Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Id-dispożizzjonijiet tat- Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili (tsiviilseadustiku üldosa seadus) li tikkonċerna t-termini u l-iskadenzi japplikaw meta tiġi kkalkulata l-preskrizzjoni proċedurali, sakemm mhux provdut mod ieħor mil-liġi. Skont l-Artikolu 134(2) tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili, terminu jiġi definit fi snin, xhur, ġimgħat, jiem, sigħat jew kejl tal-ħin iqsar jew b'referenza għal avveniment li se jseħħ żgur. Terminu jibda jgħaddi mill-ġurnata wara l-jum kalendarju jew id-dħul fis-seħħ tal-avveniment li kien stabbilit bħala l-bidu tat-terminu, u jieqaf mal-iskadenza. Jekk l-iskadenza hija definita bħala terminu kkalkulat f'jiem jew kejl tal-ħin itwal, it-terminu jiskadi f'nofsillejl fid-data ta' skadenza sakemm mhux provdut mod ieħor bil-liġi. Dikjarazzjoni ta' intenzjoni li trid tiġi kkomunikata f'terminu ta’ żmien lil persuna impenjata f'attività ekonomika jew professjonali għandha tiġi komunikata lill-persuna u kull att li jrid jitwettaq f'terminu ta' żmien fir-rigward ta' dik il-persuna jrid jitwettaq l-aktar tard fid-data ta' skadenza tal-ħin normali tax-xogħol tal-post fejn trid tiġi komunikata d-dikjarazzjoni tal-intenzjoni jew fejn se jitwettaq l-att. Jekk l-att proċedurali jrid jitwettaq fil-bini tal-qorti, it-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol tal-qorti titqies bħala t-tmiem tat-terminu.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Il-ġranet ta' festa huma stabbiliti fl-Att dwar il-Festi Pubbliċi u l-Jiem ta' Importanza Nazzjonali (pühade ja tähtpäevade seadus) (daħal fis-seħħ fit-23 ta' Frar 1998). Dawn huma:

  1. L-24 ta' Frar - Jum l-Indipendenza u l-anniversarju tar-Repubblika tal-Estonja;
  2. L-1 ta' Jannar - l-Ewwel tas-Sena;
  3. il-Ġimgħa l-Kbira;
  4. l-Għid il-Kbir;
  5. l-1 ta' Mejju - Jum il-Ħaddiem;
  6. Pentekoste;
  7. it-23 ta' Ġunju - Jum ir-Rebħa;
  8. l-24 ta' Ġunju - il-Ħġejjeġ ta' San Ġwann;
  9. l-20 ta' Awwissu - Jum l-Indipendenza;
  10. l-24 ta' Diċembru - Lejlet il-Milied;
  11. il-25 ta' Diċembru - Jum il-Milied;
  12. is-26 ta' Diċembru - San Stiefnu.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Skont l-Artikolu 62(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik), id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili dwar it-termini u l-iskadenzi japplikaw meta jiġu kkalkulati l-limiti taż-żmien proċedurali, sakemm mhux provdut mod ieħor bil-liġi.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Ir-regola ġenerali hija stabbilita fl-Artikolu 135(1) tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili, fejn terminu jibda għaddej fid-data wara l-jum jew l-avveniment li kien stabbilit bħala l-bidu tat-terminu, sakemm mhux provdut mod ieħor bil-liġi jew b'kuntratt. Terminu stabbilit mill-qorti jibda għaddej mill-ġurnata wara l-ġurnata li fih jiġi nnotifikat id-dokument li għalih ġie stabbilit it-terminu, sakemm mhux provdut mod ieħor meta jiġi stabbilit it-terminu. Jekk id-dokument mhemmx għalfejn jiġi nnotifikat, it-terminu jibda jgħaddi kif jingħata avviż tat-terminu li ġie stabbilit (l-Artikolu 63 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Le. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jgħid li terminu stabbilit mill-qorti jibda għaddej mill-ġurnata wara l-ġurnata li fiha jkun ġie notifikat id-dokument ġudizzjarju. Dan japplika għall-mezzi kollha ta' notifika tad-dokumenti.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Skont l-Artikolu 135(1) tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili, terminu jibda għaddej fid-data wara l-jum kalendarju jew l-avveniment li kien stabbilit bħala l-bidu tat-terminu, sakemm mhux provdut mod ieħor bil-liġi jew b'kuntratt.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Skont l-Artikolu 136(9) tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili, għall-finijiet tad-definizzjoni ta' terminu, ġurnata titqies li hija perjodu ta' żmien bejn nofsillejl sa nofsillejl. Għalhekk, jekk terminu huwa espress f'jiem, in-numru ta' ġranet jirreferi għall-jiem kalendarji.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Bħala regola ġenerali, il-limiti taż-żmien proċedurali jiġu espressi f'jiem.

