Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-qrati b'ġuriżdizzjoni ġenerali: introduzzjoni
Fil-Latvja, is-setgħa ġudizzjarja tiġi eżerċitata mill-qrati distrettwali u tal-bliet, mill-qrati reġjonali u mill-Qorti Suprema.
Il-proċedimenti ċivili u kriminali fil-Latvja jistgħu jinstemgħu f'40 qorti, maqsuma fi tliet gradi: hemm 34 qorti distrettwali jew tal-belt (rajonu vai pilsētu tiesas), ħames qrati reġjonali (apgabaltiesas), u l-Qorti Suprema (Augstākā tiesa).
Il-qrati distrettwali jew tal-belt u l-qrati reġjonali fil-Latvja huma:
Nru | Qorti tal-belt u qorti distrettwali | Ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti reġjonali |
1. | 1.1. Il-Qorti Distrettwali ta’ Kuldīga (Kuldīgas rajona tiesa) | Il-Qorti Reġjonali ta’ Kurzeme (Kurzemes apgabaltiesa) |
1.2. Il-Qorti tal-Belt ta’ Liepāja (Liepājas tiesa) | ||
1.3. Il-Qorti Distrettwali ta’ Saldus (Saldus rajona tiesa) | ||
1.4. Il-Qorti Distrettwali ta' Talsi (Talsu rajona tiesa) | ||
1.5. Il-Qorti tal-Belt ta' Ventspils (Ventspils tiesa) | ||
2. | 2.1. Il-Qorti tal-Belt ta’ Daugavpils (Daugavpils tiesa) | Il-Qorti Reġjonali ta’ Latgale (Latgales apgabaltiesa) |
2.2. Il-Qorti tal-Belt ta’ Rēzekne (Rēzeknes tiesa) | ||
3. | 3.1. Il-Qorti Distrettwali ta’ Ogre (Ogres rajona tiesa) | Il-Qorti Reġjonali ta’ Riga (Rīgas apgabaltiesa) |
3.2. Il-Qorti Distrettwali ta' Kurzeme, il-Belt ta' Riga(Rīgas pilsētas Kurzemes rajona tiesa) | ||
3.3. Il-Qorti Distrettwali ta' Latgale, il-Belt ta' Riga (Rīgas pilsētas Latgales priekšpilsētas tiesa) | ||
3.4. Il-Qorti Distrettwali ta' Vidzeme, il-Belt ta' Riga (Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa) | ||
3.5. Il-Qorti Distrettwali ta' Zemgale, il-Belt ta' Riga (Rīgas pilsētas Zemgales priekšpilsētas tiesa) | ||
3.6. Il-Qorti Distrettwali tat-Tramuntana, il-Belt ta' Riga (Rīgas pilsētas Ziemeļu rajona tiesa) | ||
3.7. Il-Qorti Distrettwali ta' Riga (Rīgas rajona tiesa) 1 | ||
4. | 4.1. Il-Qorti Distrettwali ta’ Alūksne (Alūksnes rajona tiesa) | Il-Qorti Reġjonali ta’ Vidzeme (Vidzemes apgabaltiesa) 2 |
4.2. Il-Qorti Distrettwali ta’ Cēsis (Cēsu rajona tiesa) | ||
4.3. Il-Qorti Distrettwali ta’ Gulbene (Gulbenes rajona tiesa) | ||
4.4. Il-Qorti Distrettwali ta’ Limbaži (Limbažu rajona tiesa) | ||
4.5. Il-Qorti Distrettwali ta’ Madona (Madonas rajona tiesa) | ||
4.6. Il-Qorti Distrettwali ta’ Valka (Valkas rajona tiesa) | ||
4.7. Il-Qorti Distrettwali ta' Valmiera (Valmieras rajona tiesa) | ||
5. | 5.1. Il-Qorti Distrettwali ta’ Aizkraukle (Aizkraukles rajona tiesa) | Il-Qorti Reġjonali ta’ Zemgale (Zemgales apgabaltiesa) 3 |
5.2. Il-Qorti Distrettwali ta’ Bauska (Bauskas rajona tiesa) | ||
5.3. Il-Qorti Distrettwali ta’ Dobele (Dobeles rajona tiesa) | ||
5.4. Il-Qorti tal-Belt ta’ Jelgava (Jelgavas tiesa) | ||
5.5. Il-Qorti Distrettwali ta’ Jēkabpils (Jēkabpils rajona tiesa) | ||
5.6. Il-Qorti Distrettwali ta’ Tukums (Tukuma rajona tiesa) | ||
6. | 6.1. Il-Qorti Amministrattiva Distrettwali (Administratīvā rajona tiesa) | Il-Qorti Amministrattiva Reġjonali (Administratīvā apgabaltiesa) |
1Il-Qorti Distrettwali ta’ Riga għandha bini tal-qorti f’Jūrmala u l-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha tikkorrispondi għal dik tal-Qorti Distrettwali ta' Riga.
