Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

Polonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Polonja

IL-QRATI NAZZJONALI

Skont il-Kostituzzjoni Pollakka (“Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej”), kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku, mingħajr dewmien żejjed, quddiem qorti kompetenti, imparzjali u indipendenti. Dan ifisser li kwalunkwe tilwim dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet garantiti mil-liġi nazzjonali jista’ jitressaq quddiem il-qrati nazzjonali. Il-liġi ċivili, tal-familja u tal-minorenni, il-liġi dwar ix-xogħol u s-sigurtà soċjali, il-liġi kummerċjali u l-liġi dwar il-falliment u każijiet kriminali u penitenzjarji huma deċiżi mill-qrati ordinarji. Il-qrati amministrattivi jissorveljaw l-legalità ta’ azzjoni mill-awtoritajiet. Il-qrati militari jamministraw l-ġustizzja fi ħdan il-forzi Armati Pollakki fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit minn Atti tal-Parlament u kif ukoll, fil-każijiet previsti f’Atti tal-Parlament, fir-rigward ta’ persuni li mhumiex membri tal-Forzi Armati Pollakki.

Il-qrati ordinarji, amministrattivi u militari joperaw skont il-prinċipju ta’ proċedimenti b’żewġ saffi, fejn persuna li mhijiex sodisfatta dwar il-mod kif il-każ ġie solvut mill-qorti tista’ tappella quddiem qorti superjuri kontra s-sentenza.

Barra minn hekk, il-Kostituzzjoni Pollakka tagħti kull persuna li d-drittijiet jew il-libertajiet kostituzzjonali ġew miksura d-dritt li tressaq ilment kostituzzjonali quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali (Trybunał Konstytucyjny). Dan l-ilment jista’ jitfassal biss minn avukat (“adwokat”) jew prokuratur legali (“radca prawny”) (l-eċċezzjonijiet huma l-imħallfin (“sędziowie”), il-prosekuturi (“prokuratorzy”), l-avukati (“adwokaci”), il-prokuraturi legali (“radcowie prawni”), in-nutara (“notariusze”), jew professuri jew doctor juris li jirrappreżentaw lilhom infushom) u huwa mingħajr ħlas tat-tariffi tal-qorti. L-ilmenti jistgħu jikkonċernaw strument regolatorju li fuq il-bażi tiegħu qorti jew awtorità pubblika tat deċiżjoni finali dwar id-drittijiet, il-libertajiet jew dazji stabbiliti fil-Kostituzzjoni.

ISTITUZZJONIJIET NAZZJONALI TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM

L-Ombudsman (“Rzecznik Praw Obywatelskich”)

Indirizz: Aleja Solidarności 77, 00-090 Warsaw

Ir-rwol tal-Ombudsman hu li jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni u ċittadini stabbiliti fil-Kostituzzjoni u fi strumenti regolatorji oħra.

Kulħadd għandu d-dritt li jressaq rikors quddiem l-Ombudsman għal assistenza f’każijiet li jinvolvu l-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet li ġew miksura mill-awtoritajiet.

Ir-rikorsi lill-Ombudsman huma mingħajr ħlas.

Wara li jeżamina r-rikors, l-Ombudsman jista’:

  • jaċċetta l-każ;
  • jindika r-rimedji disponibbli għar-rikorrent;
  • jirrinvija l-kawża lill-entità kompetenti;
  • jirrifjuta li jaċċetta l-każ.

Meta jieħu l-każ, l-Ombudsman jista’:

  • iwettaq l-investigazzjoni huwa stess;
  • jitlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jeżamina l-każ jew parti minnu;
  • jitlob lis-Sejm (il-kamra inferjuri tal-Parlament Pollakk) biex tordna l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar (“Najwyższa Izba Kontroli”) biex twettaq verifika sabiex jeżamina l-każ inkwistjoni jew parti minnu.

