Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-Qrati Nazzjonali
L-awtoritajiet pubbliċi kollha huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. Kull persuna li tħoss li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha tista’ tfittex rimedju legali.
Jekk hija tqis li dispożizzjoni legali partikolari li taffettwaha tikser id-Dritt Bażiku Ġermaniż (Grundgesetz), tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem qorti speċjalizzata. Jekk il-qorti speċjalizzata tilqa’ l-opinjoni tal-persuna, dik il-qorti tirreferi d-dispożizzjoni leġiżlattiva inkwistjoni lill-Qorti Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgericht) għal deċiżjoni permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju speċifiku. Jekk il-qorti speċjalizzata ma ssegwix id-deċiżjoni, wara li jkun ġie eżawrit ir-rimedju ġudizzjarju jista’ jsir ilment kostituzzjonali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Federali.
F’każijiet fejn liġi jew dispożizzjoni legali kkontestata timplimenta d-dritt tal-UE, persuna tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem il-qorti speċjalizzata billi tinvoka ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-qorti speċjalizzata hija meħtieġa tirreferi kwalunkwe domanda li titqajjem f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 267 TFUE). Jekk il-qorti speċjalizzata ma tagħmilx hekk, dan jista’ jiġi kkontestat quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Federali permezz ta’ lment kostituzzjonali (Verfassungsbeschwerde) fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt għal proċess ġust stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 101(1) tad-Dritt Bażiku. Il-Qorti Kostituzzjonali Federali tuża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala standard dirett ta’ stħarriġ meta teżamina l-ilmenti kostituzzjonali li jirrigwardaw materji ddeterminati mid-dritt tal-UE.
Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Federali ma jistgħux jiġu appellati u huma vinkolanti fuq il-korpi l-oħrajn kollha tal-Istat.
Il-Qorti Kostituzzjonali Federali tal-Ġermanja (Bundesverfassungsgericht)
Il-Qorti Kostituzzjonali Federali hija meqjusa bħala l-għassiesa tad-Dritt Bażiku. Il-kompiti tagħha jinkludu l-għoti ta’ interpretazzjonijiet vinkolanti tad-Dritt Bażiku u li tiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati. Hija qorti tal-ġustizzja federali awtonoma u indipendenti minn kull korp kostituzzjonali ieħor, u hija korp kostituzzjonali indipendenti.
Skont (fost oħrajn) l-Artikolu 93(1)(4)(a) tad-Dritt Bażiku, il-Qorti Kostituzzjonali Federali tiddeċiedi dwar ilmenti kostituzzjonali li jistgħu jitressqu minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tallega ksur, minn awtorità pubblika Ġermaniża, ta’ wieħed mid-drittijiet fundamentali tagħha (ara l-Artikoli 1 sa 19 tad-Dritt Bażiku) jew ta’ drittijiet ekwivalenti għad-drittijiet fundamentali (l-Artikolu 20(4), l-Artikolu 33, l-Artikolu 38, l-Artikolu 101, l-Artikolu 104 tad-Dritt Bażiku).
Ilment kostituzzjonali ma huwiex estensjoni ta’ proċedimenti mressqa quddiem il-qrati speċjalizzati inferjuri, iżda rimedju straordinarju li fih jiġi eżaminat biss il-ksur ta’ dritt kostituzzjonali speċifiku. Id-dettalji huma stabbiliti fl-Artikolu 93(1)4a u 4b tad-Dritt Bażiku u l-Artikolu 90 et seq. tal-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgerichtsgesetz).
