Sib informazzjoni għal kull reġjun
Qrati ordinarji - introduzzjoni
Qorti suprema
Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation/Hof van Cassatie): din hija l-qorti suprema – il-“qorti tal-qrati” – li tinsab fi Brussell.
Cour d'assises
Hemm cour d'assises (cour d’assises/hof van assisen) għal kull waħda mill-10 provinċji u għad-distrett amministrattiv ta’ Brussell. Din mhijiex qorti permanenti iżda titlaqqa’ kull meta jintbagħtu persuni akkużati quddiemha.
Qrati tal-appell
- Qorti tal-appell (cour d’appel/hof van beroep): hemm ħames qrati tal-appell fil-Belġju:
- Brussell (għad-distretti ġudizzjarji ta’ Walloon Brabant, Leuven u Brussell),
- Liège (għad-distretti ġudizzjarji ta’ Liège, Eupen, Namur u l-Lussemburgu),
- Mons (għad-distrett ġudizzjarju ta’ Hainaut),
- Ghent (għad-distretti ġudizzjarji ta’ Flanders tal-Punent u ta’ Flanders tal-Lvant),
- Antwerp (għad-distretti ġudizzjarji ta’ Antwerp u ta’ Limburg).
- Qorti industrijali (cour du travail/arbeidshof): hemm ħames qrati industrijali fil-Belġju. Dawn huma l-qrati tal-appell li jispeċjalizzaw fil-liġi industrijali. Huma għandhom l-istess ġurisdizzjoni territorjali bħall-qrati tal-appell imsemmija hawn fuq.
Qrati tal-prim’istanza
- Qorti tal-prim’istanza (tribunal de première instance/rechtbank van eerste aanleg): hemm 13-il qorti tal-prim’istanza fil-Belġju (waħda għal kull distrett ġudizzjarju u tnejn fid-distrett ta’ Brussell – waħda li titkellem bl-Olandiż u waħda li titkellem bil-Franċiż).
- Tribunal industrijali (tribunal du travail/arbeidsrechtbank): hemm disa’ tribunali industrijali fil-Belġju (fil-prinċipju, wieħed fil-ġurisdizzjoni territorjali ta’ kull qorti tal-appell, ħlief għall-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tal-appell ta’ Brussell, fejn hemm tribunali industrijali f’Leuven u Nivelles u tnejn oħra fi Brussell innifisha – wieħed li jitkellem bl-Olandiż u wieħed li jitkellem bil-Franċiż – u ħlief għad-distrett ġudizzjarju ta’ Eupen).
- Qorti tan-negozju (tribunal de l’entreprise/ondernemingsrechtbank): hemm disa’ qrati tan-negozju fil-Belġju (fil-prinċipju, waħda fil-ġurisdizzjoni territorjali ta’ kull qorti tal-appell, ħlief għall-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tal-appell ta’ Brussell, fejn hemm qrati tan-negozju f’Leuven u Nivelles u tnejn oħra fi Brussell innifisha – waħda li titkellem bl-Olandiż u waħda li titkellem bil-Franċiż – u ħlief għad-distrett ġudizzjarju ta’ Eupen).
Qrati inferjuri jew lokali
- Qorti tal-imħallef tal-paċi (justice de paix/vredegerecht): hemm 187 qorti tal-imħallef tal-paċi fil-Belġju (waħda għal kull distrett ġudizzjarju).
- Qorti tal-pulizija (tribunal de police/politierechtbank): hemm 15-il qorti tal-pulizija fil-Belġju, jiġifieri waħda għal kull distrett ġudizzjarju, ħlief għal Brussell fejn hemm erbgħa.
Ġurisdizzjoni tal-qrati
Qorti tal-imħallef tal-paċi
Il-qorti tal-imħallef tal-paċi tittratta t-talbiet kollha ta’ anqas minn EUR 5 000 li ma jkunux assenjati esklussivament lil qorti oħra. L-imħallef tal-paċi (juge de paix/vrederechter) għandu wkoll ġurisdizzjoni fuq tilwim li jirrigwarda kirjiet, fastidju, servitù u xiri obbligatorju, tkun xi tkun is-somma involuta, u li jordna miżuri interim f’tilwim bejn il-konjuġi. Ħlief f’każijiet fejn it-talba ma taqbiżx EUR 2 000, is-sentenzi tal-imħallef tal-paċi huma miftuħa għall-appell quddiem il-qorti tal-prim’istanza.
