Qrati ordinarji nazzjonali

Slovenja

Din it-taqsima tagħtik informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji fis-Slovenja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovenja

Il-Qrati ordinarji

Skont l-Artikolu 98 tal-Att dwar il-Qrati, il-qrati ordinarji fis-Slovenja jinkludu:

  • il-qrati lokali (okrajna sodišča);
  • il-qrati distrettwali (okrožna sodišča);
  • il-qrati superjuri (višja sodišča);
  • il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja (Vrhovno sodišče) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Qorti Suprema”).

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati lokali

Skont l-Artikolu 99 tal-Att dwar il-Qrati, il-qrati lokali fis-Slovenja għandhom ġuriżdizzjoni fil-kwistjonijiet li ġejjin:

Materji kriminali

  1. biex jiddeċiedu fl-ewwel istanza dwar reati kriminali punibbli b’multa jew b’terminu ta’ mhux aktar minn tliet snin priġunerija, ħlief fejn jikkonċernaw reati ta’ diffamazzjoni kriminali mwettqa mill-istampa, permezz tar-radju, it-televiżjoni jew mezzi oħra ta’ informazzjoni pubblika;
  2. biex jinvestigaw reati kriminali kif deskritt hawn fuq;
  3. biex iwettqu kompiti oħrajn stabbiliti skont l-istatut.

Materji ċivili

biex jiddeċiedu fl-ewwel istanza:

  1. f’kawżi ċivili skont l-Att dwar il-Proċedura Ċivili;
  2. f’materji tas-suċċessjoni u materji mhux kontenzjużi oħrajn, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mil-liġi, u fir-rigward tar-reġistru tal-artijiet;
  3. f’materji ta’ eżekuzzjoni u garanzija ta’ pretensjonijiet, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mil-liġi.

Materji oħrajn

biex jiddeċiedu dwar materji oħrajn, meta jkun stabbilit mil-liġi.

Għajnuna legali

biex jittrattaw materji li jinvolvu l-għajnuna legali meta qrati oħrajn ma jkollhomx ġuriżdizzjoni statutorja, u jittrattaw l-għajnuna legali internazzjonali f’kawżi ta’ reati minuri.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati distrettwali

Skont l-Artikolu 101 tal-Att dwar il-Qrati, il-qrati distrettwali fis-Slovenja għandhom ġuriżdizzjoni fil-materji li ġejjin:

Materji Kriminali

  1. biex jiddeċiedu fl-ewwel istanza dwar reati kriminali li ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati lokali;
  2. biex iwettqu investigazzjoni jew azzjonijiet investigatorji li jikkonċernaw reati kriminali (kif deskritt fil-punt 1 hawn fuq);
  3. biex imexxu proċedimenti preliminari u jiddeċiedu fl-ewwel istanza dwar reati kriminali mwettqa minn minuri;
  4. biex jiddeċiedu fl-ewwel istanza dwar l-eżekuzzjoni ta’ sentenza kriminali maħruġa minn qorti barranija;
  5. biex jeżegwixxu sentenzi kriminali (li jirriżultaw mill-punti 1, 3 u 4 hawn fuq) u jeżegwixxu s-sentenzi kriminali tal-qrati lokali;
  6. biex jiddeċiedu dwar il-permess li jkun hemm interferenza mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
  7. biex jittieħdu deċiżjonijiet f’awla preproċedurali (anke f’materji kriminali li koperti mill-ġuriżdizzjoni tal-qrati lokali);
  8. biex iwettqu kompiti oħrajn stabbiliti mil-liġi;
  9. biex jeżerċitaw superviżjoni fir-rigward tat-trattament legali u korrett tal-kundannati u s-superviżjoni tad-detenuti.

Id-dipartimenti speċjalizzati tal-qrati (distrettwali) huma responsabbli biex jittrattaw il-kompiti fil-punti 1, 2, 3, 6, 7 u 8 f’każijiet aktar kumplessi li jinvolvu l-kriminalità organizzata u ekonomika, it-terroriżmu, il-korruzzjoni u attivitajiet kriminali oħrajn bħal dawn.

Materji ċivili

biex jiddeċiedu fl-ewwel istanza:

  1. f’materji ċivili skont l-Att dwar il-Proċedura Ċivili;
  2. dwar ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet tal-qrati barranin;
  3. f’każijiet ta’ saldu obbligatorju, falliment u likwidazzjoni meta jkun fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti, u f’tilwim konness;
  4. f’tilwim li jikkonċerna d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
  5. dwar proposti biex jiġu ordnati miżuri kawtelatorji ppreżentati qabel il-bidu ta’ kawża, li l-qorti tkun se tiddeċiedi dwarha f’konformità mar-regoli dwar it-tilwim ekonomiku, materji li jkun hemm qbil dwar il-ġuriżdizzjoni tal-arbitraġġ tagħhom u talbiet għal miżuri provviżorji f’materji ta’ proprjetà intellettwali;
  6. fi proċedimenti mhux kontenzjużi meta jkun stabbilit mil-liġi.

Materji oħrajn

  • iż-żamma tar-reġistru kummerċjali;
  • biex jiddeċiedu dwar materji oħrajn, meta jkun stabbilit mil-liġi;
  • biex jittrattaw kwistjonijiet li jinvolvu għajnuna legali f’materji ċivili, kriminali u materji oħrajn;
  • it-trattament tal-għajnuna legali internazzjonali.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati superjuri

Skont l-Artikolu 104 tal-Att dwar il-Qrati, il-qrati superjuri fis-Slovenja għandhom ġuriżdizzjoni fl-oqsma li ġejjin:

  1. biex jiddeċiedu fit-tieni istanza dwar appelli kontra deċiżjonijiet ta’ qrati lokali u distrettwali fit-territorju tagħhom;
  2. biex jiddeċiedu dwar tilwim dwar il-ġuriżdizzjoni bejn il-qrati lokali jew distrettwali fit-territorju tagħhom, u biex jiddeċiedu dwar it-trasferiment tal-ġuriżdizzjoni lil qorti lokali jew distrettwali oħra fit-territorju tagħhom;
  3. biex iwettqu kompiti oħrajn stabbiliti mil-liġi.

Bażijiet tad-data ġuridiċi

Isem u URL tal-bażi tad-data

Sodstvo Republike Slovenije (il-Qrati tar-Repubblika tas-Slovenja)

L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess għall-bażi tad-data huwa bla ħlas.

Deskrizzjoni fil-qosor tal-kontenut

Sodstvo Republike Slovenije (il-Qrati tar-Repubblika tas-Slovenja) tagħtik aċċess għal bosta bażijiet ta’ data, bħal:

  • Is-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika tas-Slovenja
  • Amministrazzjoni tal-qrati
  • Reġistri pubbliċi (reġistri tal-artijiet, reġistru ġudizzjarju).

Ħoloq relatati:

Listi tal-qrati

L-aħħar aġġornament: 16/04/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.