Sib informazzjoni għal kull reġjun
Qrati ordinarji - Introduzzjoni
Il-Kostituzzjoni tirrikjedi li l-qrati jeżerċitaw setgħa ġudizzjarja u li japplikaw regolamenti u ordnijiet ġenerali u lokali biss sa fejn dawn ikunu konformi mal-liġi.
Qrati ordinarji
Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja
Fil-quċċata tal-ġerarkija tal-qrati fis-sistema ġudizzjarja tinsab il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (Cour supérieure de Justice), li tinkludi Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de Cassation) u Qorti tal-Appell (Cour d’Appel), kif ukoll Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Parquet Général).
Il-Qorti tal-Kassazzjoni tisma’ primarjament kawżi biex jiġu kkanċellati jew annullati punti tal-liġi, deċiżjonijiet mogħtija mill-awli differenti tal-Qorti tal-Appell u sentenzi mogħtija mill-qrati tal-aħħar istanza. L-assistenza legali hija obbligatorja.
Il-Qorti tal-Appell tisma’ kawżi ċivili, kummerċjali u kriminali u kawżi deċiżi mit-tribunali industrijali fiż-żewġ distretti ġudizzjarji tal-pajjiż. L-assistenza legali hija obbligatorja, ħlief fil-kawżi kriminali u fit-talbiet għal miżuri provviżorji (référés). L-awla kriminali tal-Qorti tal-Appell tisma’ appelli minn sentenzi tal-awla kriminali tal-Qorti Distrettwali (Tribunal d’Arrondissement).
Qrati Distrettwali
Il-pajjiż huwa maqsum f’żewġ distretti ġudizzjarji (arrondissements judiciaires), li kull wieħed għandu Qorti Distrettwali: waħda fil-Lussemburgu u l-oħra f’Diekirch.
Iż-żewġ Qrati Distrettwali huma maqsuma; kull Qorti Distrettwali għandha l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tagħha magħmul minn Prokuratur tal-Istat (Procureur d’Etat) u assistenti prosekuturi (substituts). Il-maġistrati istrutturi (juges d’instruction) f’kull waħda mill-Qrati Distrettwali huma responsabbli mit-tmexxija ta’ inkjesta ġudizzjarja ta’ qabel il-proċess fil-kategoriji aktar serji ta’ reati (affaires criminelles u affaires correctionnelles).
F’kawżi ċivili u kummerċjali, il-Qorti Distrettwali hija l-qorti li għandha ġuriżdizzjoni residwa: din tisma’ l-kawżi kollha minbarra dawk li jaqgħu espressament fil-ġuriżdizzjoni ta’ qorti oħra minħabba n-natura jew il-valur tat-talba.
Hija għandha ġuriżdizzjoni ratione valoris f’talbiet li jaqbżu l-EUR 15 000.
Hija għandha ġuriżdizzjoni esklużiva biex tisma’ kawżi li, minħabba n-natura tagħhom, huma speċifikament assenjati lilha bil-liġi. Hija biss tista’ tisma’ t-talbiet lill-awtoritajiet għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija minn qrati barranin u strumenti legali awtentikati minn uffiċjali pubbliċi barranin. Il-Qrati Distrettwali jeżerċitaw ukoll ġuriżdizzjoni volontarja, pereżempju fir-rigward tal-adozzjoni, it-tutela, l-emanċipazzjoni, eċċ.
Il-Qorti Distrettwali tisma’ appelli minn sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza minn Kummissarji tal-Ġustizzja li jisimgħu kawżi fid-distrett ġudizzjarju tal-Qorti.
Il-proċedimenti quddiem il-Qorti Distrettwali bħala regola jiġu introdotti prinċipalment permezz ta’ ċitazzjoni (assignation), li tiġi nnotifikata lill-konvenut minn uffiċjal ġudizzjarju.
Il-presidenti tal-Qrati Distrettwali, jew il-maġistrati li jissostitwuhom, jisimgħu talbiet għal miżuri provviżorji f’każijiet urġenti, kemm ċivili kif ukoll kummerċjali.
Il-Qrati Distrettwali jeżerċitaw ġuriżdizzjoni kriminali permezz tal-awli kriminali tagħhom (chambre criminelle ou correctionnelle). Huma għandhom ġuriżdizzjoni fir-reati kollha fil-kategorija intermedja (délits) u fl-aktar kategorija serja ta’ ksur (crimes) fejn il-każ ikun tressaq quddiem il-Qorti Distrettwali mill-awla ta’ smigħ preliminari (Chambre du Conseil) jew mill-awla ta’ smigħ preliminari tal-Qorti tal-Appell. Il-konvenuti jridu jidhru quddiem il-Qorti personalment, ħlief meta l-piena tal-ksur ma tkunx aktar minn multa, f’liema każ jistgħu jkunu rappreżentati minn avukat.
