Sib informazzjoni għal kull reġjun
Qrati speċjalizzati
Fil-prinċipju, kwalunkwe qorti ordinarja tittratta l-kwistjonijiet kollha tal-ġustizzja ċivili u kriminali li huma assenjati għal-livell organizzattiv tagħha (Qorti Distrettwali [Bezirksgericht] jew Qorti tal-ewwel jew it-tieni istanza).
L-akbar bliet Awstrijaċi għandhom qrati speċjalizzati wkoll:
- ħamsa fi Vjenna, li jittrattaw kawżi ċivili, kawżi kriminali, kawżi kummerċjali (żewġ qrati), u kawżi dwar l-impjiegi u l-benefiċċji soċjali;
- tnejn fi Graz, li jittrattaw kawżi kriminali u kawżi oħra.
Il-kawżi dwar l-impjiegi essenzjalment jikkonsistu f’tilwim ċivili dwar relazzjonijiet ta’ impjieg, kif iddefinit fit-Taqsima 50 tal-Att dwar il-Qrati tal-Impjiegi u Soċjali [Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz]. Dawn huma rregolati mir-regoli proċedurali tagħhom stess, simili għal dawk tal-kawżi ċivili iżda b'xi regoli speċjali addizzjonali.
Il-kawżi dwar impjiegi jitressqu fl-ewwel istanza quddiem il-Qrati Reġjonali [Landesgerichte] jew, fi Vjenna, quddiem it-Tribunal Industrijali u Soċjali [Arbeits- und Sozialgericht]; fit-tieni istanza quddiem il-Qrati Reġjonali Superjuri [Oberlandsgerichte] u finalment fit-tielet istanza quddiem il-Qorti Suprema [Oberster Gerichtshof]. Id-deċiżjonijiet jittieħdu minn diviżjonijiet [Senate] tal-qorti x-xierqa, li huma magħmula minn imħallef professjonali wieħed jew aktar [Berufsrichter(innen)] u żewġ assessuri lajċi [Laienrichter(innen)], wieħed ipprovdut mill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u wieħed mill-organizzazzjonijiet tal-impjegati.
Il-proċedura tal-appelli f’kawżi ta’ impjieg hija simili għall-proċedura tal-appelli f’kawżi ċivili, iżda hemm inqas restrizzjonijiet fuq l-appelli. Pereżempju, appell dwar punt ta’ liġi [Revision] jista' jitressaq quddiem il-Qorti Suprema mingħajr ma jitqies il-valur inkwistjoni, sakemm il-punt ta’ liġi inkwistjoni jkun ta’ importanza sostanzjali.
Il-kawżi kummerċjali essenzjalment jikkonsistu f'kawżi ċivili li jinvolvu negozjant, kif iddefinit fit-Taqsima 51 tal-Liġi dwar il-Ġurisdizzjoni tal-Qorti [Jurisdiktionsnorm]. Dawn huma soġġetti għall-proċedura ċivili ordinarja, bi ftit regoli speċjali. Meta kawża kummerċjali tinstema’ minn diviżjoni f'qorti tal-ewwel jew it-tieni istanza, assessur lajk li jirrappreżenta lin-negozjanti jingħaqad mad-diviżjoni. (Dan mhux il-każ fil-Qorti Suprema).
Il-kawżi dwar kartelli, kif definiti fl-Att dwar il-Kartelli [Kartelgesetz], jitressqu quddiem il-Qorti Reġjonali Superjuri fi Vjenna, li taġixxi bħala l-Qorti tal-Kartelli [Kartellgericht] tal-ewwel istanza. Din għandha ġurisdizzjoni fuq il-pajjiż kollu. L-appelli kontra s-sentenzi tal-Qorti tal-Kartelli jitressqu fit-tieni u fl-aħħar istanza quddiem il-Qorti Suprema, li taġixxi bħala l-Qorti Superjuri tal-Kartelli [Kartellobergericht]. Id-deċiżjonijiet jittieħdu minn diviżjonijiet, li fiż-żewġ każijiet huma magħmula minn imħallef professjonali wieħed jew aktar u żewġ assessuri lajċi kkwalifikati. Il-Kamra Ekonomika Federali Awstrijaka [Wirtschaftskammer Österreich] u - ħlief għal xi eċċezzjonijiet - il-Kamra Federali għall-Ħaddiema u l-Impjegati [Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte] jagħżlu assessur lajk għal kull waħda.
Fi proċeduri mhux kontenzjużi [Verfahren außer Streitsachen], il-qrati jiddeċiedu dwar ċerti kwistjonijiet tad-dritt privat li għandhom karatteristiċi speċjali (ċerti ftehimiet, kwistjonijiet ta’ kustodja legali, u kawżi oħra fejn tipikament ma jkunx hemm żewġ partijiet b’interessi opposti). Dawn isegwu proċedura simili għal dik tal-ġurisdizzjoni volontarja.
