- 1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?
- 2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.
- 3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?
- 4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?
- 5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?
- 6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?
- 7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?
- 8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?
- 9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?
- 10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?
- 11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?
- 12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?
- 13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?
- 14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?
- 15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?
- 16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?
Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili (tsiviilseadustiku üldosa seadus, TsÜS) li tikkonċerna t-termini u l-iskadenzi japplikaw meta jiġi kkalkulat it-terminu proċedurali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi. Skont l-Artikolu 134(2) tat-TsÜS, terminu jiġi definit fi snin, xhur, ġimgħat, jiem, sigħat jew kejl tal-ħin iqsar jew b’referenza għal avveniment li se jseħħ żgur. Terminu jibda jgħaddi mill-ġurnata wara l-jum kalendarju jew id-dħul fis-seħħ tal-avveniment li kien stabbilit bħala l-bidu tat-terminu, u jieqaf mal-iskadenza. Jekk l-iskadenza tkun idefinita bħala terminu kkalkulat f’jiem jew kejl tal-ħin itwal, it-terminu jiskadi f’nofsillejl fid-data ta’ skadenza sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi. Dikjarazzjoni ta' intenzjoni li trid tiġi kkomunikata f'terminu ta’ żmien lil persuna impenjata f'attività ekonomika jew professjonali għandha tiġi komunikata lill-persuna u kull att li jrid jitwettaq f'terminu ta' żmien fir-rigward ta' dik il-persuna jrid jitwettaq l-aktar tard fid-data ta' skadenza tal-ħin normali tax-xogħol tal-post fejn trid tiġi komunikata d-dikjarazzjoni tal-intenzjoni jew fejn se jitwettaq l-att. Jekk l-att proċedurali jrid jitwettaq fil-bini tal-qorti, it-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol tal-qorti titqies bħala t-tmiem tat-terminu.
2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.
Il-ġranet ta’ festa huma stabbiliti fl-Att dwar il-Festi Pubbliċi u l-Jiem ta’ Importanza Nazzjonali (pühade ja tähtpäevade seadus) (li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Frar 1998). Dawn huma:
1) L-24 ta' Frar - Jum l-Indipendenza u l-anniversarju tar-Repubblika tal-Estonja;
2) L-1 ta' Jannar - l-Ewwel tas-Sena;
3) – il-Ġimgħa l-Kbira;
4) – l-Għid il-Kbir;
5) l-1 ta' Mejju - Jum il-Ħaddiem;
6) – Jum il-Pentekoste;
7) it-23 ta’ Ġunju – Jum ir-Rebħa;
8) l-24 ta’ Ġunju – il-Ħġejjeġ ta’ San Ġwann;
9) l-20 ta’ Awwissu - Jum ir-Restawr tal-Indipendenza;
10) l-24 ta' Diċembru - Lejlet il-Milied;
11) il-25 ta' Diċembru - Jum il-Milied;
12) is-26 ta' Diċembru - San Stiefnu;
3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?
Skont l-Artikolu 65(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik, TsMS), id-dispożizzjonijiet tat-TsÜS dwar it-termini u l-iskadenzi japplikaw meta jiġu kkalkulati t-termini proċedurali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi.
4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?
Ir-regola ġenerali hija stabbilita fl-Artikolu 135(1) tat-TsÜS, fejn terminu jibda jiddekorri fil-jum ta’ wara l-jum kalendarju jew wara li jseħħ l-avveniment li kien stabbilit bħala l-bidu tat-terminu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi jew minn kuntratt. Terminu stabbilit mill-qorti jibda għaddej mill-ġurnata wara l-ġurnata li fih jiġi nnotifikat id-dokument li għalih ġie stabbilit it-terminu, sakemm mhux provdut mod ieħor meta jiġi stabbilit it-terminu. Jekk ma jkunx hemm bżonn li d-dokument jiġi nnotifikat, it-terminu jibda jiddekorri kif jasal l-avviż tat-terminu li ġie stabbilit (l-Artikolu 63 tat-TsMS).
