Sib informazzjoni għal kull reġjun
Qrati ordinarji - Daħla
Sistema ġudizzjarja ċivili
Qrati tal-prim'istanza
Qrati tad-distrett u l-qrati ġenerali
Il-proċedimenti kollha li bil-liġi ma jitressqux quddiem il-qrati ġenerali jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tad-distrett (járásbíróságok).
Il-qrati ġenerali (törvényszékek) iservu bħala qrati tal-prim'istanza fir-rigward ta':
- talbiet dwar il-liġi tal-propjetà, fejn l-ammont inkwistjoni jaqbeż il-HUF 30 miljun (bejn wieħed u ieħor EUR 106 000), ħlief meta l-proċedimenti jinbdew flimkien ma' talba għad-divorzju;
- proċedimenti dwar drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u l-protezzjoni tal-privattivi industrijali;
- proċedimenti ta' kumpens għad-danni kkaġunati matul l-istħarriġ ta' proċeduri uffiċjali minn persuni li kienu qegħdin jaġixxu fi ħdan il-kompetenza pubblika amministrattiva tagħhom;
- proċedimenti dwar ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport u l-bgħit tal-merkanzija;
- proċedimenti sabiex jiġu infurzati talbiet dwar drittijiet ċivili minħabba l-ksur ta' drittjiet morali, inklużi l-proċedimenti għall-kumpens għal dan il-ksur jekk jinbdew ma' dawn il-proċeduri jew matulhom;
- proċedimenti dwar titoli;
- talbiet minħabba libell;
- ċertu tilwim dwar id-dritt soċjetarju kif imfisser mil-liġi;
- proċedimenti għar-revoka ta' deċiżjoni ta' reġistrazzjoni tal-qorti li tkun laqgħet ir-rikors għar-reġistrazzjoni;
- proċedimenti għal sentenzi dikjaratorji dwar l-eżistenza, l-invalidità jew l-effetti tal-kuntratti ta' fondazzjoni jew l-istatut ta' assoċjazzjoni;
- proċedimenti dwar ir-reviżjoni mill-qorti tad-deċiżjonijiet tal-assoċjazzjonijiet tan-negozju;
- proċedimenti dwar l-isħubija bejn il-membri (eks membri) u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, u bejn il-membri stess (eks membri);
- proċedimenti dwar l-akkwist ta' parteċipazzjoni kwalifikattiva;
- proċedimenti dwar il-modifiki tar-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-azzjonisti b'ishma b'responsabbiltà limitata;
- ċertu proċedimenti relatati ma' assoċjazzjonijiet reġistrati li ma jikkwalifikawx bħala assoċjazzjonijiet tan-negozju:
- proċedimenti mibdija kontra organizzazzjonijiet bħal dawn mill-korp responsabbli għas-superviżjoni tagħhom bil-liġi;
- proċedimenti dwar l-isħubija bejn il-membri (eks membri) u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, u bejn il-membri stess (eks membri);
- proċedimenti dwar il-kuntratti ta' finanzjament konklużi mal-fornituri tas-servizzi tas-saħħa;
- proċedimenti biex jiġu stabbiliti l-fatti għall-kawżi fejn il-valur tal-oġġett tal-proċedimenti jaqbeż il-valur kif imsemmi hawn qabel;
- proċedimenti dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti;
- proċedimenti ta' kumpens imressqa b'rabta mad-dritt tal-partijiet għal proċess ġust u li jitlesta fi żmien raġonevoli;
- proċedimenti assenjati bil-liġi lill-ġuriżdizzjoni tal-qrati ġenerali.
- Jekk xi wieħed mill-korikorrenti jaqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' qort ġenerali, il-proċedimenti jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta' dik il-qorti.
Il-Qrati tat-tieni istanza
Qrati ġenerali (törvényszékek): kawżi taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tad-distrett li jservu bħala qrati tal-prim'istanza, kif ukoll il-kawżi quddiem il-qrati amministrattivi u industrijali.
Qrati reġjonali tal-appell (ítélőtáblák): għall-kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal- qrati ġenerali li jservu bħala qrati tal-prim'istanza.
