Sib informazzjoni għal kull reġjun
IL-QRATI NAZZJONALI
Skont il-Kostituzzjoni Pollakka (“Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej”), kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku, mingħajr dewmien żejjed, quddiem qorti kompetenti, imparzjali u indipendenti. Dan ifisser li kwalunkwe tilwim dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet garantiti mil-liġi nazzjonali jista’ jitressaq quddiem il-qrati nazzjonali. Il-liġi ċivili, tal-familja u tal-minorenni, il-liġi dwar ix-xogħol u s-sigurtà soċjali, il-liġi kummerċjali u l-liġi dwar il-falliment u każijiet kriminali u penitenzjarji huma deċiżi mill-qrati ordinarji. Il-qrati amministrattivi jissorveljaw l-legalità ta’ azzjoni mill-awtoritajiet. Il-qrati militari jamministraw l-ġustizzja fi ħdan il-forzi Armati Pollakki fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit minn Atti tal-Parlament u kif ukoll, fil-każijiet previsti f’Atti tal-Parlament, fir-rigward ta’ persuni li mhumiex membri tal-Forzi Armati Pollakki.
Il-qrati ordinarji, amministrattivi u militari joperaw skont il-prinċipju ta’ proċedimenti b’żewġ saffi, fejn persuna li mhijiex sodisfatta dwar il-mod kif il-każ ġie solvut mill-qorti tista’ tappella quddiem qorti superjuri kontra s-sentenza.
Barra minn hekk, il-Kostituzzjoni Pollakka tagħti kull persuna li d-drittijiet jew il-libertajiet kostituzzjonali ġew miksura d-dritt li tressaq ilment kostituzzjonali quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali (Trybunał Konstytucyjny). Dan l-ilment jista’ jitfassal biss minn avukat (“adwokat”) jew prokuratur legali (“radca prawny”) (l-eċċezzjonijiet huma l-imħallfin (“sędziowie”), il-prosekuturi (“prokuratorzy”), l-avukati (“adwokaci”), il-prokuraturi legali (“radcowie prawni”), in-nutara (“notariusze”), jew professuri jew doctor juris li jirrappreżentaw lilhom infushom) u huwa mingħajr ħlas tat-tariffi tal-qorti. L-ilmenti jistgħu jikkonċernaw strument regolatorju li fuq il-bażi tiegħu qorti jew awtorità pubblika tat deċiżjoni finali dwar id-drittijiet, il-libertajiet jew dazji stabbiliti fil-Kostituzzjoni.
ISTITUZZJONIJIET NAZZJONALI TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM
L-Ombudsman (“Rzecznik Praw Obywatelskich”)
Indirizz: Aleja Solidarności 77, 00-090 Warsaw
Ir-rwol tal-Ombudsman hu li jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni u ċittadini stabbiliti fil-Kostituzzjoni u fi strumenti regolatorji oħra.
Kulħadd għandu d-dritt li jressaq rikors quddiem l-Ombudsman għal assistenza f’każijiet li jinvolvu l-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet li ġew miksura mill-awtoritajiet.
Ir-rikorsi lill-Ombudsman huma mingħajr ħlas.
Wara li jeżamina r-rikors, l-Ombudsman jista’:
- jaċċetta l-każ;
- jindika r-rimedji disponibbli għar-rikorrent;
- jirrinvija l-kawża lill-entità kompetenti;
- jirrifjuta li jaċċetta l-każ.
Meta jieħu l-każ, l-Ombudsman jista’:
- iwettaq l-investigazzjoni huwa stess;
- jitlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jeżamina l-każ jew parti minnu;
- jitlob lis-Sejm (il-kamra inferjuri tal-Parlament Pollakk) biex tordna l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar (“Najwyższa Izba Kontroli”) biex twettaq verifika sabiex jeżamina l-każ inkwistjoni jew parti minnu.