5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?
Le. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jgħid li terminu stabbilit mill-qorti jibda għaddej mill-ġurnata wara l-ġurnata li fiha jkun ġie notifikat id-dokument ġudizzjarju. Dan japplika għall-mezzi kollha ta' notifika tad-dokumenti.
6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?
Le – skont l-Artikolu 135(1) tat-TsÜS, terminu jibda jiddekorri fil-jum ta’ wara l-jum kalendarju jew wara li jseħħ l-avveniment li kien stabbilit bħala l-bidu tat-terminu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi jew minn kuntratt.
7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?
Skont l-Artikolu 136(9) tat-TsÜS, għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ terminu, ġurnata titqies li hija perjodu ta’ żmien minn nofsillejl sa nofsillejl. Għalhekk, jekk terminu huwa espress f'jiem, in-numru ta' ġranet jirreferi għall-jiem kalendarji.
8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?
Bħala regola ġenerali, il-limiti taż-żmien proċedurali jiġu espressi f'jiem.
Terminu jista' jiġi espress f'xhur jekk, pereżempju, ma jista' jsir l-ebda appell kif jiskadi t-terminu. Skont l-Artikolu 632 tat-TsMS, appell jista’ jitressaq fi żmien 30 jum min-notifika tas-sentenza lill-appellant, iżda mhux aktar tard minn 5 xhur wara d-data meta s-sentenza tal-qorti tal-prim’istanza tkun saret pubblika. Kif jgħaddu 5 xhur mid-data li fiha saret pubblika s-sentenza, ma jista’ jitressaq l-ebda appell anki jekk ikun fadal inqas minn 30 jum sakemm jgħaddu l-5 xhur wara n-notifika u l-pubblikazzjoni tas-sentenza. Dan il-limitu definittiv ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Ġie stabbilit ukoll limitu definittiv simili ta' ħames xhur għall-preżentata ta' appell fir-rigward ta', pereżempju, il-preżentata ta' appell kontra sentenza jew appell fil-kassazzjoni.
Eżempju ta' terminu espress fi snin huwa t-terminu għall-iskadenza ta' talba għal rimborż ta' tariffa tal-Istat jew garanzija - it-talba ssir preskritta meta jkunu għaddew sentejn mill-aħħar tas-sena li fiha jkunu tħallsu l-garanzija jew it-tariffa tal-Istat, iżda mhux qabel ma tkun daħħlet fis-seħħ sentenza li ġġib fi tmiemhom il-proċedimenti. Dan huwa, madankollu, it-terminu ta' skadenza ta' talba u mhux limitu taż-żmien proċedurali - dan il-perjodu la jista' jiġi estiż u l-anqas jerġa jibda jgħaddi.
Terminu għall-iskadenza ta' talba huwa espress ukoll fi snin. Dan mhux limitu ta' żmien proċedurali l-anqas. Skont l-Artikolu 143 tat-TsÜS, qorti tqis l-iskadenza ta’ talba biss b’talba tal-persuna obbligata.
9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?
Terminu jispiċċa fid-data ta' skadenza. Jekk perjodu ta' skadenza huwa definit bħala perjodu ta' żmien ikkalkulat f'ġimgħat, id-data ta' skadenza hija l-ġurnata korrispondenti tal-aħħar ġimgħa tal-perjodu ta' żmien. Jekk perjodu ta' skadenza huwa definit bħala perjodu ta' żmien ikkalkulat f'ġimgħat, id-data ta' skadenza hija l-ġurnata korrispondenti tal-aħħar xahar. Jekk perjodu ta' skadenza huwa definit bħala perjodu ta' żmien ikkalkulat fi snin, id-data ta' skadenza hija l-ġurnata u x-xahar korrispondenti tal-aħħar sena. Jekk perjodu ta’ skadenza huwa definit bħala perjodu ta’ żmien ikkalkulat f’ġimgħat jew snin, u d-data ta’ skadenza tkun f’xahar li ma jkollux dik id-data partikolari, id-data ta’ skadenza titqies li tkun l-aħħar ġurnata tax-xahar (l-Artikolu 136(2)-(5) tat-TsÜS).