Il-Kurja (Kúria): għall-kawżi ġejjin mill-qrati reġjonali tal-appell. Dan hu l-każ ukoll għall-kawżi fejn tingħata deċiżjoni mill-qrati ġenerali bħala qorti tal-prim'istanza, u fejn il-partijiet, bir-rappreżentanti legali tagħhom, jitolbu b'mod konġunt illi l-kawża tagħhom tinstema' mill-Kurja – jekk l-appell ikun ibbażat fuq ksur tad-dritt sostantiv. It-talbiet lill-Kurja biex tisma' kawżi dwar id-dritt tal-propjetà jistgħu jsiru biss jekk is-somma inkwistjoni taqbeż il-HUF 500 000 (bejn wieħed u ieħor EUR 1 840).
Il-Kurja tiddeċiedi wkoll il-mozzjonijiet għar-reviżjoni.
Il-kompożizzjoni tal-qrati
Il-qorti tal- prim'istanza s-soltu tkun iffurmata minn imħallef wieħed, iżda fil-każijiet stabbiliti mil-liġi il-qorti hija ffurmata minn imħallef professjonali u żewġ assessuri biex hekk jiffurmaw bord ta' tliet membri. L-assessuri għandhom l-istess drittijiet u obbligi waqt il-proċedimenti daqs l-imħallef professjonali. Madanakollu, l-imħallfin professjonali biss jistgħu jippresjedu waħedhom bħala mħallfin u jkunu l-presidenti tal-bords.
Il-qrati tat-tieni istanza (il-qrati ġenerali u l-qrati reġjonali tal-appell) huma ffurmati minn bord ta' tliet imħallfin professjonali.
Matul l-istħarriġ ġudizzjarju, tliet (jew f'ċerti każijiet – minħabba n-natura partikolarment kumplessa tal-kawża – ħames) imħallfin professjonali jiffurmaw il-Kurja.
Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati
Il-ġuriżdizzjoni ġenerali: Bħala regola ġenerali, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni tar-residenza permanenti tal-konvenut tista' taġixxi, jekk ma jkunx hemm xi qorti oħra b'ġuriżdizzjoni esklussiva. Il-liġi tistabbilixxi wkoll regoli addizzjonali dwar il-ġuriżdizzjoni (pereż. fin-nuqqas ta' indirizz permanenti, il-ġuriżdizzjoni tiddependi fuq il-post ta' residenza tal-konvenut).
Il-liġi tirrikonoxxi wkoll bażijiet speċjali tal-ġuriżdizzjoni minbarra l-ġuriżdizzjoni ġenerali (il-ġuriżdizzjoni alternattiva, il-ġuriżdizzjoni esklussiva).
Fil-każ ta' ġuriżdizzjoni alternattiva, fejn ma tiġix speċifikata ġuriżdizzjoni alternattiva, ir-rikorrent jista' jibda proċedimenti quddiem qorti oħra tal-għażla tiegħu kif stabbilit bil-liġi minflok il-qorti ġenerali (pereż. jistgħu jitressqu proċedimenti dwar il-kustodja tat-tfal quddiem il-qorti bil-ġuriżdizzjoni skont l-indirizz permanenti tat-tifel/tifla, proċedimenti għall-kumpens jistgħu jitressqu wkoll quddiem il-qorti bil-ġuriżdizzjoni skont il-post jew iż-żona fejn seħħ id-dannu, eċċ.)
Fil-każ ta' ġuriżdizzjoni esklussiva, il-proċedimenti jistgħu jitressqu biss quddiem qorti speċifika.
Sistema ġudizzjarja kriminali
Qrati tal-prim'istanza
Bħala regola ġenerali, il-qrati tad-distrett għandhom il-ġuriżdizzjoni biex imexxu l-proċedimenti kriminali.
