Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Il-liġi Franċiża tipprovdi għal “termini ta' preskrizzjoni” (délais de prescription), “termini ta' dekadenza” (délais de forclusion) u skadenzi proċedurali (délais de procédure).

It-termini ta' preskrizzjoni huma perjodi ta’ żmien li malli jiskadu persuna tikseb dritt fir-rigward ta’ proprjetà permezz ta’ pussess, imsejjaħ terminu ta' preskrizzjoni akkwiżittiva (délai de prescription acquisitive) jew bħala konsegwenza ta’ nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ dritt, titilfu jew jiskadi, imsejjaħ terminu ta' preskrizzjoni estintiva (délai de prescription extinctive). It-termini ta' preskrizzjoni jistgħu jiġu sospiżi (suspendu) jew interrotti (interrompu).

It-termini ta' dekadenza huma partikolarment stretti u ġeneralment stabbiliti mil-liġi sabiex tinfetaħ kawża. Meta jiskadu, l-azzjoni titqies li ntemmet. It-termini ta' dekadenza ma jistgħux jiġu sospiżi. Bħala regola ġenerali, huma lanqas jistgħu jiġu interrotti: madankollu, skont l-Artikoli 2241 u 2244 tal-Kodiċi Ċivili, ċerti passi, bħal taħrika sabiex persuna tidher quddiem il-qorti jew sekwestru jew miżura ta’ eżekuzzjoni oħra, jinterrompu dawn it-termini.

L-iskadenzi proċedurali (délais de procédure) huma dawk li japplikaw għall-proċeduri tal-qorti ladarba jkunu nbdew il-proċedimenti. Jistgħu jiġu stabbiliti mil-liġi jew imposti mill-qorti. Għall-kuntrarju tat-termini ta' dekadenza, it-termini stabbiliti għall-proċeduri tal-qorti ma jwasslux sabiex l-azzjoni tiġi preskritta. Dawn it-termini ma jistgħux jiġu sospiżi jew interrotti.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Skont il-leġiżlazzjoni attwali, il-jiem li ġejjin huma btajjel pubbliċi:

  • l-1 ta’ Jannar;
  • it-Tnejn ta’ wara l-Għid;
  • l-1 ta’ Mejju;
  • l-8 ta’ Mejju;
  • Jum Lapsi;
  • it-Tnejn ta’ wara l-Għid il-Ħamsin;
  • l-14 ta’ Lulju;
  • L-Assunta (il-15 ta’ Awwissu);
  • Jum il-Qaddisin Kollha (l-1 ta’ Novembru);
  • il-11 ta’ Novembru;
  • il-Milied (il-25 ta’ Diċembru).

Il-btajjel pubbliċi ġew stabbiliti f’ċerti postijiet (ċerti dipartimenti (départements) u komunitajiet territorjali (communautés territoriales)) sabiex jikkommemoraw l-abolizzjoni tal-iskjavitù: is-27 ta’ Mejju għal Guadeloupe, l-10 ta’ Ġunju għall-Guyana Franċiża, it-22 ta’ Mejju għal Martinique, l-20 ta’ Diċembru għal La Réunion u s-27 ta’ April għal Mayotte.

Fid-dipartimenti ta’ Alsace-Moselle, is-26 ta’ Diċembru u l-Ġimgħa l-Kbira huma btajjel pubbliċi.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Minn mindu daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 2008-561 tas-17 ta’ Ġunju 2008 (li tinkludi dispożizzjonijiet tranżitorji), il-terminu ta' preskrizzjoni li skont il-liġi ordinarja warajh jintilef dritt, huwa ta’ ħames snin (qabel kien ta’ 30 sena).

Madankollu, hemm numru ta’ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, eż. għal azzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili li tirriżulta minn avveniment li jikkawża ħsara fuq il-persuna, li għalihom il-terminu ta' preskrizzjoni huwa ta’ 10 snin.

It-tul tat-termini ta' dekadenza u tat-skadenzi proċedurali jvarja skont is-soġġett u l-proċedura involuta.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Għall-iskadenzi proċedurali, l-Artikolu 640 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddikjara li meta att jew formalità jkunu jridu jitwettqu f’perjodu partikolari, il-perjodu jiġi kkalkolat mid-data tal-att, tal-avveniment, tad-deċiżjoni jew tan-notifika li jwassal sabiex jibda jiddekorri dak il-perjodu.