Qorti tal-pulizija
Il-qorti tal-pulizija hija qorti kriminali u ċivili li tikkunsidra kontravenzjonijiet (contraventions/overtredingen), reati prosegwibbli (délits/wanbedrijven) li jkunu qed jiġu ttrattati bħala kontravenzjonijiet, ksur ta’ liġijiet speċifiċi (bħall-Kodiċi Rurali (Code rural/Veldwetboek) jew il-Kodiċi Forestali (Code forestier/Boswetboek)), talbiet għal kumpens għad-danni li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku, u reati tat-traffiku fit-toroq. Is-sentenzi tal-qorti tal-pulizija huma miftuħa għall-appell quddiem il-qorti tal-prim’istanza, ħlief fil-kwistjonijiet elenkati fil-Kodiċi Ġudizzjarju (Code judiciaire/Gerechtelijk Wetboek) fejn it-talba ma taqbiżx EUR 1 240.
Qorti tal-prim’istanza
Il-qorti tal-prim’istanza għandha ġurisdizzjoni fuq it-tilwimiet kollha li ma jkunux assenjati bil-liġi lil qrati oħra. Għalhekk għandha ġurisdizzjoni residwa.
Il-qorti tal-prim’istanza hija suddiviża f’erba’ sezzjonijiet: il-qorti ċivili, il-qorti kriminali, il-qorti tal-familja u l-qorti tal-minorenni. Mill-2007 kien hemm ukoll sezzjoni msejħa l-qorti tal-infurzar tas-sentenzi fil-qrati tal-prim’istanza f’Antwerp, Brussell, il-Flanders tal-Lvant, Liège u Hainaut.
Qorti ċivili
Il-qorti ċivili (tribunal civil/burgerlijke rechtbank) tittratta kwistjonijiet ta’ status personali. Hija għandha wkoll ġurisdizzjoni fuq tilwim li jinvolvi somom ta’ aktar minn EUR 1 860, tilwim dwar id-drittijiet ta’ suċċessjoni jew id-drittijiet tal-awtur, u appelli kontra sentenzi mogħtija minn imħallef tal-paċi.
Qorti kriminali
Il-qorti kriminali (tribunal correctionnel/correctionele rechtbank) tipproċessa r-reati u r-reati serji (crimes/misdaden) kollha, bħal qerq, frodi, qtil ta’ persuna mingħajr intenzjoni, serq mid-djar jew serq, li jkunu qed jiġu ttrattati bħala reati prosegwibbli. Hija tisma’ wkoll appelli kontra sentenzi mogħtija minn qorti tal-pulizija.
Kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-qorti kriminali b’wieħed minn żewġ modi: permezz ta’ ċitazzjoni diretta maħruġa mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (ministère public/openbaar ministerie) jew minn parti li titlob il-kumpens għad-danni, jew permezz ta’ ordni magħmula mill-bank ta’ qabel il-proċess tal-qorti tal-prim’istanza, li tiddetermina, fit-tmiem tal-kompilazzjoni (instruction/gerechtelijk onderzoek), jekk l-akkużat għandux jitressaq għal proċess quddiem il-qorti kriminali jew le.
Il-bank ta’ qabel il-proċess (chambre du conseil/raadkamer) jittratta l-kompilazzjonijiet. Dan jikkonsisti minn imħallef tal-qorti tal-prim’istanza waħdu, li jikkunsidra jekk il-każ għandux jiġi rinvijat lill-qorti kriminali jew jekk l-akkużat għandux jiġi rilaxxat (non lieu/buitenvervolginstelling). Huwa wkoll il-bank ta’ qabel il-proċess li jiddeċiedi jekk l-akkużat għandux jinżamm fuq detenzjoni preventiva jew jiġix meħlus, jekk ikun meħtieġ soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jew fuq bażi ta’ xahar b’xahar, jew, fil-każ ta’ reat prosegwibbli serju li ma jkunx jista’ jiġi ttrattat bħala reat prosegwibbli, kull tliet xhur.