Madanakollu il-qrati ġenerali jistgħu jmexxu l-proċedimenti fil-każijiet speċifiċi li ġejjin:
- delitti li jġibu magħhom sentenza ta' priġunerija sa 15 il-sena jew sentenza ta' għomor il-ħabs; u
- delitti kontra l-istat (Kapitolu X tal-Kodiċi Kriminali);
- delitti kontra l-umanità (Kapitolu XI tal-Kodiċi Kriminali);
- konfoffa biex jitwettaq omiċidju, omiċidju involontarju [Sezzjoni 166(3) u (4) tal-Kodiċi Kriminali], omiċidju mwettaq waqt li l-persuna tkun taħt l-influwenza immedjata ta' passjoni istantanja (Sezzjoni 167 tal-Kodiċi Kriminali), offiża personali li tista' ġġib periklu tal-ħajja (tikkaġuna l-mewt) [Sezzjoni 170(6) u t-tielet alternattiva fis-Sezzjoni 170(7) tal-Kodiċi Kriminali], ħtif tal-persuna (Sezzjoni 175/A tal-Kodiċi Kriminali), traffikar tal-bnedmin (Sezzjoni 175/B tal-Kodiċi Kriminali), delitti kontra r-regoli dwar l-intervenzjoni medika u r-riċerka medika u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni fil-kura medika (Titolu II tal-Kapitolu XII tal-Kodiċi Kriminali);
- delitti kontra l-ordni għall-elezzjonijiet, referenda, inizjattivi taċ-ċittadini u inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej (Sezzjoni 211 tal-Kodiċi Kriminali), użu ħażin tad-dejta kwalifikata (Titolu III tal-Kapitolu XV tal-Kodiċi Kriminali), imġiba ħażina fil-kariga (Titolu IV tal-Kapitolu XV tal-Kodiċi Kriminali), vjolenza kontra persuna taħt protezzjoni internazzjonali (Sezzjoni 232 tal-Kodiċi Kriminali), irvelli fil-ħabs (Sezzjoni 246 tal-Kodiċi Kriminali), ostruzzjoni tal-ġustizzja quddiem qorti internazzjonali (Sezzjoni 294/B tal-Kodiċi Kriminali), delitti kontra l-ġustizzja pubblika (internazzjonali) (Titoli VII u VIII tal-Kapitolu XV tal-Kodiċi Kriminali);
- atti tat-terroriżmu (Sezzjoni 261 tal-Kodiċi Kriminali), ksur tar-restrizzjonijiet ekonomiċi internazzjonali (Sezzjoni 261/A tal-Kodiċi Kriminali), qbid ta' ajruplani u vetturi ferrovjarji, bastiment u vetturi tat-trasport tal-massa jew vetturi adatti għat-trasport bil-massa tal-merkanzija (Sezzjoni 262 tal-Kodiċi Kriminali), il-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali (Sezzjoni 263/C tal-Kodiċi Kriminali);
- użu ħażin tal-prodotti u s-servizzi militari, kif ukoll prodotti b'użu doppju (Sezzjoni 263/B tal-Kodiċi Kriminali), l-abbuż minn informazzjoni privileġġjata (Sezzjoni 299/A tal-Kodiċi Kriminali), frodi fl-investiment kapitali (Sezzjoni 299/B tal-Kodiċi Kriminali), l-organizzazzjoni ta' skema piramida (Sezzjoni 299/C tal-Kodiċi Kriminali), ħasil tal-flus (Sezzjoni 303 tal-Kodiċi Kriminali);
- ikkaġunar ta' periklu pubbliku bil-konsegwenza ta' telf finanzjarju kbir jew serju [Sezzjoni 259(2)(b) tal-Kodiċi Kriminali], indħil fl-operat ta' utilitajiet pubbliċi li jikkaġuna telf finanzjarju kbir jew eċċezzjonalment serju [Sezzjoni 260(3) u (4) tal-Kodiċi Kriminali], reati kontra s-sistemi tal-kompjuter u d-dejta, li jikkaġuna danni kbar jew eċċezzjonalment serji [Sezzjoni 300/C(4)(b) u (c) tal-Kodiċi Kriminali]; frodi tat-taxxa u n-nuqqas tal-obbligi ta' superviżjoni jew awditjar marbuta mal-frodi tat-taxxa, bil-konsegwenza ta' telf kbir jew serju ta' introjtu [Sezzjoni 310(4)(a), (5)(a) u (6) kif ukoll is-Sezzjoni 310/A tal-Kodiċi Kriminali], użu ħażin ta' alternattivi fi flus li jikkaġuna danni kbar jew eċċezzjonalment serji [Sezzjoni 