Ġustizzja fi kwistjonijiet li jinvolvu vittmi u xhieda ta' reati li huma tfal
Il-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal
Il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili
Ġustizzja adattata għat-tfal
Linji gwida dwar ġustizzja adattata għat-tfal (il-Kunsill tal-Ewropa)
Il-linji gwida dwar il-ġustizzja adattata għat-tfal bil-mistoqsijiet li għandhom x'jaqsmu mar-rwol, il-fehmiet, id-drittijiet u l-ħtiġijiet tat-tfal fi proċedimenti ġudizzjarji u fi proċeduri alternattivi. Il-linji gwida u l-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanjahom jistgħu jintużaw meta jiġu ddisinjati moduli ta' taħriġ. Dawn kienu adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-17 ta' Novembru tal-2010. Dawn huma disponibbli bl-Ingliż u bil-Franċiż u traduzzjonijiet f'ħafna lingwi oħra tal-UE huma disponibbli hawn.
Toolkit dwar il-ġustizzja adattata għat-tfal u d-drittijiet tat-tfal (in-Network Internazzjonali tad-Drittijiet tat-Tfal - CRIN)
In-Network Internazzjonali tad-Drittijiet tat-Tfal ipproduċa toolkit fuq id-dritt tat-tfal għal ġustizzja adattata għat-tfal, inklużi eżempji ta' prattika tajba, standards internazzjonali u reġjonali, riċerka u riżorsi oħra. Dan huwa disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol.
Toolkit dwar id-devjazzjoni u alternattivi għad-detenzjoni (UNICEF)
L-UNICEF żviluppat toolkit dwar proċedimenti ġudizzjarji u l-alternattivi għad-detenzjoni, li tagħti gwida dwar kif jiġi żgurat li d-drittijiet tat-tfal f'kunflitt mal-liġi jkunu protetti skont l-Artikoli 37(b), 40.1, 40.3(b) u 40.4 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. It-toolkit jipprovdi pariri prattiċi dwar kif għandhom jiġu implimentati d-devjazzjoni u l-alternattivi għad-detenzjoni, u jinkludi wkoll eżempji ta' proġetti u riżorsi oħra minn firxa ta' pajjiżi għall-assistenza tal-implimentazzjoni prattika tal-ideat.
Diverżjoni hija l-kanalizzazzjoni kondizzjonali tat-tfal f'kunflitt mal-liġi 'l bogħod minn proċedimenti ġudizzjarji lejn mod differenti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni li jippermetti li ħafna minnhom - possibbilment kważi kollha - jiġu trattati minn korpi mhux ġudizzjarji, u b'hekk jiġu evitati l-effetti negattivi ta' proċedimenti ġudizzjarji formali u rekord kriminali. "Alternattivi għad-detenzjoni" tirreferi għal miżuri li jistgħu jiġu imposti fuq tfal li jkunu qed jiġu pproċessati formalment permezz tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, kemm qabel il-proċess kif ukoll fl-istadji ta' sentenzjar, mingħajr ma jiġu mċaħħdha mil-libertà tagħhom.
Il-toolkit huwa disponibbli hawn bl-Ingliż.
L-Osservatorju Internazzjonali tal-Ġustizzja għall-Minorenni (IJJO)
L-Osservatorju Internazzjonali tal-Ġustizzja għall-Minorenni (IJJO) twaqqaf fl-2003 bil-għan li jinkoraġġixxi l-ġustizzja globali għall-minorenni mingħajr fruntieri. Permezz tal-websajt tiegħu, l-IJJO jimmira li jippromwovi l-iskambju ta' għarfien u l-prattika tajba, is-sorsi ta' informazzjoni, ir-riċerka u r-rapporti ewlenin. Huwa involut ukoll fl-iżvilupp ta' taħriġ f'dan il-qasam. Il-websajt hija disponibbli bl-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol.
Bord bejn l-Aġenziji dwar il-Ġustizzja tal-Minorenni
Il-Bord bejn l-Aġenziji dwar il-Ġustizzja tal-Minorenni jżomm bażi tad-dejta li tipprovdi ħarsa ġenerali tajba lil materjali ta' taħriġ disponibbli f'dan il-qasam u tista' tkun iffiltrata biex jinstabu għodod, manwali u manwali tat-taħriġ. Din hija disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol.