Waqt li jwettaq il-ħidma tiegħu, l-Ombudsman għandu d-dritt li:
- jeżamina kull każ fuq il-post (anke mingħajr avviż minn qabel);
- jitlob kjarifiki u s-sottomissjoni ta’ fajls f’kull każ immexxi mill-awtoritajiet inkwistjoni;
- jitlob informazzjoni dwar il-progress f’każ immexxi mill-qrati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u aġenziji oħra ta’ infurzar tal-liġi, u jitlob li l-fajls jiġu sottomessi għal spezzjoni lill-Uffiċċju tal-Ombudsman wara li l-proċedimenti jkunu ġew kompletati u d-deċiżjoni tkun ittieħdet;
- iqabbad esperti u jitlob għal opinjonijiet oħra.
Meta jieħu l-każ, l-Ombudsman jista’:
- jispjega lir-rikorrenti li ma hemm ebda ksur tad-drittijiet u l-libertajiet tiegħu;
- jistieden awtorità, organizzazzjoni jew istituzzjoni li l-azzjoni tagħha tkun ġiet misjuba li kisret drittijiet u libertajiet sabiex tirrimedja għall-ksur inkwistjoni, u sussegwentement jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;
- jitlob l-awtorità li tissorvelja l-korp inkwistjoni biex tapplika l-miżuri previsti mil-liġi;
- jitlob li l-proċedimenti jkunu istitwiti u jieħu sehem fi kwalunkwe proċedura ċivili pendenti;
- jitlob li l-prosekutur bil-ġurisdizzjoni jistitwixxi proċedimenti ta’ qabel il-proċess f’każijiet li jinvolvu reati li ssir il-prosekuzzjoni tagħhom ex officio;
- jitlob li l-proċedimenti amministrattivi jiġu istitwiti, jagħmel ilmenti mal-qorti amministrattiva u jieħu sehem f’dawn il-proċedimenti;
- iressaq mozzjoni għal penali kif ukoll mozzjoni biex tiġi annullata d-deċiżjoni finali f’każijiet li jinvolvu reati minuri;
- iressaq azzjoni jew ilment f’kassazzjoni kontra deċiżjoni finali.
Jekk l-Ombudsman iqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar id-drittijiet u l-libertajiet jiġi emendat jew adottat, hu jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.
KORPI SPEĊJALIZZATI GĦAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM
L-Ombudsman għat-Tfal (“Rzecznik Praw Dziecka”)
Indirizz: ul. Przemysłowa 30/32, 00-450 Warsaw
L-Ombudsman għat-Tfal jaħdem biex jipproteġi d-drittijiet tat-tfal, inkluż:
- id-dritt għall-ħajja u l-kura tas-saħħa;
- id-dritt għal trobbija fil-familja;
- id-dritt għal kundizzjonijiet ta’ għajxien diċenti;
- id-dritt għal edukazzjoni;
- id-drittijiet tat-tfal b’diżabilità;
- il-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ vjolenza, krudeltà, sfruttament, demoralizzazzjoni, negliġenza u moħqrija oħra.
Kulħadd għandu d-dritt li jressaq rikors għal assistenza quddiem l-Ombudsman għat-Tfal f’każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ drittijiet jew interessi ta’ minuri.
Ir-rikorsi lill-Ombudsman għat-Tfal huma mingħajr ħlas.
Meta jkun qiegħed imexxi l-proċedimenti, l-Ombudsman għat-Tfal jista’:
- jeżamina kull każ fuq il-post (anke mingħajr avviż minn qabel);
- jitlob il-korpi kkonċernati biex jipprovdu kjarifiki jew informazzjoni jew jirrendi l-fajls disponibbli;
- iqabbad esperti u jitlob għal opinjonijiet oħra.