2Il-Qorti Reġjonali ta’ Vidzeme għandha bini tal-qorti f’Madona u l-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha tikkorrispondi għal dik tal-Qrati Distrettwali ta’ Alūksne, Gulbene u Madona.
3Il-Qorti Reġjonali ta’ Zemgale għandha bini tal-qorti f’Aizkraukle u l-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha tikkorrispondi għal dik tal-Qrati Distrettwali ta’ Bauska, Aizkraukle u Jēkabpils.
Il-proċedimenti amministrattivi jinstemgħu:
- mill-Qorti Amministrattiva Distrettwali (Administratīvā rajona tiesa),
- mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali (Administratīvā apgabaltiesa),
- mid-Dipartiment Amministrattiv tal-Qorti Suprema (Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments).
Il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali u l-Qorti Amministrattiva Distrettwali tkopri t-territorju amministrattiv kollu tal-Latvja. Il-Qorti Amministrattiva Distrettwali għandha ħames binjiet tal-qorti, waħda f'kull reġjun ġudizzjarju, jiġifieri waħda f'Riga, waħda f’Jelgava, waħda f’Rēzekne, waħda f’Valmiera u waħda f’Liepāja.
Il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qrati hija stabbilita fir-Regolament dwar il-qrati distrettwali u tal-bliet, il-qrati reġjonali u l-ġuriżdizzjonijiet territorjali ta' dawn il-qrati.
Il-ġuriżdizzjoni skont is-suġġett
Skont il-Liġi dwar il-proċedura kriminali, qorti distrettwali jew tal-belt tisma’ l-proċedimenti kriminali kollha bħala l-qorti tal-ewwel istanza. Il-Qorti Distrettwali ta' Vidzeme, il-Belt ta' Riga għandha ġuriżdizzjoni bħala qorti tal-ewwel istanza fuq proċedimenti kriminali li fihom il-każijiet jirreferu għal materji ta' sigretezza tal-Istat. Appell skont il-proċedura għall-appelli (apelācija) minn sentenza ta' qorti distrettwali jew tal-belt jinstema' minn qorti reġjonali bħala qorti tal-appell. Kwalunkwe sentenza ta’ kwalunkwe qorti inferjuri tista’ tiġi appellata fuq punt tad-dritt biss (kasācija) mad-Dipartiment Kriminali tal-Qorti Suprema (Augstākās tiesas Krimināllietu departaments). Fil-qrati distrettwali jew tal-belt, il-proċedimenti kriminali jinstemgħu minn imħallef wieħed. Jekk il-proċedimenti kriminali jkunu partikolarment kumplessi, il-president tal-qorti tal-ewwel istanza jista' jiddeċiedi illi l-proċess jinstema' minn bord ta' tlieta mill-imħallfin ta' dik il-qorti. L-appelli kriminali, kemm jekk ikunu appelli sħaħ kif ukoll jekk ikunu appelli fuq xi punt tad-dritt, jinstemgħu minn bord ta' mħallfin.
Skont il-Liġi dwar il-proċedura ċivili, il-proċedimenti jinstemgħu fl-ewwel istanza minn qorti distrettwali jew tal-belt, ħlief għal dawk li bil-liġi jridu jinstemgħu minn qorti reġjonali. Talbiet għal infurzar mhux ikkontestat ta' obbligi (bezstrīdus piespiedu izpildīšana) u infurzar ta' obbligi fuq avviż tal-qorti (saistību piespiedu izpildīšana brīdinājuma kārtība) jintlaqgħu mir-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt rilevanti. Il-qrati reġjonali jisimgħu l-proċedimenti li ġejjin bħala qrati tal-ewwel istanza:
- proċedimenti li jinkludu tilwima dwar id-dritt ta' sjieda ta' proprjetà immobbli, bl-eċċezzjoni tal-qsim tal-propjetà matrimonjali bejn il-miżżewġin;
- proċedimenti li jikkonċernaw il-ħarsien tad-drittijiet tal-privattivi, trademarks u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti;
- proċedimenti li jikkonċernaw l-insolvenza u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.
Skont il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, jekk kawża tikkonsisti f'aktar minn talba waħda, li wħud minnhom jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni ta' qorti distrettwali jew tal-belt, filwaqt li oħrajn jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni ta' qorti reġjonali, jew f'każ fejn qorti distrettwali jew tal-belt taċċetta kontrotalba li taqa' fil-ġuriżdizzjoni ta' qorti reġjonali, il-kawża tinstema' mill-qorti reġjonali. Il-Qorti Reġjonali ta’ Riga għandha ġuriżdizzjoni bħala qorti tal-ewwel istanza fuq proċedimenti ċivili li fihom l-atti tal-kawża jirreferu għal materji ta' sigretezza tal-Istat. Fil-qorti tal-ewwel istanza, il-kawżi ċivili jinstemgħu minn imħallef uniku, filwaqt li fl-appell (appell sħiħ jew appell fuq punt tad-dritt) dawn jinstemgħu minn bord.
