Qrati amministrattivi
L-Att tal-2007 dwar it-Tribunali tal-Qrati u l-Eżekuzzjoni ħoloq struttura unifikata unika għall-parti l-kbira tat-tribunali, maqsuma fit-Tribunal tal-Ewwel Istanza (First-tier Tribunal) u t-Tribunal Superjuri (Upper Tribunal). Kemm it-Tribunal tal-Ewwel Istanza u kemm it-Tribunal Superjuri għandhom awli separati li jkopru suġġetti differenti, li jlaqqgħu ġuriżdizzjonijiet simili. Id-dettalji tat-tribunali jinsabu fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha (Her Majesty’s Courts and Tribunals Service - HMCTS).
It-tribunal tal-ewwel istanza
It-tribunal tal-ewwel istanza huwa tribunal ġeneriku. Il-funzjoni prinċipali tiegħu hija li jisma’ appelli minn deċiżjonijiet tal-gvern f’oqsma fejn it-tribunal ikun ingħata l-ġuriżdizzjoni. Għal xi finijiet, huwa għandu ġuriżdizzjoni fir-Renju Unit kollu. It-tribunal tal-ewwel istanza huwa maqsum f’sitt awli:
- L-Awla tal-Intitolament Soċjali (The Social Entitlement Chamber)
- L-Awla tas-Saħħa, l-Edukazzjoni u l-Kura Soċjali (The Health, Education and Social Care Chamber)
- L-Awla tal-Pensjonijiet tal-Gwerra u l-Kumpens għall-Forzi Armati (The War Pensions and Armed Forces Compensation Chamber)
- L-Awla tat-Taxxi (The Tax Chamber).
- L-Awla Regolatorja Ġenerali (General Regulatory Chamber)
- L-Awla tal-Immigrazzjoni u l-Ażil (Immigration and Asylum Chamber)
- L-Awla tal-Proprjetà (Property Chamber)
It-tribunal superjuri
It-tribunal superjuri prinċipalment iżda mhux esklużivament, jiddeċiedi appelli li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal tal-Ewwel Istanza. Hija Qorti superjuri tar-Reġistru (superior Court of Record) u għandha wkoll is-setgħa li tittratta kawżi ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’ċerti ċirkostanzi.
It-Tribunal Superjuri jikkonsisti fi:
- L-Awla tal-Appelli Amministrattivi (The Administrative Appeals Chamber)
- L-Awla tal-Artijiet (The Lands Chamber)
- L-Awla tat-Taxxi u l-Kanċellerija (The Tax and Chancery Chamber)
- L-Awla tal-Immigrazzjoni u l-Ażil (Immigration and Asylum Chamber)
Karatteristika tat-tribunali hija l-kompetenza tagħhom fis-suġġett tal-appelli. L-istruttura hija tali li l-imħallfin tat-tribunali jkunu esperti fil-liġi tal-ġuriżdizzjoni tagħhom u l-membri mhux legali jew ikunu kkwalifikati professjonalment jew ikkwalifikati bl-esperjenza fil-qasam tagħhom. Il-panels għal tipi individwali ta’ appelli jkunu varjati skont is-suġġett tal-appell.
It-Tribunal Industrijali (Employment Tribunal) u t-Tribunal tal-Appelli Industrijali (Employment Appeal Tribunal)
It-Tribunal Industrijali u t-Tribunal tal-Appelli Industrijali huma barra mill-istruttura tat-tribunali unifikati iżda huma appoġġati mill-HMCTS. Ir-rwol tat-tribunal huwa li jwettaq il-kompiti amministrattivi meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati t-talbiet quddiem it-tribunali industrijali u l-appelli sussegwenti quddiem it-Tribunal tal-Appelli Industrijali.
Fl-Ingilterra u Wales, ħidmet il-Qorti Amministrattiva tinkludi l-ġuriżdizzjoni tad-dritt amministrattiv fuq l-Ingilterra u Wales, kif ukoll ġuriżdizzjoni superviżorja fuq il-qrati u t-tribunali inferjuri.
Qrati speċjalizzati
Hemm għadd ta’ qrati speċjalisti fl-Ingilterra u Wales:
- Fil-Qrati tal-Koroners (Coroners' Courts), koroner (xi drabi bil-ġurija) jinvestiga l-kawżi ta’ mwiet vjolenti, mhux naturali u suspettużi, jew imwiet istantanji fejn ir-raġuni tal-mewt ma’ tkunx magħrufa
- Il-Qorti tal-Protezzjoni (Court of Protection) tieħu deċiżjonijiet dwar il-proprjetà u l-affarijiet, il-kura tas-saħħa u l-benessri personali tal-adulti (u f’xi każijiet tat-tfal), li jkunu neqsin mill-kapaċità. Il-qorti għandha wkoll is-setgħa li tagħmel dikjarazzjonijiet dwar jekk xi ħadd ikollux il-kapaċità li jieħu deċiżjoni partikolari. Hija qorti superjuri li s-sentenzi tagħha jistgħu jiġu ċitati u jkunu rreġistrati uffiċjalment u tista’ tistabbilixxi preċedenti
- Fil-Qrati Marzjali (Courts Martial), jitressqu kawżi suġġetti għad-dritt militari kontra membri tal-forzi armati
- Il-Qrati Ekkleżjastiċi (Ecclesiastical Courts) jiddeċiedu kwistjonijiet marbuta mal-Knisja Anglikana u mad-dritt ekkleżjastiku
- Il-Qrati Kummerċjali/Merkantili (Commercial/Mercantile Courts) jittrattaw kwistjonijiet kummerċjali
- Il-Qrati tat-Teknoloġija u l-Kostruzzjoni (Technology and Construction Courts) jittrattaw kwistjonijiet relatati ma’ xogħlijiet ta’ bini jew kuntratti tal-IT
Ħoloq Relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.