Organizzazzjoni tal-qrati ordinarji
Minbarra l-Qorti Kostituzzjonali (Tribunal Constitucional), li hija speċifikament kompetenti biex tamministra l-ġustizzja fi kwistjonijiet legali-kostituzzjonali, fil-Portugall jeżistu l-kategoriji ta’ qrati li ġejjin:
- Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Supremo Tribunal de Justiça) u l-qrati ġudizzjarji tal-prim’istanza u tat-tieni istanza.
- Il-Qorti Amministrattiva Suprema (Supremo Tribunal Administrativo) u l-qrati amministrattivi u fiskali l-oħra;
- Il-Qorti tal-Awdituri (Tribunal de Contas).
Huma possibbli wkoll il-Qrati Marittimi u tal-Arbitraġġ u l-Kummissarji tal-Ġustizzja.
Il-liġi tistabbilixxi l-każijiet u l-modi kif il-qrati msemmija hawn fuq jistgħu jikkostitwixxu, separatament jew flimkien, qorti tal-kunflitti (Tribunal dos Conflitos - qorti li tittratta kunflitti tal-ġuriżdizzjoni).
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-qrati militari (tribunais militares), li jistgħu jinħolqu waqt stati ta’ gwerra, huma pprojbiti l-qrati b’kompetenza esklużiva biex jiddeċiedu dwar ċerti kategoriji ta’ reati.
Qrati Ġudizzjarji
Qorti Suprema tal-Ġustizzja
Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja hija l-ogħla korp fil-ġerarkija tal-qrati ġudizzjarji, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Qorti Kostituzzjonali. Hija magħmula minn sezzjonijiet ċivili, kriminali u soċjali.
Hija għandha s-sede tagħha f’Lisbona u għandha l-ġuriżdizzjoni fuq it-territorju Portugiż kollu.
Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja topera taħt id-direzzjoni ta’ President (imħallef li jippresiedi), u tiltaqa’ bħala qorti sħiħa (magħmula mill-imħallfin kollha li jiffurmaw is-sezzjonijiet differenti), f’diviżjonijiet speċjalizzati u f’sezzjonijiet.
Ħlief fil-każ tal-eċċezzjonijiet minquxin fil-liġi, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tittratta biss kwistjonijiet tad-dritt.
Qrati tal-Appell
Bħala regola, il-Qrati tal-Appell (tribunais da relação) huma qrati tat-tieni istanza.
Il-Qrati tal-Appell attwalment jinsabu f’Lisbona, Porto, Coimbra, Évora u Guimarães. Huma preseduti minn President (imħallef li jippresiedi) meta jiltaqgħu kemm bħala qorti sħiħa kif ukoll skont is-sezzjoni.
Il-Qrati tal-Appell għandhom sezzjonijiet Ċivili, Kriminali, Soċjali, tal-Familja u tal-Minuri, tan-Negozju, tal-Proprjetà Intellettwali u l-Kompetizzjoni, tar-Regolamentazzjoni u tas-Superviżjoni. L-eżistenza tas-sezzjonijiet Soċjali, tal-Familja u ż-Żgħażagħ, tan-Negozju, tal-Proprjetà Intellettwali u l-Kompetizzjoni, u tar-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni, tiddependi fuq il-kwantità jew il-kumplessità tax-xogħol li jkun meħtieġ. Huma jiġu stabbiliti b’ordni tal-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura fuq proposta tal-President tal-Qorti tal-Appell rispettiva.
Qrati tal-Prim’Istanza (Tribunais judiciais de 1.ª instância)
Bħala regola, il-Qrati tal-Prim’Istanza huma qrati distrettwali (tribunais de comarca). Huma jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni fil-kwistjonijiet kollha li ma jkunux assenjati lil qrati oħra. Il-Qrati Distrettwali għandhom kompetenza kemm ġenerali kif ukoll speċjalizzata.
Il-Qrati Distrettwali huma maqsumin f’awli ta’ kompetenza speċjalizzata jew ġenerali, kif ukoll f’awli “satellita” lokali. L-awli jissemmew skont it-tip ta’ proċediment li jittrattaw u l-isem tal-muniċipalità fejn ikunu jinsabu.
Jistgħu jinħolqu l-awli ta’ kompetenza speċjalizzata li ġejjin:
- Ċivili Ċentrali (Central cível);
- Ċivili Lokali (Local cível);
- Kriminali Ċentrali (Central criminal);
- Kriminali Lokali (Local criminal);
- Kriminali ta’ Livell Minuri Lokali (Local de pequena criminalidade);
- Kumpilazzjoni (Instrução criminal);
- Familja u Minuri (Familia e menores);
- Impjiegi (Trabalho);
- Kummerċjali (Comércio);
- Eżekuzzjoni (Execução).