Informazzjoni dwar l-ilment kostituzzjonali, b’mod partikolari dwar liema informazzjoni għandu jinkludi, hija miġbura fil-qosor fi skeda ta’ informazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Federali.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Qorti Kostituzzjonali Federali huma dawn:
PO Box 1771
76006 Karlsruhe
Tel.: (+49)(0)721 9101 - 0
Fax: (+49)(0)721 9101 - 382
Sit web: https://www.bundesverfassungsgericht.de/DE/Homepage/homepage_node.html
Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem
L-Istitut Ġermaniż għad-Drittijiet tal-Bniedem (Deutsche Institut für Menschenrechte)
L-Istitut Ġermaniż għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa l-Istituzzjoni Nazzjonali indipendenti Ġermaniża għad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 1 Att dwar id-DIMR). Dan jirsisti biex jiżgura li l-Ġermanja tirrispetta u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem kemm internament kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni tagħha. L-Istitut jappoġġa wkoll u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u stabbilixxa mekkaniżmi ta’ monitoraġġ għal dawn l-iskopijiet.
L-Istitut huwa impenjat biss għad-drittijiet tal-bniedem u huwa politikament indipendenti. L-Att tal-2015 dwar l-istatus legali u l-mandat tal-Istitut Ġermaniż għad-Drittijiet tal-Bniedem (Gesetz über die Rechtsstellung und Aufgaben des Deutschen Instituts für Menschenrechte) jirregola l-istatus legali, il-kompiti u l-finanzjament tal-Istitut. L-Istitut huwa strutturat bħala assoċjazzjoni mingħajr qligħ u jikseb il-finanzjament tiegħu mit-Tieni Kamra Ġermaniża (Bundestag), flimkien ma’ finanzjament minn sorsi esterni għal proġetti individwali.
Il-kompiti tal-Istitut ma jinkludux l-indirizzar ta’ talbiet minn individwi affettwati minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, dan jagħmel l-almu tiegħu sabiex jipprovdi informazzjoni dwar servizzi ta’ konsulenza xierqa.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Istitut Ġermaniż għad-Drittijiet tal-Bniedem huma dawn:
Zimmerstraße 26/27
10969 Berlin
Tel.: (+49)(0)30 259 359 - 0
Fax (+49)(0)30 259 359 - 59
Posta elettronika: info@institut-fuer-menschenrechte.de
Sit web: https://www.institut-fuer-menschenrechte.de/
Korpi Speċjalizzati fid-Drittijiet tal-Bniedem
L-Aġenzija Federali Kontra d-Diskriminazzjoni (Antidiskriminierungsstelle des Bundes)
L-Aġenzija Federali Kontra d-Diskriminazzjoni, li għandha l-uffiċċju tagħha fil-Ministeru Federali għall-Affarijiet tal-Familja, iċ-Ċittadini Anzjani, in-Nisa u ż-Żgħażagħ, hija punt ċentrali indipendenti għal nies milquta mid-diskriminazzjoni. Il-kompiti tagħha huma stipulati fl-Att Ġenerali dwar it-Trattament Indaqs (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz – AGG). L-Aġenzija Kontra d-Diskriminazzjoni hija punt ċentrali għal dawk kollha li jħossuhom diskriminati għal raġunijiet ta’ oriġini razzjali jew etnika, ġeneru, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew identità sesswali.
Il-kompiti legali tal-Aġenzija Kontra d-Diskriminazzjoni huma:
- l-għoti ta’ informazzjoni, pariri u, fuq talba, assistenza fl-ilħuq ta’ ftehim bonarju bejn il-partijiet, b’riferiment lil ċentri ta’ konsulenza lokali dwar id-diskriminazzjoni fejn ikun meħtieġ;
- relazzjonijiet pubbliċi;
- miżuri għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni;
- l-implimentazzjoni ta’ studji xjentifiċi;
- il-preżentazzjoni ta’ rapporti lill-Bundestag Ġermaniż f’intervalli regolari, akkumpanjati minn rakkomandazzjonijiet biex titneħħa u tiġi evitata d-diskriminazzjoni.