Waqt li jwettaq il-ħidma tiegħu, l-Ombudsman għandu d-dritt li:

  • jeżamina kull każ fuq il-post (anke mingħajr avviż minn qabel);
  • jitlob kjarifiki u s-sottomissjoni ta’ fajls f’kull każ immexxi mill-awtoritajiet inkwistjoni;
  • jitlob informazzjoni dwar il-progress f’każ immexxi mill-qrati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u aġenziji oħra ta’ infurzar tal-liġi, u jitlob li l-fajls jiġu sottomessi għal spezzjoni lill-Uffiċċju tal-Ombudsman wara li l-proċedimenti jkunu ġew kompletati u d-deċiżjoni tkun ittieħdet;
  • iqabbad esperti u jitlob għal opinjonijiet oħra.

Meta jieħu l-każ, l-Ombudsman jista’:

  • jispjega lir-rikorrenti li ma hemm ebda ksur tad-drittijiet u l-libertajiet tiegħu;
  • jistieden awtorità, organizzazzjoni jew istituzzjoni li l-azzjoni tagħha tkun ġiet misjuba li kisret drittijiet u libertajiet sabiex tirrimedja għall-ksur inkwistjoni, u sussegwentement jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;
  • jitlob l-awtorità li tissorvelja l-korp inkwistjoni biex tapplika l-miżuri previsti mil-liġi;
  • jitlob li l-proċedimenti jkunu istitwiti u jieħu sehem fi kwalunkwe proċedura ċivili pendenti;
  • jitlob li l-prosekutur bil-ġurisdizzjoni jistitwixxi proċedimenti ta’ qabel il-proċess f’każijiet li jinvolvu reati li ssir il-prosekuzzjoni tagħhom ex officio;
  • jitlob li l-proċedimenti amministrattivi jiġu istitwiti, jagħmel ilmenti mal-qorti amministrattiva u jieħu sehem f’dawn il-proċedimenti;
  • iressaq mozzjoni għal penali kif ukoll mozzjoni biex tiġi annullata d-deċiżjoni finali f’każijiet li jinvolvu reati minuri;
  • iressaq azzjoni jew ilment f’kassazzjoni kontra deċiżjoni finali.

Jekk l-Ombudsman iqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar id-drittijiet u l-libertajiet jiġi emendat jew adottat, hu jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.

KORPI SPEĊJALIZZATI GĦAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM

L-Ombudsman għat-Tfal (“Rzecznik Praw Dziecka”)

Indirizz: ul. Przemysłowa 30/32, 00-450 Warsaw

L-Ombudsman għat-Tfal jaħdem biex jipproteġi d-drittijiet tat-tfal, inkluż:

  • id-dritt għall-ħajja u l-kura tas-saħħa;
  • id-dritt għal trobbija fil-familja;
  • id-dritt għal kundizzjonijiet ta’ għajxien diċenti;
  • id-dritt għal edukazzjoni;
  • id-drittijiet tat-tfal b’diżabilità;
  • il-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ vjolenza, krudeltà, sfruttament, demoralizzazzjoni, negliġenza u moħqrija oħra.

Kulħadd għandu d-dritt li jressaq rikors għal assistenza quddiem l-Ombudsman għat-Tfal f’każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ drittijiet jew interessi ta’ minuri.

Ir-rikorsi lill-Ombudsman għat-Tfal huma mingħajr ħlas.

Meta jkun qiegħed imexxi l-proċedimenti, l-Ombudsman għat-Tfal jista’:

  • jeżamina kull każ fuq il-post (anke mingħajr avviż minn qabel);
  • jitlob il-korpi kkonċernati biex jipprovdu kjarifiki jew informazzjoni jew jirrendi l-fajls disponibbli;
  • iqabbad esperti u jitlob għal opinjonijiet oħra.

Meta jieħu każ, l-Ombudsman għat-Tfal jista’:

