Sib informazzjoni għal kull reġjun
Qrati Ordinarji
Is-sistema tal-qrati fl-Irlanda għandha l-oriġini tagħha fil-Kostituzzjoni tal-1922, li pprovdiet għall-istabbiliment ta’ qrati ġodda biex jieħdu post dawk li kienu evolvew taħt l-amministrazzjoni Brittanika. Fl-1924 ġew stabbiliti qrati ġodda taħt l-Att dwar il-Qrati tal-Ġustizzja, 1924, li stabbilixxa l-bażi ġuridika għal sistema tal-qrati.
Il-qrati preżenti ġew stabbiliti bl-Att dwar il-Qrati (Stabbiliment u Kostituzzjoni) tal-1961, skont l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni adottata mill-poplu Irlandiż fl-1937. Il-Qorti tal-Appell ġiet stabbilita fid-29 ta’ Ottubru, 2014, wara referendum fl-2013.
L-Artikoli 34 sa 37 tal-Kostituzzjoni jittrattaw l-amministrazzjoni tal-ġustizzja b’mod ġenerali. L-Artikolu 34.1 jistipula li, “Il-ġustizzja għandha tiġi amministrata fi Qrati stabbiliti bil-liġi”. Il-Kostituzzjoni tiddeskrivi l-istruttura tas-sistema tal-qrati li tikkonsisti minn qorti tal-appell finali, il-Qorti Suprema, il-Qorti tal-Appell li għandha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kemm kriminali kif ukoll ċivili, u l-qrati tal-prim’istanza li jinkludu High Court (il-Qorti Għolja) li għandha ġurisdizzjoni sħiħa fil-kwistjonijiet kriminali u ċivili kollha u l-qrati ta’ ġurisdizzjoni limitata, Circuit Court u Qorti Distrettwali organizzati fuq bażi reġjonali.
Il-Qrati Ċivili
Il-Qorti Suprema
Saru tibdiliet sinifikanti fil-ġurisdizzjoni tal-appell tal-Qorti Suprema bid-dħul fis-seħħ fit-28 ta’ Ottubru 2014, tat-Tlieta u tletin Emenda tal-Kostituzzjoni li stabbiliet il-Qorti tal-Appell. B’effett mill-jum tal-istabbiliment, il-Qorti Suprema għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ appelli –
(a) minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell jekk il-Qorti Suprema tkun sodisfatta li d-deċiżjoni tinvolvi kwistjoni ta’ importanza pubblika ġenerali, jew fl-interessi tal-ġustizzja jkun neċessarju li jsir appell quddiem il-Qorti Suprema, u;
(b) minn deċiżjoni tal-High Court jekk il-Qorti Suprema tkun sodisfatta li hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw appell quddiemha – prekundizzjoni biex il-Qorti Suprema tkun sodisfatta hija l-preżenza ta’ wieħed miż-żewġ fatturi li ġejjin jew tat-tnejn li huma – id-deċiżjoni tinvolvi kwistjoni ta’ importanza pubblika ġenerali; l-interessi tal-ġustizzja.
L-appelli fi proċedimenti ċivili mill-High Court li qabel it-Tlieta u tletin Emenda kienu jinstemgħu mill-Qorti Suprema issa huma f’idejn il-Qorti tal-Appell, ħlief f'dawk il-każijiet li fihom il-Qorti Suprema ppermettiet appell quddiemha wara li kienet sodisfatta li l-appell jissodisfa l-limitu stabbilit fl-Artikolu 34.5.4° tal-Kostituzzjoni. Barra minn hekk, kwistjonijiet tal-liġi li qabel setgħu jiġu rinvijati mis-Circuit Court lill-Qorti Suprema biex jiġu deċiżi (“każ iddikjarat”) issa jiġu deċiżi mill-Qorti tal-Appell.
It-Tlieta u tletin Emenda ma affettwatx il-ġurisdizzjoni oriġinali tal-Qorti Suprema li fil-fatt tikkonsisti mill-funzjoni skont l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni. L-Artikolu 26 jistipula li l-Qorti Suprema għandha s-setgħa li tiddeċiedi jekk Abbozz ta' liġi (jew kwalunkwe dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet tiegħu), li jkun għadda miż-żewġt Ikmamar tal-Oireachtas u ġie ppreżentat lill-President tal-Irlanda għall-firma tiegħu qabel jiġi promulgat f’liġi, imurx kontra l-Kostituzzjoni, fir-rigward tal-kwistjoni rinvijata lill-qorti mill-President. Jekk tqum kwistjoni dwar l-inkapaċità permanenti tal-President, tali kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-Qorti Suprema.