Terminu jista' jiġi espress f'xhur jekk, pereżempju, ma jista' jsir l-ebda appell kif jiskadi t-terminu. Skont l-Artikolu 632 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, appell jista' jitressaq fi żmien 30 jum min-notifika tas-sentenza lill-appellant, iżda mhux aktar tard minn ħames xhur wara d-data minn meta s-sentenza tal-qorti tal-prim'istanza saret pubblika. Kif jgħaddu ħames xhur mid-data li fiha saret pubblika s-sentenza, ma jista' jsir l-ebda appell anki jekk ikun fadal inqas minn 30 jum sakemm jgħaddu l-ħames xhur wara n-notifika u l-pubblikazzjoni tas-sentenza. Dan il-limitu definittiv ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Ġie stabbilit ukoll limitu definittiv simili ta' ħames xhur għall-preżentata ta' appell fir-rigward ta', pereżempju, il-preżentata ta' appell kontra sentenza jew appell fil-kassazzjoni.

Eżempju ta' terminu espress fi snin huwa t-terminu għall-iskadenza ta' talba għal rimborż ta' tariffa tal-Istat jew garanzija - it-talba ssir preskritta meta jkunu għaddew sentejn mill-aħħar tas-sena li fiha jkunu tħallsu l-garanzija jew it-tariffa tal-Istat, iżda mhux qabel ma tkun daħħlet fis-seħħ sentenza li ġġib fi tmiemhom il-proċedimenti. Dan huwa, madankollu, it-terminu ta' skadenza ta' talba u mhux limitu taż-żmien proċedurali - dan il-perjodu la jista' jiġi estiż u l-anqas jerġa jibda jgħaddi.

Terminu għall-iskadenza ta' talba huwa espress ukoll fi snin. Dan mhux limitu ta' żmien proċedurali l-anqas. Skont l-Artikolu 143 tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili, qorti tqis l-iskadenza ta' talba biss b'talba tal-persuna obbligata.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Terminu jispiċċa fid-data ta' skadenza. Jekk perjodu ta' skadenza huwa definit bħala perjodu ta' żmien ikkalkulat f'ġimgħat, id-data ta' skadenza hija l-ġurnata korrispondenti tal-aħħar ġimgħa tal-perjodu ta' żmien. Jekk perjodu ta' skadenza huwa definit bħala perjodu ta' żmien ikkalkulat f'ġimgħat, id-data ta' skadenza hija l-ġurnata korrispondenti tal-aħħar xahar. Jekk perjodu ta' skadenza huwa definit bħala perjodu ta' żmien ikkalkulat fi snin, id-data ta' skadenza hija l-ġurnata u x-xahar korrispondenti tal-aħħar sena. Jekk perjodu ta' skadenza huwa definit bħala perjodu ta' żmien ikkalkulat f'ġimgħat jew snin, u d-data ta' skadenza tkun f'xahar li ma jkollux dik id-data partikolari, id-data ta' skadenza tkun l-aħħar ġurnata tax-xahar (l-Artikolu 136(2)-(5) tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili).

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva. L-Artikolu 136(8) tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili jgħid li, jekk data ta' skadenza biex issir dikjarazzjoni ta' intenzjoni jew jitwettaq obbligu taqa' f'festa pubblika jew ġurnata oħra mhux ta' festa, id-data ta' skadenza tkun l-ewwel ġurnata ta' xogħol wara l-ġurnata‑mhux ta' festa.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Skont l-Artikolu 64(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti tista', fuq il-bażi ta' talba motivata jew b'inizjattiva tagħha stess, testendi limitu taż-żmien proċedurali li kienet stabbilixxiet jekk hemm raġuni valida għal dan. Limitu taż-żmien jista’ jiġi estiż għal aktar minn darba biss bil-kunsens tal-parti l-oħra.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Appell irid isir fi żmien 30 jum min-notifika tas-sentenza lill-appellant iżda mhux aktar tard minn ħames xhur minn meta s-sentenza tal-qorti tal-prim'istanza (esimese astme kohus) kienet saret pubblika (l-Artikolu 632(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali:

  1. Jekk, meta tkun qed tiddeċiedi każ, qorti tal-kontea (maakohus) tiddikjara fil-parti operattiva tas-sentenza li l-leġiżlazzjoni rilevanti ta' applikazzjoni ġenerali hija kontra l-Kostituzzjoni (põhiseadus) u tirrifjuta li tapplikaha, il-perjodu għall-appell ma jibdiex jgħaddi sakemm tingħata sentenza dwar il-leġiżlazzjoni ta' applikazzjoni ġenerali li ma ġietx applikata permezz ta' stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Suprema (Riigikohus);
  2. Jekk tingħata sentenza supplimentari matul il-perjodu għall-appell, il-perjodu għall-appell jibda jgħaddi mid-data li fiha ngħatat is-sentenza supplimentari, inkluż rigward is-sentenza oriġinali. F'każijiet fejn il-parti minsija tiġi miżjuda ma sentenza mogħtija mingħajr il-parti deskrittiva jew dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-perjodu għal appell jerġa' jibda mill-ġdid mid-data li fiha tingħata s-sentenza finali.