Detenzjoni preventiva (détention préventive/voorlopige hechtenis) hija miżura ta’ sigurtà fejn persuna suspettata li wettqet reat prosegwibbli jew reat prosegwibbli serju tinżamm b’mod preventiv sakemm isir il-proċess. Din tista’ tiġi ordnata sabiex jiġi evitat li s-suspettat jonqos milli jidher quddiem l-imħallef, iwettaq reati oħra f’dak iż-żmien, jipprova jiddisponi mill-evidenza, jew jikkuntattja persuni oħra (pereżempju biex jinfluwenza x-xhieda jew il-kokonvenuti). Il-persuni suspettati li finalment jiġu meħlusa mill-akkużi jew li l-proċedimenti kontrihom jitwaqqgħu jistgħu jitolbu kumpens mill-Ministru tal-Ġustizzja għaż-żmien li jkunu qattgħu b’mod inġust fil-ħabs. Sabiex jingħata dan il-kumpens għal detenzjoni mhux ġustifikata (indemnité en cas de détention inopérante/vergoeding wegens onwerkzame hechtenis), iridu jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet: il-persuna suspettata trid tkun inżammet għal aktar minn tmint ijiem, u ma tridx tkun ikkawżat id-detenzjoni jew it-tkomplija tad-detenzjoni bl-imġiba personali tagħha. Il-Ministru jivvaluta din il-kundizzjoni tal-aħħar b’mod strett ħafna.
Id-deċiżjonijiet tal-bank ta’ qabel il-proċess jistgħu jiġu kkontestati fl-appell quddiem is-sezzjoni tal-akkużi (chambre des mises en accusation/kamer van inbeschuldigingstelling) tal-qorti tal-appell. Din hija s-sezzjoni li tittratta l-kompilazzjonijiet fil-livell tal-qorti tal-appell.
Qorti tal-minorenni
Is-sezzjonijiet tal-minorenni li jiffurmaw il-qorti tal-minorenni (tribunal de la jeunesse/jeugdrechtbank) għandhom ġurisdizzjoni fuq kwistjonijiet li jinvolvu żgħażagħ f'riskju u minorenni li jkunu wettqu reati kriminali.
L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku biss jista’ jiddeċiedi jekk każ għandux jitressaq quddiem il-qorti tal-minorenni. B’differenza minn kwistjonijiet ċivili, ma jistgħux jitressqu kawżi minn individwi. Il-minorenni jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tal-minorenni f’żewġ każijiet.
- L-ewwel nett, jekk ikunu wettqu reat, il-pulizija tagħti isimhom lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Dan tal-aħħar imbagħad jiddeċiedi jekk l-avvenimenti jkunux suffiċjentement serji biex jiġu rinvijati lill-imħallef tal-minorenni.
- It-tieni, jekk iż-żgħażagħ ikunu għaddejjin minn sitwazzjoni diffiċli d-dar, x’aktarx li diġà jkunu ġew f’kuntatt ma’ uffiċċju taż-żgħażagħ (service d’aide à la jeunesse). Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni tagħhom, l-uffiċċju taż-żgħażagħ jirreferi l-każ lil kumitat ta’ medjazzjoni (commission de médiation) li jittratta l-appoġġ speċjali għaż-żgħażagħ. Jekk ikun meħtieġ, dan il-kumitat ta’ medjazzjoni jista’ jitlob lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku biex jirreferi l-każ lill-qorti tal-minorenni sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri xierqa.
Qorti tal-familja
Il-qorti tal-familja (tribunal de la famille/familierechtbank) għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ kull tilwima relatata mal-familja skont l-Artikoli 572bis u 577(3) tal-Kodiċi Ġudizzjarju.