Il-Qorti ġeneralment tiltaqa’ b’kompożizzjoni ta’ tlieta jew ħames imħallfin u, b’mod eċċezzjonali, seba’ mħallfin. Meta jkunu qegħdin jinstemgħu kawżi dwar il-validità kostituzzjonali ta' Att tal-Oireachtas (Parlament), il-Kostituzzjoni tirrikjedi li l-qorti tkun magħmula minn tal-anqas ħames imħallfin. Dan ir-rekwiżit japplika wkoll meta l-Qorti tintalab tagħti opinjoni dwar il-validità kostituzzjonali ta’ Abbozz ta’ liġi adottat mill-Oireachtas meta jiġi rinvijat lilha mill-President tal-Irlanda skont l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni. Huwa meħtieġ ukoll minimu ta’ ħames imħallfin jekk il-Qorti jkollha tistabbilixxi, skont l-Artikolu 12 tal-Kostituzzjoni, jekk il-President ikunx sar inkapaċitat b’mod permanenti. Il-Prim Imħallef jew imħallef tal-Qorti Suprema jista’ jisma’ waħdu ċerti rikorsi interlokutorji u proċedurali.
Il-Qorti tal-Appell
Il-Qorti tal-Appell ġiet stabbilita fid-29 ta’ Ottubru 2014, wara referendum fl-2013. Bħal Qrati Superjuri oħra, parti mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Appell hija mogħtija mill-Kostituzzjoni u parti hija mogħtija mil-leġiżlazzjoni. Hija tokkupa livell ġurisdizzjonali ta' appell bejn il-High Court u l-Qorti Suprema.
Il-Qorti għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ appelli fi proċedimenti ċivili mill-High Court li, qabel it-Tlieta u tletin Emenda tal-Kostituzzjoni kienu jinstemgħu mill-Qorti Suprema. L-eċċezzjonijiet huma dawk il-każijiet li fihom il-Qorti Suprema ppermettiet appell quddiemha wara li kienet sodisfatta li l-appell jissodisfa l-limitu stabbilit fl-Artikolu 34.5.4 tal-Kostituzzjoni. Il-Qorti tista’ tisma’ appelli minn kawżi mismugħa fil-High Court dwar jekk liġi hijiex kostituzzjonali jew le. Il-Kostituzzjoni tistipula li ma tista’ tiġi mgħoddija l-ebda liġi li tillimita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Appell biex tagħmel dan.
Il-Qorti tal-Appell hija komposta minn President u disa’ mħallfin ordinarji. Il-Prim Imħallef u l-President tal-High Court huma mħallfin ex officio tal-Qorti tal-Appell. Il-Qorti tista’ tiltaqa’ f’diviżjonijiet ta’ tliet imħallfin. Xi rikorsi interlokutorji u proċedurali jistgħu jinstemgħu mill-President waħdu jew minn imħallef ieħor nominat mill-President.
Il-High Court
Skont il-Kostituzzjoni, il-High Court għandha ġurisdizzjoni u setgħa oriġinali sħiħa biex tiddeċiedi l-kawżi u l-kwistjonijiet kollha, kemm ta’ fatt jew ta’ dritt, ċivili jew kriminali. Il-High Court għandha ġurisdizzjoni esklużiva fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-adozzjoni tat-tfal u fir-rigward tar-rikorsi għall-estradizzjoni. Il-ġurisdizzjoni tal-High Court testendi għall-kwistjoni tal-validità ta’ kwalunkwe liġi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni (ħlief liġi li diġà tkun ġiet rinvijata lill-Qorti Suprema mill-President tal-Irlanda). Il-biċċa l-kbira tal-kawżi quddiem il-High Court jiġu deċiżi minn imħallef wieħed, għalkemm hemm dispożizzjoni fil-liġi għal ċerti kwistjonijiet bħalma huma l-kawżi għal libell, offiża fuq il-persuna jew arrest illegali li jiġu ġġudikati minn imħallef bil-ġurija. Kawżi ta’ importanza eċċezzjonali jistgħu jinstemgħu minn żewġ imħallfin jew aktar li jiltaqgħu bħala Qorti Diviżjonali.