Meta jieħu każ, l-Ombudsman għat-Tfal jista’:
- jitlob lill-korpi kompetenti biex jieħdu azzjoni għal benefiċċju tat-tfal;
- jitlob li tittieħed azzjoni dixxiplinari jew jiġu imposti sanzjonijiet dixxiplinari fejn jinstab li l-korp inkwistjoni jkun kiser id-drittijiet jew l-interessi tat-tfal;
- jipparteċipa fi proċedimenti quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali li ġew istitwiti fuq talba tal-Ombudsman jew f’każijiet ta’ lmenti kostituzzjonali li għandhom impatt fuq id-drittijiet tat-tfal;
- iressaq mozzjonijiet quddiem il-Qorti Suprema (“Sąd Najwyższy”) sabiex issolvi diverġenzi fl-interpretazzjoni ta’ regolamenti legali li jikkonċernaw id-drittijiet tat-tfal;
- iressaq azzjoni jew ilment f’kassazzjoni;
- jitlob li l-proċedimenti jkunu istitwiti u jieħu sehem fi kwalunkwe proċedura ċivili pendenti;
- jipparteċipa fi proċedimenti li jinvolvu minorenni;
- jitlob lill-prosekutur kompetenti jistitwixxi proċedimenti ta’ qabel il-proċess f’każijiet li jinvolvu reati;
- jitlob li l-proċedimenti amministrattivi jiġu istitwiti, jagħmel ilmenti mal-qorti amministrattiva u jieħu sehem f’dawn il-proċedimenti;
- iressaq mozzjoni għal penali f’każijiet li jinvolvu reati minuri.
Jekk l-Ombudsman għat-Tfal iqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar id-drittijiet tat-tfal jiġi emendat jew adottat, hu jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.
L-Ombudsman tal-Pazjenti (“Rzecznik Praw Pacjenta”)
Indirizz: ul. Młynarska 46, 01-171 Warsaw
L-Ombudsman tal-Pazjenti huwa l-korp kompetenti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti.
Kull persuna għandha d-dritt li tirrikori għand l-Ombudsman tal-Pazjenti għall-assistenza fil-każ li nkisru d-drittijiet ta’ pazjent.
Ir-rikorsi lill-Ombudsman tal-Pazjenti huma mingħajr ħlas.
Wara li jeżamina r-rikors, l-Ombudsman tal-Pazjenti jista’:
- jaċċetta l-każ;
- jindika r-rimedji disponibbli għar-rikorrent;
- jirrinvija l-kawża lill-entità kompetenti;
- jirrifjuta li jaċċetta l-każ.
Meta jieħu l-każ, l-Ombudsman tal-Pazjenti jista’:
- iwettaq l-investigazzjoni huwa stess;
- jitlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jeżaminaw il-każ jew parti minnu.
Waqt li jwettaq il-ħidma tiegħu, l-Ombudsman tal-Pazjenti għandu d-dritt li:
- jeżamina kull każ fuq il-post (anke mingħajr avviż minn qabel);
- jitlob kjarifiki u s-sottomissjoni ta’ fajls f’kull każ immexxi mill-awtoritajiet inkwistjoni;
- jitlob informazzjoni dwar il-progress f’każ immexxi mill-qrati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u aġenziji oħra ta’ infurzar tal-liġi, u jitlob li l-faljs jiġu sottomessi għal spezzjoni lill-Uffiċċju tal-Ombudsman tal-Pazjenti wara li l-proċedimenti jkunu ġew kompletati u d-deċiżjoni tkun ittieħdet;
- iqabbad esperti u jitlob għal opinjonijiet oħra.
Meta jieħu l-każ, l-Ombudsman jista’:
- jispjega lir-rikorrenti li ma hemm ebda ksur tad-drittijiet ta’ pazjent;
- jistieden awtorità, organizzazzjoni jew istituzzjoni li l-azzjoni tagħha tkun ġiet misjuba li kisret id-drittijiet tal-pazjent sabiex tirrimedja għall-ksur inkwistjoni;
- jitlob l-awtorità li tissorvelja l-korp imsemmi hawn fuq biex tapplika l-miżuri previsti mil-liġi;
- jitlob li l-proċedimenti jkunu istitwiti u li jieħu sehem fi kwalunkwe proċedimenti ċivili pendenti.
Jekk l-Ombudsman tal-Pazjenti iqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar id-drittijiet ta’ pazjenti jiġi emendat jew adottat, hu jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.
L-Ispettur Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali (“Generalny Inspektor Ochrony Danych Osobowych”)
Indirizz: ul. Stawki 2, 00-193 Warsaw
L-Ispettur Ġenerali huwa l-korp kompetenti għall-protezzjoni tad-dejta personali.
Meta d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (“ustawa o ochronie danych osobowych”) jkunu ġew miksura, is-suġġett tad-dejta jista’ jressaq ilment quddiem l-Ispettur Ġenerali.
