabilità tal-Ministeru tax-Xogħol, l-Għajnuna u s-Sigurtà Soċjali

Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità huwa pass importanti fl-istorja ta’ diżabilità, u jirrikjedi li l-istati jadottaw miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u miżuri oħra adegwati bl-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fl-aspetti kollha tal-ħajja. Ir-Repubblika ta’ Ċipru rratifikat il-Konvenzjoni fl-2011 u ħejjiet u adottat l-ewwel pjan ta’ azzjoni nazzjonali għad-diżabilità fl-2013.

Id-Dipartiment għall-Inklużjoni Soċjali ta’ Persuni b’Diżabilità, li huwa l-punt fokali, impenja ruħu li jikkoordina l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar id-diżabilità għal 2013–2015 u 2017–2020.

Barra minn hekk, id-Dipartiment għall-Inklużjoni Soċjali ta’ Persuni b’Diżabilità għandu l-għan li jippromwovi l-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi ta’ persuni b’diżabilità. L-attivitajiet ewlenin tiegħu jinkludu:

  • t-twettiq ta’ valutazzjonijiet u ċertifikazzjonijiet fir-rigward ta’ diżabilità u funzjonalità;
  • l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil persuni b’diżabilità;
  • il-provvista ta’ servizzi professjonali diretti u indiretti ta’ riabilitazzjoni u servizzi oħra ta’ appoġġ.

Il-viżjoni tad-Dipartiment hija li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità u li jinfetħu l-prospettivi ġodda ta’ integrazzjoni soċjali għalihom permezz tal-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riforma.

Il-Makkinarju Nazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa

  1. Il-Makkinarju Nazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa (Ethnikós Michanismós gia ta Dikaiómata tis Gynaíkas) twaqqaf fis-16 ta’ Frar 1994 permezz ta’ Deċiżjoni Nru 40.609 tal-Kunsill tal-Ministri.
  2. Il-Makkinarju Nazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa hija l-organizzazzjoni ewlenija għat-twettiq u l-promozzjoni ta’ politika tal-gvern biex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u msejsa fuq il-liġi li tistabbilixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha tad-dritt. Dan jgħin ukoll biex jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ ugwaljanza u opportunitajiet indaqs fil-prattika li jeħtieġ, fost l-oħrajn, bidla fl-attitudni, il-promozzjoni ta’ programmi speċjali għall-appoġġ u t-tisħiħ tan-nisa fi rwoli multidimensjonali tagħhom, kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza fil-programmi u l-politiki kollha.
  3. Skont id-Deċiżjoni Nru 76.789 tal-Kunsill tal-Ministri, tat-23 ta’ April 2014, il-Kunsill u l-Kumitat Nazzjonali ta’ Makkinarju Nazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa huma ppreseduti minn Kummissarju għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u Makkinarju tas-Segretarjat Ġenerali huwa ekwipaġġat minn uffiċjali mill-Unità ta’ Ugwaljanza Bejn is-Sessi tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ordni Pubbliku.
  4. Il-Makkinarju Nazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa jinkludi tliet korpi kollettivi: (a) il-Kunsill, (b) il-Kumitat Nazzjonali, u (c) il-Kumitat Interministerjali. Dan jopera wkoll Segretarjat Ġenerali.
  5. Il-Kunsill tal-Makkinarju Nazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa jikkonsisti f’19-il organizzazzjoni membru. Il-membri tal-Kunsill jinkludu organizzazzjonijiet tan-nisa, trejdjunjins u NGOs oħra, inklużi żewġ organizzazzjonijiet Torok - Ċiprijotti tan-nisa (lista ta’ organizzazzjonijiet membri tal-Kunsill hija annessa ma’ dan id-dokument).
  6. Il-Kumitat Nazzjonali tal-Makkinarju Nazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa jikkonsisti f’ 69 organizzazzjoni membru, inklużi organizzazzjonijiet affiljati ma’ partiti politiċi, organizzazzjonijiet li jiġġieldu kontra l-vjolenza u l-isfruttament tan-nisa, it-taħriġ, ir-riċerka, l-antirazziżmu u l-organizzazzjonijiet agrikoli, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet għall-paċi, għall-persuni spustati, għall-familja u għat-tfal, eċċ.
  7. Il-Kumitat Interministerjali inkarigat mill-Makkinarju Nazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa huwa magħmul minn uffiċjali responsabbli mid-drittijiet tan-nisa mill-ministeri kollha u mid-Direttorat Ġenerali għall-Programmi, il-Koordinazzjoni u l-Iżvilupp Ewropej.
  8. Is-Segretarjat Ġenerali jħejji l-laqgħat tal-korpi kollha tal-Makkinarju Nazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa u jassisti fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet kollha adottati, billi jipprovdi appoġġ amministrattiv u xjentifiku u gwida.

Il-Kumitat Parlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u dwar l-Opportunitajiet Indaqs għall-Irġiel u n-Nisa

Il-kompitu prinċipali tal-Kumitat Parlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u dwar l-Opportunitajiet Indaqs għall-Irġiel u n-Nisa jikkonsisti fl-istudju ta’ metodi, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ skrutinju parlamentari, dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Ċiprijotta, ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u tal-leġiżlazzjoni rilevanti humiex osservati fir-Repubblika ta’ Ċipru.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat jinvestiga każijiet relatati ma’ ksur ta’ drittijiet tal-bniedem kontra ċ-ċittadini u persuni oħra li jgħixu fir-Repubblika ta’ Ċipru u jirrapporta lill-Kamra tar-Rappreżentanti kif xieraq.

L-aħħar aġġornament: 22/07/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.