Manwal tat-Taħriġ dwar il-Ġustizzja tal-Minorenni (Penal Reform International - PRI u UNICEF)
Il-Manwal tat-Taħriġ dwar il-Ġustizzja tal-Minorenni huwa mfassal biex jgħin bl-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' taħriġ dwar id-drittijiet tat-tfal. Il-manwal tat-taħriġ jista' jintuża minn kull fornitur tat-taħriġ li jorganizza sessjoni ta' taħriġ immirata lejn il-professjonisti, inklużi mħallfin, maġistrati, avukati, prosekuturi, pulizija, persunal tal-ħabs, ħaddiema soċjali u atturi oħra li jaħdmu mat-tfal f'kunflitt mal-liġi. Dan ġie ppubblikat minn Penal Reform International (PRI) u l-UNICEF.
Huwa disponibbli hawn bl-Ingliż.
Manwal tat-taħriġ dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali (Penal Reform International - PRI)
Il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal fis-Sistemi tal-Ġustizzja Kriminali: Il-manwal tat-taħriġ huwa maħsub li jkun gwida ta' referenza komprensiva għal dawk li jaħdmu f'firxa ta' professjonijiet jew aġenziji fis-sistema tal-ġustizzja kriminali. Il-modulu ta' taħriġ huwa mmirat lejn il-professjonisti u l-partijiet ikkonċernati li huma involuti fit-taħriġ bħala parti mill-impjiegi tagħhom u huwa maħsub biex jgħinhom biex jgħallmu b'mod effettiv il-prinċipji delinjati fil-manwal bl-użu ta' metodoloġija ta' taħriġ ibbażata fuq l-esperjenza.
Il-manwal ikopri l-kwistjoni tat-tfal f'kunflitt mal-liġi, u l-vittmi u x-xhieda tfal. Dan jiddiskuti wkoll il-modi ta' rispons għal tfal li jistgħu jkunu f'riskju li jaqgħu taħt is-sistemi tal-ġustizzja kriminali. F'dawn l-oqsma, il-manwal jiffoka fuq suġġetti bħall-protezzjoni tat-tfal, il-prevenzjoni tal-kriminalità, l-infurzar tal-liġi, il-proċeduri ta' proċess, u s-sentenza u r-riabilitazzjoni.
Il-manwal, żviluppat minn Penal Reform International, huwa disponibbli bl-Ingliż.
Ġustizzja fi kwistjonijiet li jinvolvu vittmi u xhieda ta' reati li huma tfal
Manwal għall-professjonisti u nies li jfasslu l-politika dwar il-ġustizzja fi kwistjonijiet li jinvolvu l-vittmi u x-xhieda ta' reati li huma tfal (l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità - UNODC)
Il-Manwal, miktub għall-professjonisti u l-persuni li jfasslu l-politika huwa mfassal biex jgħin lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni, fil-livell nazzjonali, tal-linji gwida dwar il-ġustizzja fi kwistjonijiet li jinvolvu l-vittmi u x-xhieda ta' reati li huma tfal u linji gwida internazzjonali rilevanti oħra. Dan huwa bbażat fuq l-aħjar prattika internazzjonali fit-trattament tas-sistema tal-ġustizzja kriminali ta' vittmi u xhieda ta' reati li huma tfal. Huwa maħsub biex iservi bħala gwida għall-persuni li jfasslu l-politika u għall-professjonisti li jittrattaw vittmi u xhieda ta' reati li huma tfal, bħal imħallfin, impjegati mediċi u ta' appoġġ, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, prosekuturi, ħaddiema soċjali, persunal ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-għalliema. Il-kors huwa disponibbli bl-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol. Liġi mudell u kummentarju relatat mal-istess suġġett huma wkoll disponibbli bl-Ingliż.