Il-High Court taġixxi bħala qorti tal-appell mis-Circuit Court fi kwistjonijiet ċivili. Minbarra l-ġurisdizzjoni tagħha li tisma’ l-appelli ċivili mis-Circuit Court, il-High Court għandha wkoll is-setgħa li tirrieżamina d-deċiżjonijiet tat-tribunali inferjuri kollha permezz tal-ħruġ ta’ ordnijiet prerogattivi ta' Mandamus, Projbizzjoni u Certiorari. Dawn l-ordnijiet ma jirrigwardawx il-merti tad-deċiżjoni tat-tribunali inferjuri iżda l-kwistjoni dwar jekk tkunx inqabżet il-ġurisdizzjoni.
Il-High Court tista’ tiddeċiedi dwar kwistjoni tal-liġi mressqa mill-Qorti Distrettwali. Hija tisma' wkoll ir-rikorsi għal pleġġ meta l-imputat ikun ġie akkużat b’reat ta’ omiċidju jew fejn l-imputat ikun jixtieq varjazzjoni tat-termini u tal-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti Distrettwali.
Normalment il-High Court tiltaqa’ f’Dublin biex tisma’ l-kawżi oriġinali. Hija tippresjedi wkoll f’għadd ta’ postijiet provinċjali biex tisma’ kawżi oriġinali għad-danni minħabba Offiżi Personali u Fatali. Il-High Court on Circuit tisma’ appelli mis-Circuit Court f’postijiet provinċjali.
Is-Circuit Court
Il-ġurisdizzjoni ċivili tas-Circuit Court hija waħda limitata sakemm il-partijiet kollha f’kawża ma jagħtux il-kunsens tagħhom, f’liema każ il-ġurisdizzjoni tkun illimitata. Il-limitu tal-ġurisdizzjoni tal-qorti jirrigwarda prinċipalment kawżi fejn it-talba ma taqbiżx EUR 75 000 (EUR 60 000 f’kawżi dwar danni personali).
Is-Circuit Court għandha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-probation, u fi kwistjonijiet li jikkonċernaw it-titolu jew il-kirjiet ta’ proprjetà immobbli fejn il-valwazzjoni stmata tal-proprjetà ma taqbiżx EUR 253,95. Is-Circuit court għandha ġurisdizzjoni wkoll fi proċeduri tal-liġi tal-familja inklużi s-separazzjoni ġudizzjarja, id-divorzju, l-annullament u l-appelli mill-Qorti Distrettwali.
Il-kawżi ċivili fis-Circuit Court jiġu ġġudikati minn imħallef mingħajr ġurija. Din il-qorti taġixxi bħala qorti tal-appell mill-Qorti Distrettwali fi kwistjonijiet kemm ċivili kif ukoll kriminali. L-appell jieħu l-forma ta’ smigħ mill-ġdid u d-deċiżjoni tas-Circuit Court hija finali u ma tistax tiġi appellata aktar.
Is-Circuit Court għandha ġurisdizzjoni wkoll fil-każijiet kollha ta’ rikors għal liċenzji ġodda għall-bejgħ tal-alkoħol għall-konsum fuq il-post, u għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ appelli mid-deċiżjonijiet ta’ tribunali bħad-Direttur tal-Investigazzjonijiet dwar l-Ugwaljanza.
Il-Qorti Distrettwali
Il-Qorti Distrettwali għandha ġurisdizzjoni lokali u limitata. Fi kwistjonijiet tal-Liġi tal-Familja hija għandha s-setgħa li tagħti ordnijiet ta’ manteniment, barring, kustodja, aċċess u affiljazzjoni.
Il-Qorti Distrettwali għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ kawżi ċivili msejsa fuq kuntratt, ftehim ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta' xiri jew ta’ bejgħ bi kreditu, obbligi, nuqqas ta’ ħlas tal-kera jew iż-żamma illegali ta’ oġġetti, fejn il-valur tat-talba ma jaqbiżx EUR 15 000. Hija għandha wkoll ġurisdizzjoni fir-rigward tal-infurzar ġenerali tas-sentenzi ta’ kwalunkwe qorti dwar id-dejn, ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet dwar liċenzji, pereżempju relatati mal-bejgħ ta’ xorb alkoħoliku, u ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ talbiet għad-danni malizzjużi meta l-ammont mitlub ma jaqbiżx EUR 15 000.