Il-punt tat-tluq tal-terminu ta' preskrizzjoni estintiva skont il-liġi ordinarja tal-azzjonijiet personali jew azzjonijiet li jinvolvu proprjetà mobbli huwa “id-data li fiha d-detentur tad-dritt kien jaf jew kellu jkun jaf bil-fatti li jintitolawh jeżerċita d-dritt”. F’ċerti oqsma, bħal azzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili li tirriżulta minn avveniment li jikkawża ħsara fuq il-persuna, hemm stabbiliti punti tat-tluq speċifiċi. Skont l-Artikolu 2226 tal-Kodiċi Ċivili, il-punt tat-tluq tal-terminu ta' preskrizzjoni ta’ 10 snin huwa d-data li fiha l-ħsara inizjali jew aggravata hija kkunsidrata kkonsolidata.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Skont l-Artikolu 664-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta dokument jiġi nnotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju (huissier), id-data tan-notifika tkun id-data tan-notifika personali, fid-dar jew fir-residenza tad-destinatarju, jew id-data tar-rapport uffiċjali mħejji mill-uffiċjal ġudizzjarju li jelenka l-passi meħuda sabiex jinstab id-destinatarju meta dik il-persuna la jkollha dar, la residenza u lanqas post tax-xogħol magħruf. Meta dokument jiġi nnotifikat b’mod elettroniku, id-data u l-ħin tan-notifika huma dawk tat-trażmissjoni tad-dokument lid-destinatarju tiegħu.

Meta dokument jiġi nnotifikat bil-posta, skont l-Artikoli 668 u 669 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-data tan-notifika tkun, fir-rigward tal-mittent, id-data tad-dispaċċ, u, fir-rigward tad-destinatarju, id-data tal-wasla tal-ittra. Id-data tad-dispaċċ hija d-data li tidher fuq it-timbru tal-posta tal-uffiċċju tad-dispaċċ. Id-data tal-wasla hija d-data tal-irċevuta ffirmata (récipissé) jew tal-firma (émargement) tad-destinatarju. Jekk id-dokument jiġi nnotifikat permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni tal-kunsinna (avis de réception), id-data tal-irċevuta hija dik li tiġi ttimbrata mis-servizz postali meta l-ittra tiġi mgħoddija lid-destinatarju.

Bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 647-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jindika li d-data tan-notifika ta’ dokument ġudizzjarju jew ekstraġudizzjarju fil-Polineżja Franċiża, l-Gżejjer Wallis u Futuna, il-Kaledonja Ġdida, it-Territorju Franċiżi tan-Nofsinhar u Antartiċi jew barra l-pajjiż hija, fir-rigward tal-mittent, id-data tad-dispaċċ tat-taħrika mill-uffiċjal ġudizzjarju jew mir-reġistru tal-qorti (greffe), jew fin-nuqqas id-data tal-wasla fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku responsabbli (parquet).

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Skont l-Artikolu 641 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta terminu jiġi espress f’jiem, il-jum tal-att, tal-avveniment, tad-deċiżjoni jew tan-notifika li jwassal sabiex jibda jiddekorri dan it-terminu ma jingħaddx. Din ir-regola tapplika għall-iskadenzi proċedurali.

Terminu ta' preskrizzjoni estintiva huwa espress ukoll f’jiem, sabiex il-jum tal-avveniment li jwassal biex dan it-terminu jibda jiddekorri ma jingħaddx. Fir-rigward tat-termini għal appelli, meta dokument ma jiġix innotifikat personalment, ċerti dispożizzjonijiet jippermettu li ż-żmien minn meta t-terminu jibda jiddekorri jiġi differit għad-data meta d-dokument jiġi fil-fatt innotifikat lill-persuna jew għad-data meta jittieħdu miżuri ta’ eżekuzzjoni fuq il-bażi tad-dokument.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Skont l-Artikolu 642 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, terminu li altrimenti jiskadi nhar ta’ Sibt, nhar ta’ Ħadd, fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol jiġi estiż sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

B’hekk, it-termini jkomplu jiddekorru fil-Ħdud u l-btajjel pubbliċi, iżda jiġu estiżi sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss meta altrimenti jintemmu nhar ta’ Sibt, nhar ta’ Ħadd, fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Skont l-Artikolu 641 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta terminu jiġi espress f’xhur jew snin, dan jiskadi f’dak il-jum tal-aħħar xahar, jew tax-xahar fl-aħħar sena, li jkun iġib l-istess numru fix-xahar bħall-jum tal-att, tal-avveniment, tad-deċiżjoni jew tan-notifika minn meta jibda jiddekorri t-terminu. Meta x-xahar sussegwenti rilevanti ma jkollu ebda jum bl-istess numru, it-terminu jiskadi fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.

