L-għan tan-NĠE
L-għan tan-NĠE huwa li titjieb il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fil-livell legali u prattiku sabiex jiġu miġġielda d-delitti serji, b'mod partikolari l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, it-traffikar tad-drogi u t-terroriżmu.
Il-prinċipju li jispira n-NĠE huwa pjuttost sempliċi: l-identifikazzjoni ta' persuni rilevanti f'kull Stat Membru li għandhom rwol fundamentali fil-prattika fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, bil-għan li jinħoloq netwerk ta' esperti sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tajba ta' talbiet għal għajnuna legali reċiproka. In-NĠE jikseb sinifikat partikolari fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.
Kompożizzjoni tan-NĠE
In-NĠE huwa kompost minn punti ta' kuntatt tal-Istati Membri, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-punti ta' kuntatt nazzjonali huma magħżulin minn kull Stat Membru fost awtoritajiet ċentrali inkarigati mill-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn b'responsabbiltajiet speċifiċi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, kemm inġenerali kif ukoll għal ċerti forom ta' delitti serji, bħall-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, it-traffikar tad-drogi jew it-terroriżmu.
Funzjonijiet tal-Punti ta' Kuntatt
Il-punti ta' kuntatt huma "intermedjarji attivi" bil-kompitu li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari sabiex jiġu miġġielda l-forom differenti ta' delitti serji. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar in-NĠE tiddikjara li l-punti ta' kuntatt ser jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti lokali li "jistabbilixxu l-kuntatti diretti l-aktar adatti".
Funzjonijiet oħrajn tal-punti ta' kuntatt huma li jipprovdu l-informazzjoni legali u prattika neċessarja għall-awtoritajiet lokali sabiex iħejju talba effettiva għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, kif ukoll li jikkoordinaw il-funzjonijiet f'każijiet fejn serje ta' talbiet minn awtoritajiet ġudizzjarji lokali fi Stat Membru teħtieġ azzjoni kkoordinata fi Stat Membru ieħor.
Links relatati
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.