Ħlief għal xi eċċezzjonijiet, il-qorti għandha ġurisdizzjoni fuq il-kwistjonijiet li ġejjin, irrispettivament mis-somma involuta fit-tilwima:
- kwalunkwe rikors li jinvolvi l-istatus personali u l-konsegwenzi tiegħu: tilwim relatat maż-żwieġ jew mal-obbligi tiegħu, id-divorzju u l-konsegwenzi tiegħu fuq il-proprjetà, l-istabbiliment jew il-kontestazzjoni ta’ filjazzjoni, il-kontestazzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet li jkunu ħadu r-reġistraturi, eċċ.;
- kwalunkwe rikors li jinvolvi l-koabitazzjoni legali u l-konsegwenzi tagħha: miżuri relatati mal-proprjetà tal-koabitanti, il-kanċellazzjoni ta’ koabitazzjonijiet legali, eċċ.;
- kwalunkwe rikors li jinvolvi t-tfal: id-determinazzjoni tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri u/jew l-arranġamenti tal-għajxien, id-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ kuntatt, eċċ.;
- kwalunkwe rikors li jinvolvi l-obbligi ta’ manteniment: l-istabbiliment jew l-emendar tal-manteniment għal ex-konjuġi jew ġenitur, id-determinazzjoni jew l-adattament ta’ kontribuzzjoni għall-manteniment, eċċ.;
- ċerti rikorsi li jinvolvu benefiċċji tal-familja: id-determinazzjoni tal-pretendent tal-benefiċċji tal-familja jew il-kontestazzjoni tal-pagament tal-benefiċċji tal-familja lill-pretendent;
- kwalunkwe rikors li jinvolvi l-proprjetà ta’ familja: rigali ta’ proprjetà mill-proprjetà tal-familja, is-saldu ta’ proprjetà li tappartjeni lill-konjuġi, tilwim dwar il-wirt (eż. rinunzja ta’ wirt), eċċ.;
- kwalunkwe rikors li jinvolvi projbizzjoni temporanja fuq ir-residenza fil-każ ta’ vjolenza domestika.
Il-qorti għandha l-ġurisdizzjoni wkoll li tordna miżuri interim u urġenti.
Fl-aħħar nett, hija għandha wkoll il-ġurisdizzjoni li tisma’ kwalunkwe appell kontra sentenzi mogħtija minn imħallfin tal-paċi fir-rigward ta’ persuni neqsin mill-kapaċità.
Qrati tal-infurzar tas-sentenzi
Il-qorti tal-infurzar tas-sentenzi (tribunal de l’application des peines/strafuitvoeringsrechtbank) tagħti sentenzi dwar l-istatus legali barra mill-ħabs ta’ persuni kkundannati għal ċaħda tal-libertà. Il-qorti tista’ tippermetti l-arranġamenti li ġejjin: detenzjoni limitata (détention limitée/beperkte detentie), sorveljanza elettronika, libertà kondizzjonali (libération conditionnelle/voorwaardelijke invrijheidstelling) u libertà provviżorja (mise en liberté provisoire/voorlopige invrijstelling) bil-ħsieb ta’ espulsjoni jew ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini. Id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-infurzar tas-sentenzi jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew mill-persuna kkundannata.
Appelli kontra deċiżjonijiet tal-qorti tal-prim’istanza
Ħlief fil-każ ta’ deċiżjonijiet meħuda minn qorti tal-infurzar tas-sentenzi, meta parti jew l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ma jkunux sodisfatti b’sentenza mogħtija minn qorti tal-prim’istanza, huma jistgħu jappellaw is-sentenza, bil-kundizzjoni li din tkun ingħatat fil-prim’istanza, jiġifieri ma tkunx ingħatat hija stess fl-appell kontra deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-pulizija jew minn imħallef tal-paċi. F’dan il-każ, l-appell jinstema’ mill-qorti tal-appell, irrispettivament minn jekk is-sentenza kkontestata tkunx ġiet mogħtija minn qorti ċivili, qorti kriminali jew qorti tal-minorenni.
Tribunal industrijali
Tribunal industrijali għandu ġurisdizzjoni fuq kwistjonijiet soċjali: is-sigurtà soċjali (pensjonijiet, qgħad, eċċ.), it-tilwim industrijali (kuntratti ta’ impjieg, regolamenti tax-xogħol, eċċ.) u l-inċidenti industrijali. Huwa jiddeċiedi wkoll dwar rikorsi għal arranġamenti mal-kredituri (règlement collectif de dettes/collectieve schuldenregeling) ippreżentati minn individwi.