Jekk il-partijiet jilħqu ftehim f'dan ir-rigward u javżaw lill-qorti, il-perjodu ta' appell jista' jiġi mnaqqas, jew jista' jiżdied sa massimu ta' ħames xhur minn meta ssir pubblika s-sentenza.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti tiffissa seduta immedjatament wara l-preżentata ta' talba jew rikors u r-risposta għaliha, jew mal-iskadenza tat-terminu stabbilit għar-risposta. Il-qorti tista' tiffissa wkoll seduta qabel ma tirċievi risposta jew qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għar-risposta jekk jista' jkun preżunt li hemm bżonn seduta l-qorti għal deċiżjoni dwar il-kwistjoni irrispettivament mir-risposta jew jekk l-iffissar immedjat tas-seduta huwa raġonevoli skont iċ-ċirkostanzi għal raġunijiet oħra. Jekk il-qorti ma għandhiex bżonn ta' risposta, hija tiffissa s-seduta tal-qorti immedjatament wara l-irċevuta ta' talba jew rikors. Jekk ikun possibbli, il-qorti tikseb u tqis l-opinjoni tal-parteċipanti fil-proċedimenti meta tiffissa seduta l-qorti.

Qorti tista' tikkanċella, tbiddel il-ħin ta' jew tiddifferixxi seduta tal-qorti biss jekk ikollha raġuni tajba (l-Artikolu 352(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Jekk il-proċedimenti jsiru skont il-liġi proċedurali Estonjana, persuna ma titlifx id-dritt għall-estensjoni tal-limitu taż-żmien proċedurali biss minħabba l-possibbiltà ta' estensjoni jew le tal-limitu taż-żmien fil-post fejn il-persuna saret taf bl-att.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Jekk l-att proċedurali ma twettaqx fil-ħin, il-parteċipant fil-proċedimenti ma għandux dritt iwettaq att proċedurali fi stadju ulterjuri, sakemm qorti ma terġax iġġedded it-terminu provdut mil-liġi, testendi t-terminu li tkun stabbilixxiet jew tisma' t-talba, ir-rikors, il-provi jew l-oġġezzjoni ppreżentata mill-parteċipant fil-proċedimenti. Dan japplika irrispettivament minn jekk il-parteċipant fil-proċedimenti kienx imwissi dwar dawn il-konsegwenzi minn qabel.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Jekk il-qorti tat sentenza f'kontumaċja minħabba li l-konvenut ma deherx, il-konvenut jista' jippreżenta talba biex tiġi annullata dik is-sentenza (l-Artikolu 415 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-konvenut jista' jippreżenta talba biex tiġi annullata s-sentenza mogħtija f'kontumaċja jekk kien hemm raġuni tajba għan-nuqqas ta' azzjoni tal-konvenut li wassal għas-sentenza f'kontumaċja. Raġunijiet tajba għan-nuqqas ta' rispons għall-azzjoni jew dehra l-qorti u għan-nuqqas ta' notifika lill-qorti huma, qabel kollox, problemi tat-traffiku, mard mhux mistenni ta' parti jew mard serju mhux mistenni ta' persuna qrib il-parti li minħabba f'hekk naqas milli jwieġeb għall-azzjoni jew li jidher il-qorti u jibgħat rappreżentant minfloku (l-Artikolu 422(1)).

Talba biex tiġi annullata sentenza f'kontumaċja tista' tiġi ppreżentata irrispettivament mill-eżistenza ta' raġuni tajba jekk:

  1. f'każ ta' nuqqas ta' tweġiba għal azzjoni, l-azzjoni ġiet notifikata lill-konvenut jew lil rappreżentant tiegħu b'kull mezz ħlief notifika personali ffirmata jew b'mod elettroniku;
  2. f'każ ta' nuqqas ta' dehra l-qorti, it-taħrika tiġi notifikata lill-konvenut jew lil rappreżentant tiegħu b'kull mezz ħlief notifika personali li trid tiġi ffirmata jew notifikata waqt seduta l-qorti;
  3. is-sentenza mogħtija f'kontumaċja ma setgħetx tingħata skont il-liġi.

Talba biex tiġi annullata sentenza mogħtija f'kontumaċja tista' titressaq fi żmien 30 jum wara n-notifika ta' dik is-sentenza. Jekk is-sentenza mogħtija f'kontumaċja tingħata b'mod pubbliku, talba għall-annullament tagħha tista' ssir fi żmien 30 jum mid-data li fiha l-konvenut sar jaf bis-sentenza mogħtija f'kontumaċja jew bil-proċedimenti ta' eżekuzzjoni għas-sentenza mogħtija f'kontumaċja. Jekk tingħata sentenza f'kontumaċja oħra kontra l-konvenut wara li jkunu reġgħu nfetħu l-proċedimenti, il-konvenut jista' jappella kontra dik is-sentenza biss fuq il-bażi tan-nuqqas ta' verifika tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal sentenza mogħtija f'kontumaċja.

L-aħħar aġġornament: 19/04/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.