10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?
Iva. L-Artikolu 136(8) tat-Taqsima Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili jgħid li, jekk id-data ta’ skadenza biex issir dikjarazzjoni ta’ intenzjoni jew jitwettaq obbligu taqa’ f’festa pubblika jew ġurnata oħra ta’ festa, id-data ta’ skadenza titqies li tkun l-ewwel ġurnata ta’ xogħol wara l-ġurnata ta’ festa.
11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?
Skont l-Artikolu 64(1) tat-TsMS, qorti tista’, abbażi ta’ petizzjoni motivata jew fuq inizjattiva tagħha stess, testendi terminu proċedurali li tkun stabbiliet jekk ikun hemm raġuni valida biex tagħmel dan. Terminu jista’ jiġi estiż għal aktar minn darba biss bil-kunsens tal-parti opposta.
12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?
Appell irid isir fi żmien 30 jum min-notifika tas-sentenza lill-appellant iżda mhux aktar tard minn 5 xhur mid-data ta’ meta s-sentenza tal-qorti tal-prim’istanza (esimese astme kohus) tkun ġiet ippubblikata (l-Artikolu 632(1) tat-TsMS). Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali:
1) Jekk, meta tkun qed tiddeċiedi każ, qorti tal-kontea (maakohus) tiddikjara fil-parti operattiva tas-sentenza li l-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ applikazzjoni ġenerali hija kontra l-Kostituzzjoni (põhiseadus) u tirrifjuta li tapplikaha, il-perjodu għall-appell ma jibdiex jiddekorri qabel ma tingħata sentenza dwar il-leġiżlazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali li ma ġietx applikata permezz ta’ rieżami kostituzzjonali mill-Qorti Suprema (Riigikohus);
2) Jekk ikun hemm sentenza supplimentari fi kwistjoni matul il-perjodu għall-appell, il-perjodu għall-appell jibda jiddekorri minn dakinhar meta tingħata s-sentenza supplimentari, inkluż fir-rigward tas-sentenza inizjali. F'każijiet fejn il-parti minsija tiġi miżjuda ma sentenza mogħtija mingħajr il-parti deskrittiva jew dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-perjodu għal appell jerġa' jibda mill-ġdid mid-data li fiha tingħata s-sentenza finali.
Jekk il-partijiet jilħqu ftehim f'dan ir-rigward u javżaw lill-qorti, il-perjodu ta' appell jista' jiġi mnaqqas, jew jista' jiżdied sa massimu ta' ħames xhur minn meta ssir pubblika s-sentenza.
13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?
Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti tiffissa seduta immedjatament wara l-preżentata ta' talba jew rikors u r-risposta għaliha, jew mal-iskadenza tat-terminu stabbilit għar-risposta. Il-qorti tista' tiffissa wkoll seduta qabel ma tirċievi risposta jew qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għar-risposta jekk jista' jkun preżunt li hemm bżonn seduta l-qorti għal deċiżjoni dwar il-kwistjoni irrispettivament mir-risposta jew jekk l-iffissar immedjat tas-seduta huwa raġonevoli skont iċ-ċirkostanzi għal raġunijiet oħra. Jekk il-qorti ma għandhiex bżonn ta' risposta, hija tiffissa s-seduta tal-qorti immedjatament wara l-irċevuta ta' talba jew rikors. Jekk ikun possibbli, il-qorti tikseb u tqis l-opinjoni tal-parteċipanti fil-proċedimenti meta tiffissa seduta l-qorti.