Dawk li jħossuhom diskriminati jew li għandhom xi mistoqsijiet dwar l-AGG jistgħu jikkuntattjaw lill-Aġenzija Kontra d-Diskriminazzjoni bit-telefon, bil-posta elettronika jew bil-posta, jew permezz tal-formola ta’ kuntatt elettronika. Gwida għan-negozji hija disponibbli fuq http://www.antidiskriminierungsstelle.de/, fejn wieħed isib tweġibiet għal mistoqsijiet bażiċi dwar l-implimentazzjoni tal-AGG fil-kumpaniji.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Aġenzija Kontra d-Diskriminazzjoni huma dawn:
Glinkastraße 24
10117 Berlin
Tel.: (+49)(0)30 18 555 - 1855
Indirizz elettroniku għall-konsulenza: beratung@ads.bund.de
Indirizz elettroniku għal mistoqsijiet ġenerali: poststelle@ads.bund.de
Sit web: http://www.antidiskriminierungsstelle.de/
Il-Kummissarju Federali għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni (Der Bundesbeauftragte für den Datenschutz und die Informationsfreiheit – BfDI)
Il-Kummissarju Federali għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni (BfDI) huwa awtorità superviżorja awtonoma u indipendenti għall-protezzjoni tad-data fil-livell federali. Il-kompiti tal-BfDI huma stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u l-Artikolu 14 tal-Att Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data (Bundesdatenschutzgesetz – BDSG). Il-kompiti ewlenin tiegħu huma:
- il-monitoraġġ u l-infurzar tal-GDPR, tal-BDSG u ta’ dispożizzjonijiet oħrajn relatati mal-protezzjoni tad-data;
- is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tar-riskji, ir-regoli, il-garanziji u d-drittijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali;
- l-għoti ta’ pariri lill-Bundestag Ġermaniż u lill-Ewwel Kamra (Bundesrat), lill-Gvern Federali u lil istituzzjonijiet oħrajn u kumitati dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi għall-protezzjoni tad-data;
- is-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri tad-data u l-għoti ta’ pariri lilhom fil-qasam tar-responsabbiltà tagħhom rigward l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-GDPR, il-BDSG u dispożizzjonijiet oħrajn dwar il-protezzjoni tad-data;
- l-indirizzar tal-ilmenti tas-suġġetti tad-data jew l-ilmenti ta’ assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data;
- il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet superviżorji oħrajn fil-Ġermanja u fl-Ewropa, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-għoti ta’ assistenza reċiproka;
- it-twettiq ta’ investigazzjonijiet u kontrolli;
- il-kontribuzzjoni fil-ħidma tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Il-BfDI jista’ joħroġ ukoll opinjonijiet lill-Bundestag Ġermaniż jew lil xi wieħed mill-kumitati tiegħu, lill-Bundesrat, lill-Gvern Federali, korpi u aġenziji oħrajn u lill-pubbliku. Fuq talba tal-Bundestag Ġermaniż, ta’ wieħed mill-kumitati tiegħu jew tal-Gvern Federali, il-BfDI jeżamina wkoll kwalunkwe informazzjoni dwar proċessi relatati mal-protezzjoni tad-data fi ħdan l-awtoritajiet pubbliċi tal-Gvern Federali.
Skont l-Artikolu 77 tal-GDPR jew – fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi – tal-Artikolu 60 tal-BDSG, kull persuna għandha d-dritt li tressaq ilment quddiem il-BfDI jekk temmen li korp soġġett għas-superviżjoni tal-BfDI jkun kiser id-drittijiet tagħha.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kummissarju Federali għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni huma dawn:
Graurheindorferstraße 153
53117 Bonn
Tel.: (+49)(0)228 997799 - 0
Fax: (+49)(0)228 997799 - 5550
Posta elettronika: poststelle@bfdi.bund.de
Sit web: http://www.bfdi.bund.de
Jistgħu jintużaw ukoll il-formoli online biex wieħed jikkuntattja lill-BfDI, iressaq ilmenti u jirrapporta ksur tad-data.
Barra minn hekk, id-dettalji ta’ kuntatt tal-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data tal-Länder għall-qasam pubbliku u mhux pubbliku, għax-xandara, il-knejjes, u tal-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data fl-Ewropa u bnadi oħrajn huma disponibbli fuq is-sit web tal-BFDI.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.