Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

Fl-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija ggarantita kemm fuq il-livell nazzjonali mis-sistemi kostituzzjonali tal-Istati Membri kif ukoll fuq il-livell tal-UE mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, li mhix istituzzjoni tal-UE iżda organu tal-Kunsill tal-Ewropa, tipprovdi saff addizzjonali ta’ protezzjoni f’każ ta’ ksur allegat tad-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tistabbilixxi serje ta' drittijiet u libertajiet tal-individwu. Hija tinkorpora d-drittijiet żviluppati fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, misjuba fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll drittijiet u prinċipji oħra li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri tal-UE u strumenti internazzjonali oħra.

Imfassla minn rappreżentanti tal-gvern u l-membri parlamentari mill-pajjiżi kollha tal-UE, il-Karta tistabbilixxi d-drittijiet fundamentali – bħal-libertà tal-espressjoni jew ir-reliġjon, kif ukoll id-drittijiet ekonomiċi u soċjali – li jirriflettu l-valuri komuni tal-Ewropa u l-patrimonju kostituzzjonali. Il-Karta fiha wkoll l-hekk imsejħa drittijiet tat-"tielet ġenerazzjoni" iktar ġodda, bħad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

Jekk inti tikkunsidra li kienu vjolati d-drittijiet fundamentali tiegħek, għandek il-possibbiltà li tfittex l-għajnuna minn diversi istituzzjonijiet jew awtoritajiet fl-Istati Membri, jew, taħt ċerti kondizzjonijiet, fil-livell tal-UE.

Din it-taqsima tipprovdi tagħrif dwar l-istituzzjonijiet li għandek tikkuntattja f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali. Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Fil-livell nazzjonali

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tapplika għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE. L-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri – leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji – huma marbuta biss li jikkonformaw mal-Karta meta jimplimentaw il-liġi tal-UE, notevolment meta jkunu qed japplikaw regolamenti jew deċiżjonijiet tal-UE jew meta jkunu qed jimplimentaw direttivi tal-UE. L-imħallfin fl-Istati Membri, taħt il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom is-setgħa li jiżguraw li l-Karta tiġi rispettata mill-Istati Membri biss meta dawn ikunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE.

Jekk is-sitwazzjoni ma tirrigwardax il-liġi tal-UE, huma l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati, li għandhom jinfurzaw id-drittijiet fundamentali. Fejn ma tapplikax il-Karta, id-drittijiet fundamentali jkomplu jkunu ggarantiti fuq il-livell nazzjonali skont is-sistemi kostituzzjonali nazzjonali. L-Istati Membri għandhom regoli nazzjonali estensivi dwar id-drittijiet fundamentali, li r-rispett tagħhom huwa ggarantit mill-qrati nazzjonali.

L-Istati Membri kollha daħlu għal impenji skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, indipendentement mill-obbligi li għandhom taħt il-liġi tal-UE. Għalhekk, bħala l-aħħar possibbiltà, u wara li jkunu eżawrew ir-rimedji kollha disponibbli fuq il-livell nazzjonali, l-individwi jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu għal ksur minn Stat Membru ta’dritt fundamentali ggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Il--Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fasslet lista ta' kontroll tal-ammissibbiltà sabiex tgħin applikanti potenzjali jikkonkludu waħedhom jekk jistax ikun hemm ostakli biex l-ilmenti tagħhom ikunu eżaminati mill-Qorti.

Fil-livell tal-UE

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali tapplika għal azzjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-UE kollha. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħha jirrispettaw il-Karta. L-istituzzjonijiet kollha tal-UE (u notevolment il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) huma responsabbli biex jirrispettaw il-Karta matul il-proċess leġiżlattiv.

Il-Karta tapplika għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE. Jekk individwu jqis li awtorità nazzjonali tkun kisret il-Karta meta implimentat il-liġi tal-UE, huwa jista’ jressaq ilment quddiem il-Kummissjoni, li għandha s-setgħa li tagħti bidu għall-proċedimenti ta' ksur kontra l-Istat Membru.

Il-Kummissjoni mhijiex korp ġudizzjarju jew qorti tal-appell kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali jew internazzjonali. Lanqas, bħala kwistjoni ta' prinċipju, ma teżamina l-mertu ta' każ individwali, ħlief jekk dan ikun rilevanti biex twettaq ix-xogħol tagħha li tiżgura li l-Istati Membri japplikaw il-liġi tal-UE b'mod korrett. B'mod partikolari, jekk tindividwa problema usa', il-Kummissjoni tista' tikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali biex jirranġawha, u fl-aħħar mill-aħħar ittella' Stat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-għan ta’ dawn il-proċedimenti huwa li jkun żgurat li l-liġi nazzjonali kkonċernata - jew prattika mill-amministrazzjonijiet jew qrati nazzjonali - hija allinjata mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu hija istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea. Hija l-awtorità finali fir-rigward tat-Trattati, il-Karta u l-liġi tal-UE. Hija tiżgura li dawn jiġu interpretati u applikati bl-istess mod madwar l-Unjoni, u li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jagħmlu dak li titlob minnhom il-liġi tal-UE.

Meta individwi jew negozji jqisu li att tal-istituzzjonijiet tal-UE li qed jaffettwahom direttament jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom, dawn jistgħu jressqu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li soġġett għal ċerti kondizzjonijiet għandha l-poter li tannulla tali att. Madankollu, individwu ma jistax jieħu azzjoni kontra persuna oħra (naturali jew ġuridika) jew kontra Stat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jitlob li l-Unjoni Ewropea tissieħeb fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Meta dan il-proċess tlesta, l-individwi li jqisu li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom ġew miksura mill-UE, wara li jkunu eżawrew ir-rimedji kollha disponibbli fuq livell nazzjonali, se jkunu jistgħu wkoll iressqu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan se jintroduċi kontroll ġudizzjarju addizzjonali f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE.

L-aħħar aġġornament: 09/07/2024

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.