Kawżi dwar ksur tal-liġi amministrattiva jinstemgħu minn qrati distrettwali jew tal-belt u mill-qrati reġjonali li għandhom ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kriminali. Skont il-Kodiċi Latvjan dwar il-Ksur tal-Liġi Amministrattiva, deċiżjoni adottata minn awtorità ogħla tista' tiġi kkontestata f'qorti distrettwali jew tal-belt. Deċiżjoni ta' mħallef tal-qorti distrettwali jew tal-belt tista' tiġi appellata quddiem qorti reġjonali, jekk dan ikun previst b'mod espliċitu mill-Kodiċi Latvjan dwar Ksur tal-Liġi Amministrattiva. Deċiżjoni ta' qorti tal-appell fi proċedimenti dwar ksur tal-liġi amministrattiva ma tistax tiġi appellata u ssir eżegwibbli fil-ġurnata li fiha tingħata.
Skont il-Liġi Proċedurali Amministrattiva, il-proċedimenti amministrattivi jinstemgħu fl-ewwel istanza fil-bini tal-Qorti Amministrattiva Distrettwali, sakemm il-liġi ma tipprovdix xort'oħra. Jekk il-kawża tinstema' fil-Qorti Amministrattiva Distrettwali bħala qorti tal-ewwel istanza u din ikollha bżonn tivverifika informazzjoni li tinvolvi kwistjoni ta' sigretezza tal-Istat, il-kawża tinstema' fil-bini tal-Qorti Amministrattiva Distrettwali f'Riga. Jekk il-liġi tipprovdi li l-proċedimenti amministrattivi għandhom jinstemgħu fl-ewwel istanza mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali jew mid-Dipartiment Amministrattiv tal-Qorti Suprema minflok mill-Qorti Amministrattiva Distrettwali, ir-rikors rilevanti jrid jiġi ppreżentat lill-Qorti Amministrattiva Reġjonali jew lid-Dipartiment Amministrattiv tal-Qorti Suprema, skont il-każ. Parti fi proċedimenti amministrattivi tista' tressaq appell sħiħ kontra sentenza jew sentenza anċillari tal-qorti tal-ewwel istanza, sakemm il-liġi ma tipprovdix illi dik is-sentenza ma tkunx tista' tiġi appellata, jew li tkun tista' tiġi appellata fuq punt tad-dritt. Sentenza tal-Qorti Amministrattiva Distrettwali li tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ tista' tiġi appellata quddiem il-Qorti Amministrattiva Reġjonali. Parti fi proċedimenti amministrattivi tista' tressaq appell fuq punt tad-dritt kontra sentenza jew sentenza anċillari tal-qorti tal-appell, jekk il-qorti tkun kisret xi regoli sostantivi jew proċedurali jew eżerċitat is-setgħat tagħha ultra vires matul il-proċedimenti. Fil-qorti tal-ewwel istanza, il-proċedimenti amministrattivi jinstemgħu minn imħallef uniku jew minn bord ta' mħallfin, filwaqt li f'qorti tal-appell – appell sħiħ jew appell fuq punt ta' dritt – dawn jinstemgħu minn bord.
Skont il-Liġi dwar il-privattivi, il-Qorti Reġjonali ta’ Riga tisma' l-kawżi li ġejjin li jikkonċernaw il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet fi proċedimenti ċivili bħala qorti tal-ewwel istanza:
- kawżi dwar it-twaqqif mill-ġdid ta’ drittijiet għal privattivi;
- kawżi dwar id-dikjarazzjoni ta' privattiva bħala nulla;
- kawżi dwar id-drittijiet ta' użu minn qabel;
- kawżi dwar l-użu illegali ta' privattiva (il-ksur ta' privattiva);
- kawżi dwar id-dikjarazzjoni ta' ksur ta' privattiva bħala nulla u bla effett;
- kawżi dwar l-għoti ta' liċenzja, id-dispożizzjonijiet kuntrattwali ta' liċenzja jew il-konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet;
- kawżi dwar id-dritt għall-kumpens minħabba li invenzjoni ma tkunx ista' tintuża pubblikament.