313/C(5)(a) u 313/C(6) tal-Kodiċi Kriminali], serq [Sezzjoni 316(6)(a) u 316 (7) tal-Kodiċi Kriminali] u l-approprjazzjoni indebita [Sezzjoni 317(6)(a) u 317(7) tal-Kodiċi Kriminali] ta' oġġetti ta' valur kbir jew eċċezzjonalment għoli; frodi li tikkaġuna danni kbar jew eċċezzjonalment kbar [Sezzjoni 318(6)(a) u 318(7) tal-Kodiċi Kriminali], miżapproprijazzjoni ta' fondi, li tikkaġuna telf finanzjarju kbir jew eċċezzjonalment serju [Sezzjoni 319(3)(c) u (d) tal-Kodiċi Kriminali], ġestjoni ħażina minħabba negliġenza ta' fondi li jikkaġuna telf finanzjarju kbir jew eċċezzjonalment serju [Sezzjoni 320(2) tal-Kodiċi Kriminali], serq [Sezzjoni 321(4)(b) tal-Kodiċi Kriminali] u sakkeġġ [Sezzjoni 322(3)(a) tal-Kodiċi Kriminali] ta' valur għoli jew kbir, vandaliżmu li jikkaġuna danni kbar jew eċċezzjonalment kbar [Sezzjoni 324(5) u (6) tal-Kodiċi Kriminali], traffikar ta' oġġetti misruqa ta' valur għoli jew eċċezzjonalment għoli [Sezzjoni 326(5)(a) u (b) tal-Kodiċi Kriminali], ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet assoċjati, li jikkaġuna telf finanzjarju kbir jew eċċezzjonalment kbir [Sezzjoni 329/A(3) tal-Kodiċi Kriminali], u l-ksur tad-drittijiet protetti mid-dritt tal-privattivi industrijali [Sezzjoni 329/D(3) tal-Kodiċi Kriminali];
- reati kriminali skont il-liġi militari;
- Delitti komunisti u delitti mhux soġġetti għall-istatut ta' limitazzjonijiet skont id-dritt internazzjonali, stabbilit fil-liġi dwar ir-responsabbiltà kriminali għal u n-nuqqas ta' applikabilità tal-istatut ta' limitazzjonijiet għad-delitti kontra l-umanità u l-prosekuzzjoni ta' ċerti delitti li seħħew waqt id-dittatura Komunista.
L-oqsma tal-kompetenza tal-qrati huma, bħala regola, iddeterminati miż-żona li fihom sar l-att kriminali.
Jekk l-akkużat wettaq delitti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta' bosta qrati, il- qorti ġenerali jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tisma' l-kawża.
Il-Qrati tat-tieni istanza
Il-qrati ġenerali: għall-kawżi li jaqgħu fil-kompetenza tal-qorti tad-distrett bħala qrati tal-prim'istanza:
Qrati reġjonali tal-appell: għall-kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti ġenerali bħala qrati tal-prim'istanza.
Il-Kurja: għall-kawżi li jaqgħu fil-kompetenza ta' qorti reġjonali tal-appell, fejn id-deċiżjoni ta' dik il-qorti tista' tiġi appellata.
Il-Qrati tat-tielet istanza
Qrati reġjonali tal-appell: għall-kawżi deċiżi mill-qorti ġenerali bħala qorti tat-tieni istanza.
Il-Kurja: għall-kawżi deċiżi minn qorti reġjonali tal-appell bħala qorti tat-tieni istanza.
Il-kompożizzjoni tal-qrati
Fejn id-delitt kriminali inkwistjoni jkun punibbli b'sentenza ta' priġunerija ta' tmien snin jew aktar, il-qorti tad-distrett tkun iffurmata minn bord ta' mħallef professjonali u żewġ assessuri. F'każijiet oħra l-imħallef jippresjedi waħdu.
Il-qorti ġenerali, bħala qorti tal-prim'istanza, wkoll tmexxi l-proċedimenti tagħha permezz ta' bord iffurmat minn imħallef professjonali u żewġ assessuri.
Il-qorti bħala qorti tat-tieni jew tielet istanza tmexxi l-proċedimenti tagħha permezz ta' bord iffurmat minn tliet imħallfin professjonali. Il- Kurja tmexxi l-proċedimenti tagħha permezz ta' bord iffurmat minn tlieta jew ħames imħallfin professjonali.
Ħoloq relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.