Tribunal industrijali huwa magħmul minn diversi sezzjonijiet. Ħlief fejn ikun previst mod ieħor mill-Kodiċi Ġudizzjarju, dawn jikkonsistu minn imħallef professjonali, li jippresjiedi, u żewġ imħallfin mhux esperti. Skont in-natura tal-każ li jkun qed jinstema’ mit-tribunal, l-imħallfin mhux esperti jirrappreżentaw lill-ħaddiema, lil min iħaddem jew lill-persuni li jaħdmu għal rashom. Huma jinħatru wara li jkunu ġew nominati minn organizzazzjonijiet fid-dinja tax-xogħol (min iħaddem, ħaddiema mhux manwali, ħaddiema manwali jew persuni li jaħdmu għal rashom). F’dan ir-rwol, il-prosekutur pubbliku huwa magħruf bħala l-prosekutur pubbliku għax-xogħol (auditeur du travail/arbeidsauditeur), u l-uffiċċju tiegħu bħala l-auditorat du travail/arbeidsauditoraat.
Parti li ma taqbilx mas-sentenza tat-tribunal industrijali tista’ tappella quddiem il-qorti industrijali.
Qorti tan-negozju
Il-qorti tan-negozju għandha ġurisdizzjoni fuq tilwim bejn in-negozji, irrispettivament mill-ammont involut.
L-individwi jistgħu jressqu wkoll azzjonijiet kontra n-negozji quddiem il-qorti tan-negozju.
Il-qorti tan-negozju tisma’ tilwim bejn in-negozji, jiġifieri persuni fiżiċi li jaħdmu fuq bażi ta’ impjieg għal rashom (kummerċjanti, professjonijiet liberi u diretturi), persuni ġuridiċi (kumpaniji, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet) u organizzazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika. It-tilwim ma jridx jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni speċjali ta’ qrati oħra u, fir-rigward ta' persuni fiżiċi, ma jridx jinvolvi att li jkun b’mod ċar mhux marbut man-negozju.
Il-qorti tan-negozju tinkludi sezzjoni waħda jew aktar. Kull sezzjoni tikkonsisti minn imħallef professjonali u żewġ imħallfin mhux esperti. Dawn l-imħallfin mhux esperti mhumiex imħallfin professjonali, iżda pjuttost intraprendituri, diretturi ta’ kumpaniji, accountants, awdituri, eċċ. Huma jassistu lill-imħallef professjonali billi jipprovdu l-esperjenza tagħhom tad-dinja tan-negozju.
F’ċerti każijiet, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jressaq kawżi quddiem il-qorti tan-negozju, li fihom ikun rappreżentat mill-prosekutur pubbliku, deputat għoli wieħed jew aktar u deputat ieħor wieħed jew aktar.
Jekk parti tkun tixtieq tikkontesta sentenza tal-qorti tan-negozju, hija tippreżenta appell quddiem il-qorti tal-appell. Madankollu, is-sentenza kkontestata trid tkun ingħatat fil-prim’istanza.
Qrati tal-appell u qrati industrijali
Qorti tal-appell tikkonsisti minn diversi sezzjonijiet.
- Is-sezzjonijiet ċivili (chambres civiles/burgerlijke kamers) jikkunsidraw appelli kontra sentenzi mogħtija fil-prim’istanza mis-sezzjonijiet ċivili tal-qrati tal-prim’istanza u mill-qrati kummerċjali.
- Is-sezzjonijiet kriminali (chambres correctionnelles/correctionele kamers) jikkunsidraw appelli kontra sentenzi mogħtija fil-prim’istanza mill-qrati kriminali.
- Is-sezzjonijiet tal-minorenni (chambres de la jeunesse/kamers in jeugdzaken) jikkunsidraw appelli kontra sentenzi mogħtija fil-prim’istanza mill-qrati tal-minorenni.
- Is-sezzjoni tal-akkużi (chambre des mises en accusation/kamer van inbeschuldigingstelling) tittratta l-kompilazzjonijiet u tisma’ appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-bank ta’ qabel il-proċess tal-qorti tal-prim’istanza. Hija wkoll is-sezzjoni tal-akkuża li tirreferi lis-suspettati quddiem il-cour d’assises meta dawn allegatament ikunu wettqu reati prosegwibbli serji, reati tal-istampa jew reati politiċi.