  • jitlob lill-korpi kompetenti biex jieħdu azzjoni għal benefiċċju tat-tfal;
  • jitlob li tittieħed azzjoni dixxiplinari jew jiġu imposti sanzjonijiet dixxiplinari fejn jinstab li l-korp inkwistjoni jkun kiser id-drittijiet jew l-interessi tat-tfal;
  • jipparteċipa fi proċedimenti quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali li ġew istitwiti fuq talba tal-Ombudsman jew f’każijiet ta’ lmenti kostituzzjonali li għandhom impatt fuq id-drittijiet tat-tfal;
  • iressaq mozzjonijiet quddiem il-Qorti Suprema (“Sąd Najwyższy”) sabiex issolvi diverġenzi fl-interpretazzjoni ta’ regolamenti legali li jikkonċernaw id-drittijiet tat-tfal;
  • iressaq azzjoni jew ilment f’kassazzjoni;
  • jitlob li l-proċedimenti jkunu istitwiti u jieħu sehem fi kwalunkwe proċedura ċivili pendenti;
  • jipparteċipa fi proċedimenti li jinvolvu minorenni;
  • jitlob lill-prosekutur kompetenti jistitwixxi proċedimenti ta’ qabel il-proċess f’każijiet li jinvolvu reati;
  • jitlob li l-proċedimenti amministrattivi jiġu istitwiti, jagħmel ilmenti mal-qorti amministrattiva u jieħu sehem f’dawn il-proċedimenti;
  • iressaq mozzjoni għal penali f’każijiet li jinvolvu reati minuri.

Jekk l-Ombudsman għat-Tfal iqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar id-drittijiet tat-tfal jiġi emendat jew adottat, hu jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.

L-Ombudsman tal-Pazjenti (“Rzecznik Praw Pacjenta”)

Indirizz: ul. Młynarska 46, 01-171 Warsaw

L-Ombudsman tal-Pazjenti huwa l-korp kompetenti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti.

Kull persuna għandha d-dritt li tirrikori għand l-Ombudsman tal-Pazjenti għall-assistenza fil-każ li nkisru d-drittijiet ta’ pazjent.

Ir-rikorsi lill-Ombudsman tal-Pazjenti huma mingħajr ħlas.

Wara li jeżamina r-rikors, l-Ombudsman tal-Pazjenti jista’:

  • jaċċetta l-każ;
  • jindika r-rimedji disponibbli għar-rikorrent;
  • jirrinvija l-kawża lill-entità kompetenti;
  • jirrifjuta li jaċċetta l-każ.

Meta jieħu l-każ, l-Ombudsman tal-Pazjenti jista’:

  • iwettaq l-investigazzjoni huwa stess;
  • jitlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jeżaminaw il-każ jew parti minnu.

Waqt li jwettaq il-ħidma tiegħu, l-Ombudsman tal-Pazjenti għandu d-dritt li:

  • jeżamina kull każ fuq il-post (anke mingħajr avviż minn qabel);
  • jitlob kjarifiki u s-sottomissjoni ta’ fajls f’kull każ immexxi mill-awtoritajiet inkwistjoni;
  • jitlob informazzjoni dwar il-progress f’każ immexxi mill-qrati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u aġenziji oħra ta’ infurzar tal-liġi, u jitlob li l-faljs jiġu sottomessi għal spezzjoni lill-Uffiċċju tal-Ombudsman tal-Pazjenti wara li l-proċedimenti jkunu ġew kompletati u d-deċiżjoni tkun ittieħdet;
  • iqabbad esperti u jitlob għal opinjonijiet oħra.

Meta jieħu l-każ, l-Ombudsman jista’:

  • jispjega lir-rikorrenti li ma hemm ebda ksur tad-drittijiet ta’ pazjent;
  • jistieden awtorità, organizzazzjoni jew istituzzjoni li l-azzjoni tagħha tkun ġiet misjuba li kisret id-drittijiet tal-pazjent sabiex tirrimedja għall-ksur inkwistjoni;
  • jitlob l-awtorità li tissorvelja l-korp imsemmi hawn fuq biex tapplika l-miżuri previsti mil-liġi;
  • jitlob li l-proċedimenti jkunu istitwiti u li jieħu sehem fi kwalunkwe proċedimenti ċivili pendenti.

Jekk l-Ombudsman tal-Pazjenti iqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar id-drittijiet ta’ pazjenti jiġi emendat jew adottat, hu jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.

L-Ispettur Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali (“Generalny Inspektor Ochrony Danych Osobowych”)

Indirizz: ul. Stawki 2, 00-193 Warsaw

L-Ispettur Ġenerali huwa l-korp kompetenti għall-protezzjoni tad-dejta personali.

Meta d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (“ustawa o ochronie danych osobowych”) jkunu ġew miksura, is-suġġett tad-dejta jista’ jressaq ilment quddiem l-Ispettur Ġenerali.

