Qrati ordinarji nazzjonali

Litwanja

Din il-paġna tipprovdilek informazzjoni dwar il-qrati ordinarji Litwani.

Il-kontenut ipprovdut minn
Litwanja

Qrati ordinarji - introduzzjoni

Fil-Litwanja, hemm 56 qorti ta’ ġurisdizzjoni ġenerali:

  • Il-Qorti Suprema tal-Litwanja (Lietuvos Aukščiausiasis Teismas)
  • Il-Qorti tal-Appelli tal-Litwanja (Lietuvos apeliacinis teismas)
  • 5 qrati reġjonali (apygardos teismai)
  • 49 qorti distrettwali (apylinkės teismai).

Il-Qorti Suprema tal-Litwanja

Il-Qorti Suprema tal-Litwanja hija l-unika qorti ta’ kassazzjoni (l-aħħar rimedju) għar-reviżjoni ta’ sentenzi effettivi, deċiżjonijiet, digrieti u ordnijiet tal-qrati ta’ ġurisdizzjoni ġenerali.

Il-qorti żviluppat prattika tal-qorti uniformi għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġijiet u atti legali oħra.

Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Qorti Suprema.

Il-Qorti tal-Appelli tal-Litwanja

Il-Qorti tal-Appelli toffri d-dritt ta’ appell kontra sentenzi tal-qrati reġjonali (bħala qrati tal-ewwel istanza). Tisma’ wkoll talbiet dwar ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ta’ qrati barranin jew internazzjonali u ta’ deċiżjonijiet f’arbitraġġi barranin jew internazzjonali u l-infurzar tagħhom fir-Repubblika tal-Litwanja. Twettaq funzjonijiet oħra assenjati lill-ġurisdizzjoni tagħha bil-liġi.

Is-sede tal-Qorti tal-Appelli torganizza u tikkontrolla l-attivitajiet amministrattivi tal-qrati distrettwali u tal-imħallfin tagħhom, skond il-proċedura stabbilita bil-liġi.

Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Qorti tal-Appelli.

Il-qrati reġjonali

Qorti reġjonali hija qorti tal-ewwel istanza għall-każijiet kriminali jew ċivili assenjati lill-ġurisdizzjoni tagħha bil-liġi. Tisma’ wkoll appelli kontra sentenzi, deċiżjonijiet, digrieti u ordnijiet tal-qrati distrettwali.

Is-sede ta’ qorti reġjonali torganizza u tikkontrolla l-attivitajiet amministrattivi tal-qrati distrettwali u tal-imħallfin tagħhom taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti, skond il-proċeduri stabbiliti bil-liġi.

Il-qrati distrettwali

Qorti distrettwali hija qorti tal-ewwel istanza għat-tipi ta’ każijiet li ġejjin:

  • Każijiet kriminali
  • Każijiet ċivili
  • Każijiet li jinvolvu ksur amministrattiv (assenjati lill-ġurisdizzjoni tagħha bil-liġi)
  • Każijiet assenjati lill-ġurisdizzjoni tal-imhallfin dwar self ipotekarju
  • Każijiet relatati mal-infurzar ta’ deċiżjonijiet u sentenzi

Imħallef ta’ qorti distrettwali jwettaq ukoll il-funzjonijiet ta’ imħallef fil-proċeduri qabel is-smigħ u mħallef tal-infurzar, flimkien ma’ funzjonijiet oħra assenjati lil qorti distrettwali bil-liġi.

L-aħħar aġġornament: 07/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.