Bħala regola, il-preżenza ta’ avukat hija obbligatorja quddiem il-Qorti Distrettwali, għalkemm il-liġi tippermetti ċerti eċċezzjonijiet, bħal pereżempju f’kawżi kummerċjali u talbiet għal ordni provviżorja, fejn il-partijiet jistgħu jressqu t-talbiet tagħhom huma stess.
Kummissarji tal-Ġustizzja
Hemm tliet Kummissarji tal-Ġustizzja (justices de paix): wieħed fil-Lussemburgu, wieħed f’Esch-sur-Alzette (li jinsab fid-distrett ġudizzjarju tal-Lussemburgu), u ieħor f’Diekirch (id-distrett ġudizzjarju ta’ Diekirch).
F’kawżi ċivili u kummerċjali, il-Kummissarji tal-Ġustizzja jisimgħu l-kawżi kollha li fuqhom ingħataw ġuriżdizzjoni mill-Kodiċi l-ġdid tal-Proċedura Ċivili jew permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra; Huma għandhom ġuriżdizzjoni finali sa valur ta’ EUR 2 000, u ġuriżdizzjoni soġġetta għal appell sa valur ta’ EUR 15 000.
Huma jisimgħu ċerti kawżi bħal, pereżempju, mandati ta’ qbid ta’ qligħ, pensjonijiet u dħul ieħor, u jiddeċiedu kif se jitqassmu l-flus maqbuda permezz tal-mandat ikun xi jkun l-ammont tad-djun.
Bħala regola, it-talba ssir quddiem Kummissarju tal-Ġustizzja permezz ta’ rikors ġuramentat (ċitazzjoni) innotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju. Għadd ta’ kawżi jitressqu billi jiġi ppreżentat rikors fir-reġistru tal-qorti (greffe). Il-partijiet jidhru quddiem il-Kummissarji tal-Ġustizzja waħedhom jew permezz ta’ rappreżentant. Dan ir-rappreżentant jista’ jkun avukat, jew konjuġi, qarib mid-demm jew miż-żwieġ f’linja diretta, jew qarib mid-demm jew biż-żwieġ f’linja kollaterali sat-tielet grad inkluż, kif ukoll persuna li taħdem esklużivament fis-servizz tal-parti jew fl-intrapriża tagħha.
Fi proċedimenti kriminali, il-Kummissarji tal-Ġustizzja huma magħrufa wkoll bħala l-qrati tal-pulizija. F’din il-kapaċità, huma jiġġudikaw kontravvenzjonijiet (contraventions jew infractions) punibbli b’multi ta’ bejn EUR 25 u EUR 250, u ksur intermedju (délits) li lawla ta’ smigħ preliminari (Chambre du Conseil) tkun ressqet quddiem il-qorti tal-pulizija.
Huma jisimgħu wkoll kawżi li jikkonċernaw ksur minuri li jġorru piena li taqbeż il-livelli normalment fil-ġuriżdizzjoni ta’ qorti tal-pulizija, fejn il-ġuriżdizzjoni tingħata lilhom skont l-istatut. Is-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-pulizija dejjem jistgħu jiġu appellati. L-avviż ta’ appell irid isir fi żmien erbgħin jum mid-data tal-għoti tas-sentenza jew, f’każ ta’ kontumaċja, mid-data li fiha s-sentenza tiġi nnotifikata lill-persuna jew tintbagħat fl-indirizz tagħha. L-appell jinstema’ mill-Qorti Distrettwali (Tribunal d’Arrondissement).
Il-Kummissarji tal-Ġustizzja kollha għandhom ġuriżdizzjoni fuq it-tilwim industrijali u s-setgħa li jiddeċiedu f’tilwim li għandu x’jaqsam ma’ kuntratti ta’ xogħol u kuntratti tal-apprendisti. L-appelli f’kawżi bħal dawn jitressqu quddiem il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja.
Bażijiet tad-data legali
L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?
Iva, l-aċċess għall-bażijiet tad-data huwa mingħajr ħlas.
Deskrizzjoni qasira tal-kontenut
Jekk jogħġbok irreferi għas-sit web tal-Qrati ordinarji.
Jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Qrati amministrattivi.
Links relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.