Qrati speċjalizzati nazzjonali

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Il-qrati speċjalizzati li ġejjin joperaw fir-Repubblika ta’ Ċipru:

Qrati speċjalizzati

  • Il-Qorti Amministrattiva (Διοικητικό Δικαστήριο)

Il-Qorti Amministrattiva għandha ġuriżdizzjoni esklużiva biex tisma’ fl-ewwel istanza appelli skont l-Artikolu 146 tal-Kostituzzjoni rigward kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni ta’ persuni jew korpi li jeżerċitaw awtorità amministrattiva. Il-Qorti Amministrattiva tista’ tannulla kull att amministrattiv eżekutorju li mogħti fir-rigward ta’ ksur jew użu ħażin ta’ setgħat jew li jmur kontra l-liġi jew il-Kostituzzjoni. Meta l-appell ikollu x’jaqsam ma’ kwistjoni ta’ taxxa jew ma’ proċedimenti ta’ protezzjoni internazzjonali, il-Qorti tkun tista’ temenda d-deċiżjoni jew l-att rilevanti kompletament jew parzjalment.

  • Il-Qorti tal-Familja (Οικογενειακό Δικαστήριο)

Il-Qorti tal-Familja għandha ġuriżdizzjoni esklussiva biex tisma’ talbiet għal divorzju, għall-kustodja tat-tfal, għall-manteniment u għat-tilwim dwar il-proprjetà bejn il-konjuġi li jkunu membri tal-Knisja Ortodossa Griega.

Jekk il-partijiet jappartjenu għal wieħed mill-gruppi reliġjużi l-oħra f’Ċipru, jiġifieri l-Armeni, il-Maroniti jew il-Kattoliċi, il-ġuriżdizzjoni għall-kwistjonijiet ta’ hawn fuq tkun f’idejn il-Qorti tal-Familja għall-Gruppi Reliġjużi.

Hemm tliet Qrati tal-Familja, waħda għal Nikosija u Kyrenia, waħda għal Limassol u Paphos u waħda għal Larnaca u Famagusta. Hemm ukoll Qorti tal-Familja għall-Gruppi Reliġjużi għal Ċipru kollu, ibbażat f’Nikosija.

Il-kawżi quddiem il-Qorti tal-Familja jinstemgħu minn imħallef wieħed, ħlief it-talbiet għal divorzju, li jinstemgħu minn tliet imħallfin.

  • It-Tribunal Industrijali (Δικαστήριο Εργατικών Διαφορών)

It-Tribunal Industrijali għandu ġuriżdizzjoni esklużiva biex jisma’ t-tilwim industrijali kollu li jirriżulta minn terminazzjoni ta’ impjieg, bħall-ħlas ta’ kumpens għal tkeċċija inġusta (ħlief meta l-ammont mitlub jaqbeż l-ekwivalenti ta’ salarju ta’ sentejn, f’dak il-każ il-ġuriżdizzjoni tkun f’idejn il-Qorti Distrettwali), ħlas minflok preavviż, ħlas għas-sensji u talbiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg, bħal pagi dovuti, vaganzi annwali, paga tat-13-il xahar jew bonusijiet. Għandha ġuriżdizzjoni wkoll biex tisma’ kwalunkwe talba ċivili bbażata fuq l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (Ο περί Προστασίας της Μητρότητας Νόμος), il-kawżi ta’ trattament mhux ugwali u ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol u t-tilwimiet bejn il-Fondi Providenti (Ταμεία Πρόνοιας) u l-membri tagħhom.

It-Tribunal Industrijali huwa magħmul minn President jew Imħallef, li jkun membru tas-Servizz Ġudizzjarju tar-Repubblika (Δικαστική Υπηρεσία της Δημοκρατίας), u żewġ membri li mhux ġejjin mill-qasam ġuridiku u li jkunu maħtura fuq ir-rakkomandazzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-impjegati. Il-membri mhux ġejjin mill-qasam ġuridiku ikollhom rwol purament konsultattiv.

Bħalissa hemm tliet Tribunali Industrijali fir-Repubblika, ibbażati f’Nikosija, Limassol u Larnaca.

  • It-Tribunal tal-Kontroll tal-Kera (Δικαστήριο Ελέγχου Ενοικιάσεων)

It-Tribunal tal-Kontroll tal-Kera għandu ġuriżdizzjoni biex jisma’ kwistjonijiet rigward l-irkupru tal-pussess ta’ proprjetà mikrija, l-istabbiliment ta’ kirjiet ġusti u kwalunkwe kwistjoni inċidentali jew addizzjonali oħra.

Kull Tribunal tal-Kontroll tal-Kera huwa magħmul minn President, li jkun membru tal-ġudikatura, u żewġ membri oħra nnominati mir-rappreżentanti tal-kerrejja u ta’ sidien il-kera. Dawn il-membri għandhom rwol purament konsultattiv. It-Tribunal għandu żewġ awli.

  • Il-Qorti Amministrattiva tal-Protezzjoni Internazzjonali (Διοικητικό Δικαστήριο Διεθνούς Προστασίας)

Il-Qorti Amministrattiva tal-Protezzjoni Internazzjonali għandha l-ġuriżdizzjoni esklużiva biex tiddeċiedi fl-ewwel istanza dwar talbiet għal ażil minn refuġjati, f’konformità mal-Liġi dwar ir-Refuġjati adottata skont l-Artikolu 146 tal-Kostituzzjoni, jew kontra nuqqas ta’ azzjoni skont l-istess Liġi.

  • Il-Qorti Militari (Στρατιωτικό Δικαστήριο)

Il-Qorti Militari għandha ġuriżdizzjoni biex tisma’ kawżi ta’ reati mwettqa minn persunal militari bi ksur tal-Kodiċi Kriminali Militari (Στρατιωτικός Ποινικός Κώδικας), tal-Att dwar il-Gwardja Nazzjonali (Ο περί Εθνικής Φρουράς Νόμος), il-Kodiċi Kriminali (Ποινικός Κώδικας) jew kwalunkwe liġi oħra, irrispettivament mis-sentenza mogħtija. Bħala eċċezzjoni, individwi privati jistgħu wkoll jitressqu quddiem il-Qorti Militari meta dan ikun previst skont il-Kodiċi Kriminali Militari jew kwalunkwe liġi oħra.

Jekk l-imputat ikollu l-grad ta’ kurunell jew ogħla, il-Qorti Militari tiġi kkostitwita bl-istess mod bħall-Qorti Kriminali (Kακουργιοδικείου).

Il-President tal-Qorti huwa mħallef li jappartjeni lis-Servizz Ġudizzjarju tar-Repubblika. Hemm żewġ imħallfin assoċjati li huma militari u maħtura mill-Kunsill Ġudizzjarju Suprem.

Bażijiet tad-data ġuridiċi

Għad m’hemm l-ebda bażi tad-data ġuridika uffiċjali. Hemm għadd ta’ bażijiet ta’ data ġuridiċi privati, li wħud minnhom jipprovdu servizzi lill-abbonati u xi wħud minnhom jipprovdu aċċess b’xejn.

Fihom informazzjoni dwar sentenzi tal-qorti u leġiżlazzjoni primarja.

L-aħħar aġġornament: 22/07/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.