Bħal fil-każ tat-tribunal industrijali, is-sezzjonijiet tal-qorti industrijali jikkonsistu minn imħallef professjonali u żewġ jew erba’ mħallfin mhux esperti. Il-qorti industrijali tikkunsidra appelli kontra d-deċiżjonijiet tat-tribunali industrijali.
Cour d’assises
Reati prosegwibbli serji
Meta persuna tiġi akkużata b’reat prosegwibbli serju (crime/misdaad) li ma jkunx jista’ jiġi ttrattat jew li ma jkunx qed jiġi ttrattat bħala reat prosegwibbli (délit/wanbedrijf), hija tiġi mħarrka biex tidher quddiem il-cour d’assises sabiex tiġi pproċessata b’ġuri.
Il-cour d’assises hija preseduta minn imħallef professjonali, assistit minn żewġ imħallfin oħra li jkunu wkoll professjonisti. L-imħallfin ma jiddeċidux dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat. Huma l-membri tal-ġurija, jew il-ġurati, li jiddeċiedu jekk l-akkużat ikunx wettaq ir-reat jew le. Il-ġurati jintgħażlu billi jittellgħu bil-polza minn fost il-popolazzjoni. Kull ċittadin Belġjan ta’ bejn 28 u 65 sena jista’ jintalab jagħmel servizz ta’ ġurija, bil-kundizzjoni li huwa jkun jista’ jeżerċita liberament id-drittijiet ċivili u politiċi tiegħu, ikun jista’ jaqra u jikteb, u qatt ma jkun ġie kkundannat għal aktar minn erba’ xhur ħabs jew għal aktar minn 60 siegħa servizz komunitarju.
Il-proċedimenti fil-cour d’assises jibdew bil-qari tal-akkuża, li tiġbor fil-qosor il-proċess ta’ sejbien tal-fatti u tistabbilixxi l-evidenza prinċipali miġbura matul il-kompilazzjoni. Imbagħad, jinstemgħu x-xhieda u l-persuni involuti fil-kompilazzjoni. Dawn is-seduti ta’ smigħ huma maħsuba biex jippermettu lill-ġurati, li ma jkunux setgħu jikkonsultaw il-fajl tal-każ, jiffurmaw opinjoni. Imbagħad, il-prosekutur pubbliku jagħmel l-indirizz tal-prosekutur fejn jitlob sentenza speċifika, jiġu mismugħa l-partijiet li jkunu qegħdin jitolbu l-kumpens għad-danni, u l-avukati tad-difiża jippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom. Jinstema’ wkoll l-akkużat. Huwa jwieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-imħallef li jippresjiedi, jipprovdi spjegazzjonijiet, u jista’ wkoll jiddikjara l-innoċenza tiegħu. Fi tmiem il-proċedimenti, it-tnax-il ġurat jirtiraw wara l-bibien magħluqa. Huma jridu jagħtu verdett dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat. Huma jiddeċiedu permezz ta’ votazzjoni u d-deċiżjoni tagħhom tista’ tkun kwalifikata. Huma jistgħu, pereżempju, isibu lill-akkużat ħati filwaqt li jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ ċirkostanzi estenwanti. Jekk l-akkużat jinstab ħati, l-imħallfin professjonali u l-ġurati mbagħad jiddeċiedu flimkien is-sentenza li għandha tiġi imposta. Din id-deċiżjoni tittieħed permezz ta’ maġġoranza assoluta. Id-deċiżjoni dwar il-ħtija tal-akkużat trid tkun motivata.
Fil-prinċipju, sentenza tal-cour d’assises mhijiex miftuħa għall-appell (appel/hoger beroep). Madankollu, il-persuna kkundannata, parti li tkun qed titlob kumpens għad-danni jew l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jistgħu jressqu appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (pourvoi en cassation/cassatieberoep). Jekk il-Qorti tal-Kassazzjoni tħassar kundanna, hija tibgħat il-każ lura quddiem cour d’assises oħra, li trid tiddeċiedi dwar il-każ mill-ġdid.