Taħriġ onlajn fuq il-linji gwida tan-NU dwar il-ġustizzja fi kwistjonijiet li jinvolvu l-vittmi u x-xhieda ta' reati li huma tfal (UNODC u l-UNICEF)
Dan it-taħriġ onlajn jista' jiġi segwit minn kull professjonist jew persuna li tfassal il-politika interessata jew li taħdem fil-qasam tal-appoġġ għall-vittmi u xhieda ta' reati li huma tfal. Il-kors ġie żviluppat b'mod konġunt mill-UNODC, l-UNICEF u l-Uffiċċju Internazzjonali għad-Drittijiet tat-Tfal (IBCR) bl-appoġġ tal-Gvern tal-Kanada. Huwa disponibbli onlajn bla ħlas, u l-aċċess jinkiseb sempliċiment billi wieħed jirreġistra fuq il-websajt. Ċertifikat ta' tlestija jingħata lill-utenti li jagħmlu t-testijiet rilevanti kollha. Il-kors huwa disponibbli bl-Ingliż.
Il-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal
Linji gwida dwar il-protezzjoni tat-tfal vittmi tat-traffikar (UNICEF)
Il-linji gwida dwar il-protezzjoni tat-tfal vittmi tat-traffikar jistabbilixxu standards għall-prattika tajba bbażati fuq il-politiki internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Il-linji gwida jkopru l-protezzjoni tat-tfal traffikati, mill-identifikazzjoni tagħhom permezz tal-irkupru u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom, u jistgħu jintużaw flimkien ma' linji gwida u għodod oħra żviluppati biex jgħinu l-prevenzjoni tat-traffikar tat-tfal. Fil-livelli nazzjonali u reġjonali, dawn il-linji gwida jistgħu jintużaw bħala punt tat-tluq għall-iżvilupp ta' politiki u prattiki b'kont meħud taċ-ċirkostanzi, limitazzjonijiet u riżorsi lokali. L-għan tal-linji gwida huwa li jassistu l-gvernijiet u l-atturi statali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u l-NGOs u l-fornituri ta' servizzi oħra. Dawn huma disponibbli bl-Ingliż.
Riżorsi oħra tal-UNICEF dwar il-protezzjoni tat-tfal jinsabu hawnhekk.
Manwal ta' taħriġ dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal għax-xogħol, l-esplojtazzjoni sesswali u forom oħra (Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol - ILO)
Dan il-manwal tat-taħriġ huwa mfassal biex jgħin lill-gvernijiet, il-ħaddiema, min iħaddem, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u l-NGOs involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal għax-xogħol, l-esplojtazzjoni sesswali u forom oħra. Dan jikkonsisti fi tliet kotba (Nifhmu t-traffikar tat-tfal, Azzjoni kontra t-traffikar tat-tfal fil-livelli politiċi u ta' sensibilizzazzjoni u Kwistjonijiet ta' proċess), ktieb ta' eżerċizzji prattiċi u gwida għall-faċilitaturi. Il-manwal huwa disponibbli bl-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol. Dan ġie żviluppat mill-ILO u l-UNICEF u jifforma parti mill-inizjattiva globali tan-NU għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili
"Magħqudin biex intemmu l-mutilazzjoni ġenitali femminili" (UEFGM) għodda tat-tagħlim elettroniku
Il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u forma ta' abbuż tat-tfal. Bħal kull forma oħra ta' vjolenza bbażata fuq is-sess, din tikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali għall-ħajja, il-libertà, is-sigurtà, id-dinjità, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, in-nondiskriminazzjoni u l-integrità fiżika u mentali, kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Il-kors ta' tagħlim elettroniku "Magħqudin biex intemmu l-mutilazzjoni ġenitali femminili" (UEFGM) jindirizza l-kwistjoni tal-MĠF fil-kuntest tas-servizzi tas-saħħa u l-ażil. Il-ġuristi jistgħu jkunu interessati fl-ewwel żewġ moduli ta' fondazzjoni, li jipprovdu introduzzjoni għall-fehim tal-MĠF bħala kwistjoni ta' drittijiet tal-bniedem u bħala forma speċifika ta' vjolenza bbażata fuq is‑sess. Il-ġuristi li jispeċjalizzaw fil-liġi tal-ażil jistgħu jkunu interessati fiż-żewġ moduli speċjalizzati fil-qasam tal-ażil.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.