Qrati speċjalizzati nazzjonali

Finlandja

Din it-taqsima tagħti informazzjoni dwar il-qrati speċjali fil-Finlandja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

Il-Qrati Speċjali

Hemm diversi qrati speċjali fil-Finlandja, li dmirijiethom huma stabbiliti fi statuti speċjali. Il-qrati speċjali kienu stabbiliti għal kawżi li ma jistgħux jiġu trattati mill-qrati ġenerali jew amministrattivi minħabba li jeħtieġu għarfien espert speċjali. Il-kompożizzjoni tal-qrati speċjali ġeneralment tirrifletti l-għarfien espert pertinenti għall-qasam inkwistjoni. Il-qrati speċjali huma:

  • It-Tribunal Industrijali
  • Il-Qorti tas-Suq
  • Il-Qorti tal-Assigurazzjoni u
  • Il-Qorti Superjuri tal-Akkuża.

It-Tribunal Industrijali

It-Tribunal Industrijali jittratta u jsolvi t-tilwim dwar l-interpretazzjoni tal-Att dwar il-Kuntratti tal-Impjieg, l-Att dwar il-Kuntratti tal-Impjegati Statali taċ-Ċivil, tal-Att dwar il-Kuntratti tal-Impjegati Muniċipali taċ-Ċivil u l-istatut li jirregola l-kuntratti tal-impjegati taċ-ċivil li jaħdmu mal-Knisja Evanġelika Luterana. Dan jittratta wkoll it-tilwim marbut mal-kuntratti tal-impjegati taċ-ċivil tal-Istat u l-ftehim kollettiv tal-impjegati.

Il-Qorti tas-Suq

Il-Qorti tas-Suq taġixxi bħala qorti speċjalizzata għall-kompetizzjoni u l-eżekuzzjoni, il-proprjetà intellettwali u l-liġi tas-suq.

Il-Qorti tal-Assigurazzjoni

Il-Qorti tal-Assigurazzjoni taġixxi bħala qorti speċjali għal kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali. Il-kwistjonijiet ttrattati mill-Qorti tal-Assigurazzjoni jinkludu, fost l-oħrajn, l-intitolament ta’ persuna għal pensjoni tal-impjieg, pensjoni nazzjonali u benefiċċju tal-qgħad u għal kumpens fuq il-bażi ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, mard ikkaġunat mix-xogħol, ħsara kkawżata minn reat, invalidità militari jew inċident militari.

Il-Qorti Superjuri tal-Akkuża

Il-Qorti Superjuri tal-Akkuża hija qorti speċjali li tisma’ kawżi li jikkonċernaw akkużi ta’ kondotta uffiċjali illegali fil-konfront tal-Membri Parlamentari Finlandiżi, imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Amministrattiva Suprema u ċerti impjegati taċ-ċivil imlaħħqin. Il-Qorti Superjuri tal-Akkuża tissejjaħ biss meta dan ikun meħtieġ.

Informazzjoni addizzjonali

Is-sit elettroniku tal-qrati Finlandiżi jinkludi informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja tal-Finlandja. Dan huwa portal uniku li jipprovdi informazzjoni dwar qrati, prosekuturi, awtoritajiet ta' infurzar u għajnuna legali.

Is-sit jinkludi, pereżempju, l-iktar ġurisprudenza reċenti mill-qrati tal-appell u mill-qrati amministrattivi flimkien ma’ links għas-siti elettroniċi tal-qrati kollha.

L-aħħar aġġornament: 19/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.