Il-Qorti Distrettwali tiltaqa’ f’postijiet madwar il-pajjiż f’24 Distrett li jinkludu d-Distrett Metropolitan ta’ Dublin u 23 Distrett ieħor. Ġeneralment, il-post fejn tinstema’ l-kawża jiddependi minn fejn ikun sar il-kuntratt, jew fejn ikun joqgħod il-konvenut jew iwettaq in-negozju tiegħu, jew f’kawżi dwar liċenzji, mill-post fejn ikun jinstab il-bini liċenzjat.
Qrati Kriminali
Il-Qorti Suprema
Il-Qorti Suprema tisma’ appelli mill-Qorti tal-Appell f’kawżi fejn jitqajjem punt tal-liġi ta’ importanza pubblika eċċezzjonali.
Il-Qorti tal-Appell
Skont l-Att dwar il-Qorti tal-Appell tal-2014, il-Qorti tal-Appell ingħatat il-ġurisdizzjoni tal-appell li qabel kienet eżerċitata mill-Qorti tal-Appell Kriminali.
L-appelli minn persuni misjuba ħatja mis-Circuit Court jew mill-Qorti Kriminali Ċentrali, li jiksbu ċertifikat mill-imħallef tal-proċess kriminali li l-każ jista' jiġi appellat, issa jsiru fil-Qorti tal-Appell. F’każ ta’ ċaħda minn dan iċ-ċertifikat, il-Qorti tal-Appell innifisha, wara appell minn din iċ-ċaħda, tista’ tagħti permess għall-appell.
Barra minn hekk, id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi jista’ jappella lill-Qorti tal-Appell għal raġunijiet ta’ klemenza eċċessiva tas-sentenza skont l-Artikolu 2 tal-Att tal-1993 dwar il-Ġustizzja Kriminali. F’każ ta’ allegata amministrazzjoni ħażina tal-ġustizzja, jista’ jiġi ppreżentat appell skont l-Artikolu 2 tal-Att dwar il-Proċedura Kriminali tal-1993.
Il-Qorti tal-Appell ingħatat ukoll ġurisdizzjoni biex tisma’ appelli mid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi fuq kwistjoni tal-liġi li toħroġ minn proċessi kriminali li rriżultaw f’ħelsien mill-ħtija. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ma taffettwax il-verdett ta’ ħelsien mill-ħtija f’każijiet bħal dawn.
L-appelli mid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi kontra ħelsien mill-ħtija jew kontra deċiżjoni biex ma jiġix ordnat proċess ġdid isiru wkoll lill-Qorti tal-Appell. Skont l-Att dwar il-Qorti tal-Appell tal-2014, il-Qorti tal-Appell ingħatat il-ġurisdizzjoni tal-appell li qabel kienet eżerċitata mill-Qorti tal-Appell Marzjali. Dan ifisser li l-appelli minn persuni li nstabu ħatja minn qorti marzjali issa jsiru fil-Qorti tal-Appell.
Qorti tal-Appell Kriminali
Skont l-Att dwar il-Qorti tal-Appell tal-2014, il-ġurisdizzjoni ta’ appell tal-Qorti tal-Appell Kriminali ġiet trasferita lill-Qorti tal-Appell.
Qorti Kriminali Speċjali
Il-Qorti Kriminali Speċjali ġiet stabbilita għall-proċess ta’ reati fejn kien stabbilit li l-qrati ordinarji mhumiex adegwati biex jiżguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-ġustizzja u ż-żamma tal-paċi u l-ordni pubbliċi. Il-qorti tippresjedi bi tliet imħallfin mingħajr ġurija.
Qorti Kriminali Ċentrali
Il-Qorti Kriminali Ċentrali hija t-taqsima kriminali tal-High Court. Hija tipproċessa reati serji, inklużi reati ta’ omiċidju, reati ta’ stupru, tradiment u piraterija u proċessi kriminali skont l-Att dwar il-Kompetizzjoni, 2002. Il-qorti tippresjedi b’imħallef u ġurija.
Qorti Kriminali tas-Circuit
Il-Qorti Kriminali tas-Circuit tipproċessa reati għajr dawk li jistgħu jiġu pproċessati fil-Qorti Kriminali Ċentrali. Il-qorti tippresjedi b'imħallef u ġurija. Hija tisma’ appelli mill-Qorti Distrettwali.
Qorti Distrettwali
Il-Qorti Distrettwali tittratta reati sommarji (il-biċċa l-kbira ta’ natura statutorja) u xi reati li jistgħu jwasslu għal akkuża. Il-qorti tiġi preseduta minn imħallef biss.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.