Skont il-Liġi dwar id-disinji, il-Qorti Reġjonali ta’ Riga tisma' t-tilwim li ġej dwar il-protezzjoni legali tad-disinji bħala qorti tal-ewwel istanza:
- tilwim dwar ir-rikonoxximent tar-reġistrazzjoni ta' disinn bħala null;
- tilwim dwar sejba li r-reġistrazzjoni ta' disinn hija invalida;
- tilwim dwar l-użu illegali ta' disinn (vjolazzjoni ta' disinn);
- tilwim dwar l-għoti ta' liċenzja, id-dispożizzjonijiet kuntrattwali ta' liċenzja jew il-konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet.
Il-Qorti Suprema tinkludi d-Dipartiment Ċivili, id-Dipartiment Kriminali, id-Dipartiment Amministrattiv u l-Awla Ġuriżdizzjonali Ċivili. L-Awla tisma' appelli sħaħ minn sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza minn qrati reġjonali. Id-Dipartiment Ċivili, id-Dipartiment Kriminali u d-Dipartiment Amministrattiv tal-Qorti Suprema huma l-qrati li jisimgħu appelli dwar punti tad-dritt kontra s-sentenzi kollha tal-qrati distrettwali jew tal-belt u l-qrati reġjonali, u huma l-qrati tal-ewwel istanza għal kawżi relatati ma’ deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat (Valsts kontroles padome) adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 55 tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat. Fl-Awla, il-kawżi jinstemgħu minn bord magħmul minn tliet imħallfin; fid-Dipartimenti tal-Qorti Suprema, il-kawżi jinstemgħu minn bord ta' tliet imħallfin jew, f'ċerti każijiet stabbiliti bil-liġi, f'kompożizzjoni estiża.
L-imħallfin tal-uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet (zemesgrāmatu nodaļas) jirreġistraw proprjetà immobbli fir-reġistri tal-artijiet u jagħtu t-titoli assoċjati, jikkunsidraw talbiet għal infurzar mhux ikkontestat tal-obbligi u l-infurzar tal-obbligi fuq avviż tal-qorti. L-imħallfin tal-uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet għandhom l-istatus legali ta' mħallfin tal-qrati distrettwali u tal-belt. Skont il-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet, il-ġuriżdizzjonijiet territorjali tal-uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet jikkorrispondu għal dawk tal-qrati distrettwali u tal-belt, bl-eċċezzjoni tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet tal-Belt ta’ Riga, li l-ġuriżdizzjoni territorjali tiegħu tkopri dik tal-Qorti Distrettwali ta' Kurzeme, il-Belt ta' Riga; il-Qorti Distrettwali ta’ Vidzeme, il-Belt ta' Riga; il-Qorti Distrettwali tat-Tramuntana, il-Belt ta' Riga; il-Qorti Distrettwali Ċentrali, il-Belt ta' Riga; il-Qorti Distrettwali ta’ Latgale, il-Belt ta’ Riga; u l-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale, il-Belt ta’ Riga filwaqt li l-ġuriżdizzjoni territorjali tal-Uffiċċju Distrettwali tar-Reġistru tal-Artijiet ta' Riga tkopri l-ġuriżdizzjonijiet territorjali tal-Qorti Distrettwali ta' Riga (Rīgas rajona tiesa) u tal-Qorti tal-Belt ta' Sigulda (Siguldas tiesa).
Il-bażijiet tad-data legali
L-isem u l-URL tal-bażi tad-data
eTiesas - il-portal tas-servizzi elettroniċi tal-Qrati Nazzjonali
L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?
Iva, l-aċċess huwa mingħajr ħlas.
Il-kontenut tal-bażi tad-data fil-qosor
Il-Portal tal-Qrati Nazzjonali jipprovdi informazzjoni aġġornata ġenerali dwar il-qrati fil-Latvja.
Fil-portal tas-servizzi elettroniċi tal-Qrati Nazzjonali inti tista' taċċessa bażi tad-data ta' sentenzi tal-qorti anonimizzati, issegwi proċedimenti ġudizzjarji f'forma elettronika, tressaq talbiet elettroniċi quddiem il-qrati, tikkalkula l-ispejjeż tal-proċedimenti ġudizzjarji u tas-servizzi mħallsa bl-użu ta' kalkolatur tal-miżati u tad-dazji, tirċievi u timla formoli elettroniċi, u taċċessa servizzi elettroniċi oħra.
Il-Portal tal-Qorti Suprema fih arkivju ta' deċiżjonijiet tal-ġurisprudenza fejn tista' ssib kemm deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema skont is-suġġett kif ukoll kumpilazzjonijiet ta' ġurisprudenza. L-informazzjoni tinsab f’din it-taqsima Judikatūra (“Ġurisprudenza”).
Sfond
L-informazzjoni ppubblikata fil-Portal tal-Qrati Nazzjonali u d-deċiżjonijiet u l-kumpilazzjonijiet tal-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema ppubblikati fil-portal tal-Qorti Suprema attwalment huma disponibbli biss bil-Latvjan.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.