Meta terminu jkun espress f’xhur u f’jiem, ix-xhur jingħaddu l-ewwel, imbagħad il-jiem.

Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 642 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (ara l-mistoqsija preċedenti) tapplika għat-termini kollha, irrispettivament minn jekk ikunux espressi f’jiem, xhur jew snin.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Skont l-Artikolu 641 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta terminu jiġi espress f’xhur jew snin, dan jiskadi f’dak il-jum tal-aħħar xahar, jew tax-xahar fl-aħħar sena, li jkun iġib l-istess numru fix-xahar bħall-jum tal-att, tal-avveniment, tad-deċiżjoni jew tan-notifika minn meta jibda jiddekorri t-terminu. Meta x-xahar sussegwenti rilevanti ma jkollu ebda jum bl-istess numru, it-terminu jiskadi fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.

Meta terminu jkun espress f’xhur u f’jiem, ix-xhur jingħaddu l-ewwel, imbagħad il-jiem.

Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 642 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (ara l-mistoqsija preċedenti) tapplika għat-termini kollha, irrispettivament minn jekk ikunux espressi f’jiem, xhur jew snin.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Kif ġie spjegat hawn fuq, terminu li altrimenti jiskadi nhar ta’ Sibt, nhar ta’ Ħadd, fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol jiġi estiż sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

L-estensjoni tat-terminu sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss tapplika għas-suġġetti kollha u fil-proċeduri kollha.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Skont l-Artikolu 643 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta l-azzjoni titressaq quddiem seduta tal-qorti fi Franza metropolitana, it-termini sabiex persuna tidher quddiem il-qorti (comparution), tressaq appell ordinarju (appel), tressaq oġġezzjoni (opposition), titlob li jsir stħarriġ ta’ sentenza (révision) u tressaq appell fuq punti ta’ liġi lill-Qorti tal-Kassazzjoni (recours en cassation) jiġu estiżi:

  • b’xahar għal persuni li jgħixu fi Guadeloupe, fil-Gujana Franċiża, f’Martinique, f’Réunion, f’Mayotte, f’Saint Barthélemy, f’Saint Martin, f’Saint Pierre u Miquelon, fil-Polineżja Franċiża, fil-Gżejjer ta’ Wallis u Futuna, fil-Kaledonja Ġdida, fit-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u tal-Antartika;
  • b’xahrejn għall-persuni li jgħixu f’pajjiż barrani.

Skont l-Artikolu 644 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta azzjoni titressaq quddiem seduta tal-qorti fi Guadeloupe, fil-Gujana Franċiża, f’Martinique, f’Réunion, f’Mayotte, f’Saint Barthélemy, f’Saint Martin, f’Saint Pierre u Miquelon jew fil-Gżejjer ta’ Wallis u Futuna t-termini sabiex persuna tidher quddiem il-qorti, tressaq appell ordinarju, tressaq oġġezzjoni u titlob li ssir reviżjoni ta’ sentenza jiġu estiżi:

  • b’xahar għall-persuni li ma jgħixux fil-komunità territorjali li għaliha s-seduta tal-qorti għandha ġuriżdizzjoni;
  • b’xahrejn għall-persuni li jgħixu f’pajjiż barrani.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Fil-prinċipju, skont l-Artikolu 538 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, it-terminu għal appell ordinarju huwa ta’ xahar fi kwistjonijiet kontenzjużi, jew ħmistax-il jum fi kwistjonijiet mhux kontenzjużi. Madankollu, diversi dispożizzjonijiet oħrajn jagħmlu eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Pereżempju, it-terminu għal tali appell huwa ta’ ħmistax-il jum f’każijiet ta’ ordnijiet magħmula fi proċedimenti interim, deċiżjonijiet tal-qorti ta’ eżekuzzjoni, deċiżjonijiet tal-qorti tal-familja, deċiżjonijiet tal-qorti tal-minorenni fi kwistjonijiet ta’ appoġġ edukattiv, eċċ.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Bħala regola ġenerali, it-termini sabiex persuna tidher quddiem il-qorti u għan-notifika ta’ taħrikiet fil-qrati ċivili jistgħu jitnaqqsu f’każijiet ta’ emerġenza, suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-qorti. Dawn it-termini jistgħu jitnaqqsu wkoll b’applikazzjoni tal-liġi jew tar-regoli.

Pereżempju, il-partijiet jistgħu jiġu awtorizzati jinnotifikaw taħrika għal data interim speċifikament indikata/proċedimenti ta’ notifika qasira, iżda wkoll fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa.