Il-qrati ġudizzjarji tal-prim’istanza jaħdmu jew bi mħallfin waħedhom, bil-qorti sħiħa, jew bil-qorti sħiħa u ġurija, skont il-każ. Kull Qorti Distrettwali għandha President b’setgħat ta’ rappreżentanza u tmexxija, ġestjoni tal-każijiet u ġestjoni amministrattiva u funzjonali.
Meta jkun hemm aktar minn ħames imħallfin fl-istess qorti jew awla, l-imħallef li jippresiedi, wara li jkun sema’ lill-imħallfin l-oħra, jista’ jippreżenta nomina għal imħallef koordinatur (magistrado judicial coordenador) fil-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura għal waħda mill-awli jew aktar, bil-kunsens minn qabel tal-imħallef rispettiv. Taħt il-gwida tal-imħallef li jippresiedi, l-imħallef koordinatur iwettaq il-kompiti delegati lilu minn dak l-imħallef, mingħajr preġudizzju għad-dritt li l-każ jiġi delegat lil qorti superjuri (avocação), u jrid jagħti rendikont tal-ħidma tiegħu kull meta jintalab jagħmel dan mill-imħallef li jippresiedi.
Qrati Amministrattivi u Fiskali
Il-qrati amministrattivi u fiskali huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar kawżi u appelli relatati mas-soluzzjoni ta’ tilwim li jirriżulta minn relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet amministrattivi u fiskali. Il-qrati amministrattivi u fiskali huma kif ġej:
- Il-Qorti Amministrattiva Suprema;
- il-qrati amministrattivi ċentrali;
- il-qrati amministrattivi distrettwali;
- il-qrati fiskali.
Il-Qorti Amministrattiva Suprema
Il-Qorti Amministrattiva Suprema hija l-ogħla korp fil-ġerarkija tal-qrati amministrattivi u fiskali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Qorti Kostituzzjonali.
Hija għandha s-sede tagħha f’Lisbona u għandha l-ġuriżdizzjoni fuq it-territorju Portugiż kollu.
Il-Qorti Amministrattiva Suprema tikkonsisti f’sezzjoni għat-tilwim amministrattiv u sezzjoni għat-tilwim fiskali. Ir-responsabbiltà prinċipali tagħha hija li tiddeċiedi fuq appelli kontra s-sentenzi mogħtija mill-qrati amministrattivi ċentrali.
Il-Qorti Amministrattiva Suprema topera taħt id-direzzjoni ta’ President (l-imħallef li jippresiedi) assistit minn tliet Viċi Presidenti.
Skont is-suġġett, il-qorti tiffunzjona bl-imħallfin kollha, l-imħallfin kollha għal kull sezzjoni, jew skont is-sezzjoni. Meta jkun hemm l-imħallfin kollha jew l-imħallfin kollha tas-sezzjoni, huma jeżaminaw biss punti tad-dritt.
Il-Qrati Amministrattivi Ċentrali
Bħala regola, il-qrati amministrattivi ċentrali huma qrati tat-tieni istanza b’ġuriżdizzjoni amministrattiva. Attwalment hemm żewġ qrati amministrattivi ċentrali (tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar).
Il-funzjoni prinċipali tagħhom hija li jiddeċiedu fuq appelli kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati amministrattivi distrettwali u l-qrati fiskali.
Kull qorti tikkonsisti f’sezzjoni għat-tilwim amministrattiv u sezzjoni għat-tilwim fiskali.
Il-qorti amministrattiva ċentrali topera taħt id-direzzjoni ta’ President (l-imħallef li jippresiedi) assistit minn żewġ Viċi Presidenti.
Il-qrati amministrattivi ċentrali jeżaminaw fatti u punti tad-dritt.
Il-Qrati Amministrattivi Distrettwali u l-Qrati Fiskali
Dawn huma qrati tal-prim’istanza, li l-funzjoni prinċipali tagħhom hija li jiddeċiedu dwar tilwim fuq kwistjonijiet amministrattivi u fiskali. Huma jistgħu jiffunzjonaw b’mod awtonomu, taħt it-titoli ta’ qrati amministrattivi distrettwali jew qrati fiskali, jew b’mod konġunt, taħt it-titolu ta’ qorti amministrattiva u fiskali.