Il-proċedimenti amministrattivi mmexxija mill-Ispettur-Ġenerali jikkonsistu fl-eżami tal-ipproċessar ta’ dejta personali tar-rikorrent.

Meta jkunu qed imexxu l-proċedimenti, l-Ispettur Ġenerali, id-Deputat Spettur Ġenerali u l-persunal awtorizzat ikollhom d-dritt li:

  • jidħlu fil-post fejn tkun tinsab is-sistema tal-fajling tad-dejta kif ukoll fil-post fejn tiġi pproċessata d-data, u li jwettqu l-verifiki neċessarji;
  • jitolbu kjarifiki u jsejħu u jinterrogaw individwi sabiex jistabbilixxu l-fatti;
  • jispezzjonaw kwalunkwe dokument u dejta relatati direttament mas-suġġett tal-ispezzjoni u jagħmlu kopji tagħhom;
  • jispezzjonaw it-tagħmir, il-midja u s-sistemi tal-IT użati biex jipproċessaw id-dejta;
  • iqabbdu esperti u jitolbu għal opinjonijiet oħra.

Wara li jmexxi l-proċedimenti, l-Ispettur Ġenerali - meta r-regolamenti jinstabu li ġew miksura - joħroġ deċiżjoni li tordna li l-konformità tiġi stabbilità mill-ġdid, inkluż:

  • li jintemmu l-irregolaritajiet;
  • li tiġi supplimentata, aġġornata jew rettifikata dejta personali, b’mod li jagħmluha disponibbli jew li jastjenu milli jagħmlu dan;
  • li jittieħdu miżuri addizzjonali biex jipproteġu dejta personali;
  • li ma jitkomplix t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz;
  • l-iżgurar ta’ dejta jew it-trasferiment tagħha lil korpi oħra;
  • it-tħassir ta’ dejta personali.

Minkejja dak li ntqal hawn fuq, abbażi tal-informazzjoni miġbura matul l-eżami tal-każ, l-Ispettur Ġenerali, ex officio, jiddeċiedi jekk għandux jeżerċita s-setgħat li ġejjin:

  • li tintbagħat ittra lill-korp li huwa kkonċernat bl-ilment;
  • li jitlob li tiġi istitwita azzjoni dixxiplinari jew azzjoni oħra skont il-liġi kontra l-awturi ta’ ksur;
  • li jinnotifika aġenzija tal-infurzar tal-liġi bir-reat issuspettat.

Jekk l-Ispettur Ġenerali iqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali jiġi emendat jew adottat, hu jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.

Il-Gvern Plenipotenzjarju għat-Trattament Indaqs (“Pełnomocnik Rządu ds. Równego Traktowania”)

Indirizz: Al. Ujazdowskie 1/3, 00-583 Warsaw

Il-Plenipotenzjarju huwa l-korp tal-gvern responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ politiki marbutin mat-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni.

Kulħadd għandu d-dritt li jressaq ilment, rikors jew petizzjoni lill-Plenipotenzjarju.

Ma jsir ebda ħlas għall-preżentazzjoni ta’ lment, rikors jew petizzjoni.

Jekk il-fatt ta’ rispons għal dak imsemmi hawn fuq jirrikjedi l-eżami minn qabel u l-kjarifikazzjoni tal-fatti tal-każ, il-Plenipotenzjarju jiġbor l-evidenza meħtieġa. Għal dak il-għan, huwa jista’ jitlob li awtoritajiet oħra jipprovdu l-evidenza u l-kjarifiki meħtieġa.

L-ilment, ir-rikors jew il-petizzjoni għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed:

  • fi żmien xahar fil-każ ta’ ilment jew rikors;
  • fi żmien tlett xhur fil-każ ta’ petizzjoni.

Il-Plenipotenzjarju jinforma lir-rikorrent dwar il-mod li bih ġie pproċessat il-każ.

Fil-każ li jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ trattament indaqs, il-Plenipotenzjarju jieħu miżuri sabiex jitneħħew jew jittaffew l-effetti ta’ tali ksur.

Jekk il-Plenipotenzjarju jqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni jiġi emendat jew adottat, huwa jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.