Bħala regola ġenerali, il-qrati jistgħu jiddeċiedu li jipposponu l-kunsiderazzjoni tagħhom tal-kawża għal data aktar tard sabiex jippermettu lill-partijiet jidhru quddiem il-qorti.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

F’konformità mal-Artikolu 647 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta att intenzjonat għal parti residenti f’post fejn tkun se tibbenifika minn estensjoni tat-terminu jiġi nnotifikat lilha personalment f’post fejn ir-residenti lokali ma jibbenifikawx minn tali estensjoni, japplikaw biss it-termini permessi għar-residenti lokali.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Mal-iskadenza ta’ terminu ta' preskrizzjoni jew dekadenza kwalunkwe proċedimenti jiġu preskritti; rikors jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-merti tiegħu.

Fil-każ ta’ terminu proċedurali stabbilit mil-liġi jew impost mill-qorti, il-pieni għal nuqqas ta’ osservanza jvarjaw skont ir-rwol tat-terminu u n-natura tal-pass li jrid jittieħed. Fil-leġiżlazzjoni ma hemm ebda dispożizzjoni għal sanzjonijiet minħabba nuqqas ta’ konformità mat-termini sabiex persuna tidher quddiem qorti: skont il-ġurisprudenza, nuqqas ta’ konformità ma’ dak it-terminu jannulla sentenza mogħtija qabel l-iskadenza tat-terminu jekk il-konvenut ma jkunx deher.

In-nuqqas ta’ diliġenza dovuta min-naħa tal-partijiet, fejn ikun hemm terminu stabbilit għal dak il-għan, ġeneralment jiġi ppenalizzat bit-tneħħija mil-lista tal-kawżi. Madankollu, nuqqas ta’ twettiq ta’ stadju proċedurali jista’ jiġi ppenalizzat ukoll permezz tan-nullità (pereżempju jekk it-taħrika ma tiġix innotifikata fir-reġistru tal-qorti fit-terminu preskritt) jew permezz tal-għeluq tal-investigazzjoni fil-kuntest tat-tħejjija tal-atti tal-kawża (proċedura bil-miktub standard).

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Ma huma disponibbli ebda rimedji sabiex titreġġa’ lura l-iskadenza tad-dritt li tittieħed azzjoni legali, li huwa effett legali tal-iskadenza tal-terminu ta' preskrizzjoni jew dekadenza.

Madankollu, meta jkun hekk stabbilit mil-liġi, il-qorti għandha l-għażla li teħles parzjalment lil parti mid-dekadenza konsegwenti għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu. L-Artikolu 540 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jippermetti tneħħija parzjali tal-preskrizzjoni li tirriżulta minn nuqqas ta’ konformità mat-terminu sabiex tiġi kkontestata sentenza mogħtija f’kontumaċja, jew meqjusa li ngħatat fuq azzjoni difiża, jekk il-parti, mingħajr ebda ħtija min-naħa tagħha, ma kinitx taf bis-sentenza fil-ħin sabiex setgħet tikkontestaha, jew jekk ma setgħetx tieħu azzjoni.

Rikors għal ħelsien jista’ jitressaq kontra deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara stadju proċedurali null u bla effett. Barra minn hekk, nullità ta’ dan it-tip tittermina l-proċedimenti attwali, iżda tħalli d-dritt li tittieħed azzjoni intatt. Għalhekk, jista’ jsir rikors ġdid sakemm ma tapplika ebda kawża li tkun ta’ ostaklu għall-proċedimenti, b’mod partikolari l-iskadenza tat-termini ta' dekadenza.

Ma jista’ jitressaq ebda appell kontra d-deċiżjoni li titneħħa kawża mil-lista ta’ kawżi. Madankollu, it-tneħħija tħalli l-azzjoni nnifisha intatta. It-termini ta' preskrizzjoni jew dekadenza jkunu ġew interrotti permezz tan-notifika tat-taħrika, u dak l-effett jibqa’. Is-sospensjoni tista’ tintemm permezz ta’ rikors sabiex il-kawża tiġi rreġistrata mill-ġdid fil-lista ta’ kawżi li jindika l-passi meħuda li jiġġustifikaw it-tneħħija.

Ħoloq relatati

Site Legifrance – Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (bil-Franċiż)

Site Legifrance - Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili bl-Ingliż u l-Ispanjol

Site Legifrance – btajjel pubbliċi

L-aħħar aġġornament: 01/03/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.