Qorti tista’ tikkanċella, tbiddel il-ħin ta’ jew tiddifferixxi seduta tal-qorti biss jekk ikollha raġuni tajba (l-Artikolu 352(1) tat-TsMS).
14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?
Jekk il-proċedimenti jsiru skont il-liġi proċedurali Estonjana, persuna ma titlifx id-dritt għall-estensjoni tal-limitu taż-żmien proċedurali biss minħabba l-possibbiltà ta' estensjoni jew le tal-limitu taż-żmien fil-post fejn il-persuna saret taf bl-att.
15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?
Jekk l-att proċedurali ma twettaqx fil-ħin, il-parti fil-proċedimenti ma jkollhiex dritt twettaq l-att proċedurali fi stadju ulterjuri, sakemm qorti ma terġax iġġedded it-terminu previst mil-liġi, testendi t-terminu li tkun stabbiliet jew tisma’ t-talba, ir-rikors, il-provi jew l-oġġezzjoni ppreżentata mill-parti fil-proċedimenti. Dan japplika irrispettivament minn jekk il-parti fil-proċedimenti kinitx imwissija dwar dawn il-konsegwenzi minn qabel.
16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?
Jekk qorti tkun tat sentenza fil-kontumaċja minħabba li l-konvenut ma jkunx deher, il-konvenut jista’ jippreżenta talba biex tiġi annullata dik is-sentenza (l-Artikolu 415 tat-TsMS). Il-konvenut jista' jippreżenta talba biex tiġi annullata s-sentenza mogħtija f'kontumaċja jekk kien hemm raġuni tajba għan-nuqqas ta' azzjoni tal-konvenut li wassal għas-sentenza f'kontumaċja. Raġunijiet tajba għan-nuqqas ta' rispons għall-azzjoni jew dehra l-qorti u għan-nuqqas ta' notifika lill-qorti huma, qabel kollox, problemi tat-traffiku, mard mhux mistenni ta' parti jew mard serju mhux mistenni ta' persuna qrib il-parti li minħabba f'hekk naqas milli jwieġeb għall-azzjoni jew li jidher il-qorti u jibgħat rappreżentant minfloku (l-Artikolu 422(1)).
Talba biex tiġi annullata sentenza f'kontumaċja tista' tiġi ppreżentata irrispettivament mill-eżistenza ta' raġuni tajba jekk:
1) f’każ ta’ nuqqas ta’ risposta għal azzjoni, l-azzjoni ġiet innotifikata lill-konvenut jew lil rappreżentant tiegħu b’kull mezz ħlief b’konsenja personali li teħtieġ firma jew b’mod elettroniku;
2) f’każ ta’ nuqqas ta’ dehra f'seduta tal-qorti, it-taħrika ġiet innotifikata lill-konvenut jew lil rappreżentant tiegħu b’kull mezz ieħor ħlief b’konsenja personali li teħtieġ firma jew b’konsenja waqt seduta tal-qorti jew b’mod elettroniku;
3) is-sentenza fil-kontumaċja ma setgħetx tingħata skont il-liġi.
Talba biex tiġi annullata sentenza mogħtija f'kontumaċja tista' titressaq fi żmien 30 jum wara n-notifika ta' dik is-sentenza. Jekk is-sentenza mogħtija f'kontumaċja tingħata b'mod pubbliku, talba għall-annullament tagħha tista' ssir fi żmien 30 jum mid-data li fiha l-konvenut sar jaf bis-sentenza mogħtija f'kontumaċja jew bil-proċedimenti ta' eżekuzzjoni għas-sentenza mogħtija f'kontumaċja. Jekk tingħata sentenza f'kontumaċja oħra kontra l-konvenut wara li jkunu reġgħu nfetħu l-proċedimenti, il-konvenut jista' jappella kontra dik is-sentenza biss fuq il-bażi tan-nuqqas ta' verifika tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal sentenza mogħtija f'kontumaċja.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.