Il-Gvern Plenipotenzjarju għal Persuni b’Diżabilità (Pełnomocnik Rządu ds. Osób Niepełnosprawnych)

Il-Plenipotenzjarju jeżerċita superviżjoni sostantiva fit-twettiq ta’ kompiti li jirriżultaw mir-Riabilitazzjoni Soċjali u Okkupazzjonali u l-Impjiegi (Persuni b’Diżabilità) (ustawa o rehabilitacji zawodowej i społecznej oraz zatrudnianiu osób niepełnosprawnych).

Il-Plenipotenzjarju jissorvelja l-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ diżabilità u d-determinazzjoni tal-grad ta’ diżabilità.

Kulħadd għandu d-dritt li jressaq ilment, rikors jew petizzjoni lill-Plenipotenzjarju.

Jekk il-fatt ta’ rispons għal dak imsemmi hawn fuq jirrikjedi l-eżami minn qabel u l-kjarifikazzjoni tal-fatti tal-każ, il-Plenipotenzjarju jiġbor l-evidenza meħtieġa. Għal dak il-għan, huwa jista’ jitlob li awtoritajiet oħra jipprovdu l-evidenza u l-kjarifiki meħtieġa.

L-ilment, ir-rikors jew il-petizzjoni għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed:

  • fi żmien xahar fil-każ ta’ ilment jew rikors;
  • fi żmien tlett xhur fil-każ ta’ petizzjoni.

Il-Plenipotenzjarju jinforma lir-rikorrent dwar il-mod li bih ġie pproċessat il-każ.

Jekk, fi ħdan il-qafas ta’ superviżjoni, il-Plenipotenzjarju jsib li hemm dubju raġonevoli dwar jekk deċiżjoni tirriflettix l-fatti tal-każ jew li deċiżjoni tista’ tkun ingħatat b’mod illegali, huwa jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti sabiex:

  • tannulla d-deċiżjoni;
  • terġa’ tissokta bil-proċedimenti.

KORPI SPEĊJALIZZATI OĦRAJN

Il-Kunsill Nazzjonali tax-Xandir (“Krajowa Rada Radiofonii i Telewizji”)

Indirizz: Skwer kard. S. Wyszyńskiego 9, 01-015 Warsaw

Il-Kunsill Nazzjonali tax-Xandir jissalvagwardaw il-libertà tal-espressjoni fir-radju u fit-televiżjoni, jipproteġi l-awtonomija ta’ fornituri ta’ servizzi tal-midja u l-interess pubbliku u jiżgura n-natura miftuħa u pluralista tar-radju u t-televiżjoni.

Kulħadd għandu d-dritt li jressaq ilment, rikors jew petizzjoni lill-Kunsill.

Ma jsir ebda ħlas għall-preżentazzjoni ta’ lment, rikors jew petizzjoni.

Meta l-ilment ikun jikkonċerna xandira partikolari, l-ilmentatur għandu jispeċifika l-ħin u d-data tax-xandira, l-isem tal-kanal u t-titolu tax-xandira (jew kwalunkwe tagħrif ieħor li jippermetti li x-xandara li jkunu s-suġġett tal-ilment jiġu identifikati).

Il-President tal-Kunsill jista’ jitlob li l-fornitur ta’ servizzi tal-midja jipprovdi xi evidenza, dokumenti u kjarifiki, meħtieġa sabiex jiġi vverifikat jekk il-fornitur ikunx aġixxa f’konformità mal-liġi.

L-ilment, ir-rikors jew il-petizzjoni għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed: fi żmien xahar fil-każ ta’ ilment jew rikors u fi żmien tlett xhur fil-każ ta’ petizzjoni.

Il-Kunsill għandu jinforma lir-rikorrent dwar il-mod li bih ġie pproċessat il-każ.

Il-President tal-Kunsill jista’ jitlob li l-fornitur ta’ servizzi tal-midja ma jibqax iforni servizzi tal-midja fejn dawn ikunu bi ksur tal-liġi.

F’ċerti każijiet, il-President tal-Kunsill jista’ jimponi penali finanzjarja fuq il-fornitur tas-servizzi tal-midja.

L-aħħar aġġornament: 23/01/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.