Il-proċedimenti amministrattivi mmexxija mill-Ispettur-Ġenerali jikkonsistu fl-eżami tal-ipproċessar ta’ dejta personali tar-rikorrent.
Meta jkunu qed imexxu l-proċedimenti, l-Ispettur Ġenerali, id-Deputat Spettur Ġenerali u l-persunal awtorizzat ikollhom d-dritt li:
- jidħlu fil-post fejn tkun tinsab is-sistema tal-fajling tad-dejta kif ukoll fil-post fejn tiġi pproċessata d-data, u li jwettqu l-verifiki neċessarji;
- jitolbu kjarifiki u jsejħu u jinterrogaw individwi sabiex jistabbilixxu l-fatti;
- jispezzjonaw kwalunkwe dokument u dejta relatati direttament mas-suġġett tal-ispezzjoni u jagħmlu kopji tagħhom;
- jispezzjonaw it-tagħmir, il-midja u s-sistemi tal-IT użati biex jipproċessaw id-dejta;
- iqabbdu esperti u jitolbu għal opinjonijiet oħra.
Wara li jmexxi l-proċedimenti, l-Ispettur Ġenerali - meta r-regolamenti jinstabu li ġew miksura - joħroġ deċiżjoni li tordna li l-konformità tiġi stabbilità mill-ġdid, inkluż:
- li jintemmu l-irregolaritajiet;
- li tiġi supplimentata, aġġornata jew rettifikata dejta personali, b’mod li jagħmluha disponibbli jew li jastjenu milli jagħmlu dan;
- li jittieħdu miżuri addizzjonali biex jipproteġu dejta personali;
- li ma jitkomplix t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz;
- l-iżgurar ta’ dejta jew it-trasferiment tagħha lil korpi oħra;
- it-tħassir ta’ dejta personali.
Minkejja dak li ntqal hawn fuq, abbażi tal-informazzjoni miġbura matul l-eżami tal-każ, l-Ispettur Ġenerali, ex officio, jiddeċiedi jekk għandux jeżerċita s-setgħat li ġejjin:
- li tintbagħat ittra lill-korp li huwa kkonċernat bl-ilment;
- li jitlob li tiġi istitwita azzjoni dixxiplinari jew azzjoni oħra skont il-liġi kontra l-awturi ta’ ksur;
- li jinnotifika aġenzija tal-infurzar tal-liġi bir-reat issuspettat.
Jekk l-Ispettur Ġenerali iqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali jiġi emendat jew adottat, hu jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.
Il-Gvern Plenipotenzjarju għat-Trattament Indaqs (“Pełnomocnik Rządu ds. Równego Traktowania”)
Indirizz: Al. Ujazdowskie 1/3, 00-583 Warsaw
Il-Plenipotenzjarju huwa l-korp tal-gvern responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ politiki marbutin mat-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni.
Kulħadd għandu d-dritt li jressaq ilment, rikors jew petizzjoni lill-Plenipotenzjarju.
Ma jsir ebda ħlas għall-preżentazzjoni ta’ lment, rikors jew petizzjoni.
Jekk il-fatt ta’ rispons għal dak imsemmi hawn fuq jirrikjedi l-eżami minn qabel u l-kjarifikazzjoni tal-fatti tal-każ, il-Plenipotenzjarju jiġbor l-evidenza meħtieġa. Għal dak il-għan, huwa jista’ jitlob li awtoritajiet oħra jipprovdu l-evidenza u l-kjarifiki meħtieġa.
L-ilment, ir-rikors jew il-petizzjoni għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed:
- fi żmien xahar fil-każ ta’ ilment jew rikors;
- fi żmien tlett xhur fil-każ ta’ petizzjoni.
Il-Plenipotenzjarju jinforma lir-rikorrent dwar il-mod li bih ġie pproċessat il-każ.
Fil-każ li jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ trattament indaqs, il-Plenipotenzjarju jieħu miżuri sabiex jitneħħew jew jittaffew l-effetti ta’ tali ksur.
Jekk il-Plenipotenzjarju jqis li huwa neċessarju li strument regolatorju dwar it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni jiġi emendat jew adottat, huwa jista’ jagħmel talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet kompetenti.