Bħala regola ġenerali, kawżi bħal dawn huma l-ewwel deċiżi mill-Qrati Distrettwali, fit-tieni istanza mill-Qrati Reġjonali u fl-aħħar istanza mill-Qorti Suprema. Fl-ewwel istanza, il-kawżi jiġu deċiżi minn imħallef wieħed [Einzelrichter(in)] jew minn uffiċjal ġudizzjarju kkwalifikat apposta [Rechtspfleger(in)]. Fit-tieni u t-tielet istanza, huma deċiżi minn diviżjonijiet ta’ tliet jew ħames imħallfin professjonali.
Il-proċedura tal-appelli fi proċedimenti mhux kontenzjużi tixbah ukoll dik fil-kawżi ċivili. Fid-dawl tan-natura speċjali tal-proċeduri, madankollu, hemm inqas restrizzjonijiet fuq l-appelli. Hemm ukoll xi skop biex titressaq kwistjoni ġdida fit-tieni istanza, li tmur lil hinn mill-argumenti u s-sottomissjonijiet imressqa mir-rikorrent fl-ewwel istanza.
Minħabba l-ħafna tipi differenti ta’ kawżi ttrattati fi proċedimenti mhux kontenzjużi, hemm varjetà wiesgħa ta’ regoli speċjali li jirregolaw oqsma partikolari.
Qrati amministrattivi
L-Awstrija għandha l-qrati amministrattivi li ġejjin:
- disa’ Qrati Amministrattivi Provinċjali [Landesverwaltungsgerichte] – waħda f'kull provinċja;
- żewġ Qrati Amministrattivi Federali: il-Qorti Amministrattiva Federali [Bundesverwaltungsgericht] u l-Qorti Fiskali Federali [Bundesfinanzgericht];
- il-Qorti Amministrattiva Suprema [Verwaltungsgerichtshof].
Il-qrati amministrattivi jiddeċiedu, b’mod partikolari, dwar appelli kontra sentenzi u atti amministrattivi mingħajr proċedura minn korpi amministrattivi, kif ukoll dwar ilmenti kontra n-nuqqas tal-awtoritajiet amministrattivi li jaġixxu fl-iskadenza stabbilita (Säumnisbeschwerden).
Il-Qorti Fiskali Federali tiddeċiedi dwar kawżi ta’ appelli li jinvolvu taxxi u ħlasijiet pubbliċi (bi ftit eċċezzjonijiet) u l-liġi tat-taxxa kriminali, sakemm dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati direttament mill-awtoritajiet fiskali jew tat-taxxa federali. Il-Qorti Amministrattiva Federali tiddeċiedi primarjament dwar appelli kontra sentenzi li inkella jinħarġu mill-awtoritajiet federali fil-kuntest ta’ amministrazzjoni federali diretta. Inkella, ġeneralment huma l-Qrati Amministrattivi Provinċjali li jiddeċiedu dwar kawżi ta’ appell amministrattivi.
Is-sentenzi tal-qrati amministrattivi jistgħu, taħt ċerti ċirkostanzi, jiġu appellati quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema. Il-Qorti Kostituzzjonali [Verfassungsgerichtshof] tista’ tiġi kkonsultata f'kawżi li jinvolvu xi grad ta' ksur kostituzzjonali, speċjalment ksur tad-drittijiet fundamentali.
Qrati speċjalizzati oħra
Il-Qorti Kostituzzjonali
Flimkien mal-Qorti Suprema u l-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Qorti Kostituzzjonali hija t-tielet qorti superjuri tal-Awstrija. Bħaż-żewġ qrati superjuri l-oħra, il-Qorti Kostituzzjonali hija bbażata fi Vjenna u għandha ġurisdizzjoni fuq il-pajjiż kollu.
Il-kompitu primarju tal-Qorti Kostituzzjonali huwa li tivverifika l-konformità mal-kostituzzjoni u mad-drittijiet fundamentali. Hija speċifikament imsejħa biex teżamina, fuq talba, il-kostituzzjonalità tal-liġijiet, tar-regolamenti u tas-sentenzi li ġejjin:
- liġijiet federali u provinċjali;
- regolamenti maħruġa minn korpi amministrattivi;
- sentenzi tal-qrati amministrattivi.
Jekk meħtieġ, il-qorti tista’ twaqqa' dawn il-miżuri.
B'differenza minn qrati oħra, il-Qorti Kostituzzjonali ma għandhiex imħallfin professjonali, iżda pjuttost imħallfin honoris causa [Honoratiorenrichter(innen)]. Dawn għandhom ikunu individwi eċċezzjonali li diġà kellhom karriera legali ta’ suċċess f'funzjoni oħra. Ħafna minnhom jeżerċitaw il-kariga tagħhom fuq bażi part-time, u jistgħu jkomplu jeżerċitaw il-professjoni preċedenti tagħhom (eż. bħala mħallfin jew professuri universitarji, għalkemm mhux bħala impjegati taċ-ċivil, li għandhom jiġu meħlusa mid-dmirijiet uffiċjali tagħhom). Il-Qorti Kostituzzjonali tiltaqa’ biss għal “sessjonijiet”, li ġeneralment isiru erba’ darbiet fis-sena.
Bażijiet tad-data legali
Il-paġna ewlenija tal-Ġustizzja Awstrijaka tipprovdi informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ġudizzjarja Awstrijaka.
L-aċċess għall-bażi tad-data hu bla ħlas?
Iva.
Links relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.