Sib informazzjoni għal kull reġjun
Qrati speċjalizzati
Il- Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas) tiżgura s-supremazija tal- Kostituzzjoni fis-sistema ġudizzjarja. Hija tiddeċiedi kwistjonijiet ta’ ġustizzja kostituzzjonali billi tikkunsidra jekk il-liġijiet u l-atti leġiżlattivi l-oħra adottati mill-Parlament humiex konformi mal-Kostituzzjoni, u jekk l-atti adottati mill-President jew mill-Gvern tar-Repubblika humiex konformi mal-Kostituzzjoni u l-leġiżlazzjoni.
Il-qrati amministrattivi
Hemm sitt qrati amministrattivi fil-Litwanja:
- il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja (Lietuvos Vyriausiasis administracinis teismas),
- ħames qrati amministrattivi reġjonali.
Il-Qorti Amministrattiva Auprema
Il- Qorti Amministrattiva Suprema (Vyriausiasis administracinis teismas) hija l-qorti tal-ewwel u l-aħħar istanza għall-każijiet amministrattivi assenjati lill-ġuriżdizzjoni tagħha bil-liġi. Tisma’ appelli minn deċiżjonijiet, digrieti u ordnijiet tal-qrati amministrattivi distrettwali, u minn deċiżjonijiet tal-qrati reġjonali f’każijiet li jinvolvu reati amministrattivi.
Il-Qorti Amministrattiva Suprema tisma’ wkoll petizzjonijiet biex jerġgħu jinfetħu każijiet amministrattivi mitmuma, inklużi każijiet li jinvolvu reati amministrattivi f’oqsma speċifikati bil-liġi. Il-Qorti Amministrattiva Suprema żviluppat prattika uniformi għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġijiet u atti legali oħra.
Il-qrati amministrattivi reġjonali (apygardų administraciniai teismai)
Qrati amministrattivi reġjonali huma qrati ta’ ġuriżdizzjoni speċjali. Il-funzjoni tagħhom hija li jisimgħu lmenti (petizzjonijiet) dwar azzjonijiet amministrattivi u atti ta’ twettiq u ta’ ommissjoni (nuqqas ta’ twettiq ta’ dmirijiet) minn entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika u interna.
Il-qrati amministrattivi reġjonali jisimgħu tilwim fil-qasam tal- amministrazzjoni pubblika u jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-legalità ta’ atti amministrattivi regolatorji, tilwim fiskali u oħrajn.
Qabel ma jitressaq rikors quddiem qorti amministrattiva, l-atti legali jew azzjonijiet individwali mwettqa minn entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika jistgħu jiġu kkontestati fl-istadju ta’ qabel is-smiegħ. F'dawn il-każijiet, it-tilwim jiġi investigat minn kummissjonijiet muniċipali għat-tilwim pubbliku amministrattiv, kummissjonijiet distrettwali għat-tilwim amministrattiv u mill-Kap tal-Kummissjoni għat-Tilwim Amministrattiv (Vyriausioji administracinių ginčų komisija).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.