Reati tal-istampa u reati politiċi
Reat tal-istampa (délit de presse/drukpersmisdrijf) huwa fejn ikun hemm espressjoni kriminali ta’ ħsieb permezz ta’ testi li diversi kopji tagħhom jiġu distribwiti permezz ta’ proċess tekniku. Reat politiku (délit politique/politiek misdrijf) huwa reat imwettaq għal raġuni politika u għal skopijiet politiċi. Ir-reati politiċi u r-reati tal-istampa jiġu pproċessati mill-cour d’assises, ħlief fil-każ ta’ reati tal-istampa motivati mir-razziżmu jew il-ksenofobija.
Qorti tal-Kassazzjoni
Il-Qorti tal-Kassazzjoni hija l-garanti li jiżgura li l-qrati u t-tribunali jaġixxu skont il-liġi. Hija għandha ġurisdizzjoni fuq il-Belġju kollu. Il-Qorti tal-Kassazzjoni ma tiddeċidix dwar il-fatti iżda biss dwar kwistjonijiet tal-liġi. Appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat biss fuq punti tal-liġi, għalhekk fuq il-bażi li kien hemm ksur tal-liġi jew ta’ prinċipju ġenerali tal-liġi. Jistgħu jitressqu biss appelli quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni kontra sentenzi mogħtija fl-aħħar istanza, jiġifieri sentenzi li ma jkunx aktar possibbli li jiġu appellati.
Il-Qorti tal-Kassazzjoni hija magħmula mill-ewwel president, president, presidenti tas-sezzjonijiet u mħallfin ordinarji. L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku huwa rappreżentat mill-Kap Prosekutur fil-Qorti tal-Kassazzjoni jew minn avukat ġenerali. Il-Qorti tikkonsisti minn tliet diviżjonijiet: l-ewwel diviżjoni tikkunsidra kawżi ċivili, kummerċjali, fiskali u dixxiplinarji; it-tieni tisma’ kawżi kriminali, u t-tielet tittratta kawżi li jikkonċernaw il-liġi dwar l-impjiegi u s-sigurtà soċjali. Kull waħda minn dawn id-diviżjonijiet għandha sezzjoni bil-lingwa Franċiża u sezzjoni bil-lingwa Olandiża. F’kull sezzjoni, l-għadd ta’ mħallfin preżenti f’kawża normalment huwa ta’ ħamsa.
Qabel ma tagħti s-sentenza, il-qorti tisma’ l-opinjoni tal-prosekutur pubbliku fil-Qorti tal-Kassazzjoni. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li tirrifjuta l-appell. Jekk hija ma taċċettax l-argumenti mressqa, hija tirrifjuta l-appell u s-sentenza kkontestata ssir finali. Jekk hija tqis li s-sentenza kkontestata tkun fil-fatt difettuża fuq punt tal-liġi, hija tħassar is-sentenza, b’mod sħiħ jew parzjali, u tista' tirrinvija jew ma tirrinvijax il-kawża lura. Jekk hija tikkonkludi li s-sustanza tal-kawża għandha terġa’ tiġi kkunsidrata, il-kawża tiġi rinvijata lura quddiem qorti jew tribunal fl-istess livell bħal dak li jkun ta s-sentenza kkontestata. Il-kawża qatt ma tiġi rinvijata lura lill-qorti oriġinali.
Nota
Għandu jiġi nnotat li, flimkien mal-qrati ċivili, is-sezzjonijiet kriminali tal-qorti tal-appell, il-cour d’assises, is-sezzjonijiet kriminali tal-qorti tal-prim’istanza (qorti kriminali) u l-qorti tal-pulizija (meta tisma’ kawżi kriminali) jisimgħu wkoll rikorsi ċivili (prinċipalment għad-danni) ippreżentati minn partijiet li jkunu qegħdin jitolbu kumpens għad-danni fi proċedimenti kriminali, jiġifieri l-vittmi ta’ reati kriminali fl-aktar sens wiesa’.
Bażijiet ta’ data ġuridiċiAktar informazzjoni dwar il-qrati u t-tribunali Belġjani hija disponibbli mill-portal tal-Ġudikatura fil-Belġju.
L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?
Iva, l-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas.
Links relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.