Huma joperaw taħt id-direzzjoni ta’ President, li jinħatar għal terminu ta’ ħames snin mis-CSTAF (Conselho Superior dos Tribunais Administrativos e Fiscais - Il-Kunsill Suprem tal-Qrati Amministrattivi u Fiskali).
Dawn il-qrati ġeneralment ikunu preseduti minn imħallef wieħed, iżda l-liġi tgħid li f’ċerti każijiet jistgħu japplikaw arranġamenti differenti.
Kummissarji tal-Ġustizzja
Il-Kummissarji tal-Ġustizzja (julgados de paz) joffru metodu alternattiv għas-soluzzjoni ta’ tilwim li jkun esklussivament ta’ natura ċivili, fi kwistjonijiet li jinvolvu somom żgħar ta’ flus u li ma jinvolvux il-liġi tal-familja, tal-wirt jew tax-xogħol.
Skont it-termini tal-verżjoni attwali tal-Liġi Nru 78/2011 tat-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissarji tal-Ġustizzja huma kompetenti biex jivvalutaw u jiġġudikaw azzjonijiet dikjaratorji li l-valur tagħhom ma jaqbiżx il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-prim’istanza (EUR 15 000).
Skont l-Artikolu 9 ta’ din l-istess liġi, il-Kummissarji tal-Ġustizzja huma kompetenti biex jisimgħu u jiddeterminaw:
- kawżi għall-eżekuzzjoni tal-konformità mal-obbligi, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinvolvu l-konformità mal-kuntratti finanzjarji ta’ adeżjoni;
- kawżi għaċ-ċessjoni ta’ beni mobbli;
- kawżi li jirriżultaw mid-drittijiet u d-dmirijiet ta’ koproprjetarji, meta l-laqgħa ġenerali rispettiva ma tkunx għamlitha obbligatorja li jkun hemm arbitraġġ għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn koproprjetarji, jew bejn il-koproprjetarji u l-amministratur;
- kawżi għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn is-sidien ta’ bini dwar il-passaġġ furzat temporanju, id-drenaġġ naturali tal-ilma, xogħlijiet għall-protezzjoni kontra l-għargħar, il-kondiviżjoni ta’ drejns, kanali, u ċnut; il-ftuħ ta’ twieqi, bibien, verandi u kostruzzjonijiet simili; l-iskol tal-ilma tax-xita ta’ fuq il-bejt, it-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, il-ħitan ta’ partijiet interni u esterni;
- kawżi għall-irkupru ta’ proprjetà, kawżi possessorji, kawżi relatati ma’ użukapjoni, akkwist u diviżjoni (ta’ beni miżmuma b’mod komuni;
- kawżi li jikkonċernaw id-dritt għall-użu u l-amministrazzjoni ta’ koproprjetà, drittijiet fuq il-wiċċ tal-art, drittijiet ta’ użufrutt, drittijiet ta’ użu u abitazzjoni u d-dritt in rem ta’ kuntratti ta’ time-share;
- kawżi dwar kirjiet ta’ proprjetà, bl-eċċezzjoni tal-iżgumbramenti;
- kawżi li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ċivili, kemm kuntrattwali kif ukoll mhux kuntrattwali;
- kawżi relatati man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratti, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti ta’ impjieg u l-qbiela;
- kawżi li jinvolvu l-garanzija ġenerali tal-obbligi.
Il-Kummissarji tal-Ġustizzja huma kompetenti wkoll biex jisimgħu talbiet għal kumpens ċivili meta ma jkunux tressqu akkużi jew l-akkużi jkunu twaqqgħu, li jirriżultaw minn:
- offiża fuq il-persuna;
- offiża fuq il-persuna kkawżata minn negliġenza;
- kalunnja;
- libell;
- serq;
- dannu;
- sfreġju ta’ monumenti;
- frodi biex jinkiseb ikel, xorb jew servizzi.
Skont l-Artikolu 16, kull Kummissarju tal-Ġustizzja għandu servizz ta’ medjazzjoni disponibbli għal dawk li jkunu jeħtiġuh bħala metodu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim. L-għan ta’ dan is-servizz huwa li jinkoraġġixxi s-soluzzjoni bikrija tat-tilwim bi ftehim bejn il-partijiet. Is-servizz huwa kompetenti biex jagħmilha ta’ medjatur fi kwalunkwe tilwima soġġetta għal medjazzjoni, anki dawk li ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Kummissarju tal-Ġustizzja.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.