Il-Gvern Plenipotenzjarju għal Persuni b’Diżabilità (Pełnomocnik Rządu ds. Osób Niepełnosprawnych)
Il-Plenipotenzjarju jeżerċita superviżjoni sostantiva fit-twettiq ta’ kompiti li jirriżultaw mir-Riabilitazzjoni Soċjali u Okkupazzjonali u l-Impjiegi (Persuni b’Diżabilità) (ustawa o rehabilitacji zawodowej i społecznej oraz zatrudnianiu osób niepełnosprawnych).
Il-Plenipotenzjarju jissorvelja l-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ diżabilità u d-determinazzjoni tal-grad ta’ diżabilità.
Kulħadd għandu d-dritt li jressaq ilment, rikors jew petizzjoni lill-Plenipotenzjarju.
Jekk il-fatt ta’ rispons għal dak imsemmi hawn fuq jirrikjedi l-eżami minn qabel u l-kjarifikazzjoni tal-fatti tal-każ, il-Plenipotenzjarju jiġbor l-evidenza meħtieġa. Għal dak il-għan, huwa jista’ jitlob li awtoritajiet oħra jipprovdu l-evidenza u l-kjarifiki meħtieġa.
L-ilment, ir-rikors jew il-petizzjoni għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed:
- fi żmien xahar fil-każ ta’ ilment jew rikors;
- fi żmien tlett xhur fil-każ ta’ petizzjoni.
Il-Plenipotenzjarju jinforma lir-rikorrent dwar il-mod li bih ġie pproċessat il-każ.
Jekk, fi ħdan il-qafas ta’ superviżjoni, il-Plenipotenzjarju jsib li hemm dubju raġonevoli dwar jekk deċiżjoni tirriflettix l-fatti tal-każ jew li deċiżjoni tista’ tkun ingħatat b’mod illegali, huwa jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti sabiex:
- tannulla d-deċiżjoni;
- terġa’ tissokta bil-proċedimenti.
KORPI SPEĊJALIZZATI OĦRAJN
Il-Kunsill Nazzjonali tax-Xandir (“Krajowa Rada Radiofonii i Telewizji”)
Indirizz: Skwer kard. S. Wyszyńskiego 9, 01-015 Warsaw
Il-Kunsill Nazzjonali tax-Xandir jissalvagwardaw il-libertà tal-espressjoni fir-radju u fit-televiżjoni, jipproteġi l-awtonomija ta’ fornituri ta’ servizzi tal-midja u l-interess pubbliku u jiżgura n-natura miftuħa u pluralista tar-radju u t-televiżjoni.
Kulħadd għandu d-dritt li jressaq ilment, rikors jew petizzjoni lill-Kunsill.
Ma jsir ebda ħlas għall-preżentazzjoni ta’ lment, rikors jew petizzjoni.
Meta l-ilment ikun jikkonċerna xandira partikolari, l-ilmentatur għandu jispeċifika l-ħin u d-data tax-xandira, l-isem tal-kanal u t-titolu tax-xandira (jew kwalunkwe tagħrif ieħor li jippermetti li x-xandara li jkunu s-suġġett tal-ilment jiġu identifikati).
Il-President tal-Kunsill jista’ jitlob li l-fornitur ta’ servizzi tal-midja jipprovdi xi evidenza, dokumenti u kjarifiki, meħtieġa sabiex jiġi vverifikat jekk il-fornitur ikunx aġixxa f’konformità mal-liġi.
L-ilment, ir-rikors jew il-petizzjoni għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed: fi żmien xahar fil-każ ta’ ilment jew rikors u fi żmien tlett xhur fil-każ ta’ petizzjoni.
Il-Kunsill għandu jinforma lir-rikorrent dwar il-mod li bih ġie pproċessat il-każ.
Il-President tal-Kunsill jista’ jitlob li l-fornitur ta’ servizzi tal-midja ma jibqax iforni servizzi tal-midja fejn dawn ikunu bi ksur tal-liġi.
F’ċerti każijiet, il-President tal-Kunsill jista’ jimponi penali finanzjarja fuq il-fornitur tas-servizzi tal-midja.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.