Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Skont il-liġi Lussemburgiża, hemm limiti taż-żmien biex tressaq rikors, biex tissodisfa l-formalitajiet proċedurali, biex tidher fl-awla, limiti taż-żmien marbuta mad-distanza u oħrajn.

Il-limiti taż-żmien preskrittivi u li jipprekludu azzjoni mhumiex ta' natura purament proċedurali u għalhekk mhux se jiġu ttrattati hawnhekk.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Is-Sibtijiet u l-Ħdud, flimkien mal-festi pubbliċi statutorji li ġejjin mhumiex meqjusa bħala ġranet tax-xogħol:

  • L-ewwel tas-sena, l-għada tal-Għid, l-ewwel ta' Mejju, id-disa’ ta’ Mejju, it-Tnejn tal-Pentekoste, il-festa nazzjonali li tiġi fit-23 ta' Ġunju,
  • Lapsi, il-Qaddisin Kollha u l-Milied u San Stiefnu.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Il-limitu taż-żmien tal-proċedura jista' jvarja skont il-materja u l-proċedura kkonċernata.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Il-limitu taż-żmien jibda jiskorri minn nofsillejl tal-jum tal-att, avveniment, deċiżjoni jew notifika tal-att.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Iva, jekk il-liġi titlob notifika minn bailiff jew uffiċjal tal-qorti, in-notifika tista' titqies li saret f'ġurnata oħra minn dakinhar li n-notifika waslet effettivament għand il-persuna kkonċernata (pereż. f'każ li d-dokument jiġi miċħud jew f'każ ta' notifika d-dar,...).

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Il-limitu taż-żmien proċedurali kollha jibda jiskorri minn nofsillejl tal-jum tal-att, avveniment, deċiżjoni jew notifika li tibda l-iskorriment taż-żmien.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Il-festi pubbliċi statutorji, is-Sibtijiet u l-Ħdud jingħaddu wkoll.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Il-festi pubbliċi statutorji, is-Sibtijiet u l-Ħdud jingħaddu wkoll.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Kull limitu taż-żmien proċedurali jiskadi f'nofs il-lejl tal-aħħar jum.

Jekk il-limitu taż-żmien ikun espress f'ġimgħat, jiskadi dakinhar tal-aħħar ġimgħa li l-isem tal-jum ikun jikkorrispondi ma' tal-jum tal-att, avveniment, deċiżjoni jew notifika li tibda l-iskorriment taż-żmien.

Jekk il-limitu taż-żmien ikun espress f'xhur jew snin, jiskadi dakinhar tal-aħħar xahar jew tal-aħħar sena li jkollu l-istess numru tal-jum tax-xahar bħall-jum tal-att, avveniment, deċiżjoni jew notifika li tibda l-iskorriment taż-żmien. Jekk ma jkunx hemm numru tal-jum tax-xahar korrispondenti, jiskadi fl-aħħar jum tax-xahar.

Jekk il-limitu taż-żmien ikun espress f'xhur u jiem jew fi frazzjonijiet ta' xahar. l-ewwel jingħaddu x-xhur sħaħ u mbagħad il-jiem jew il-frazzjonijiet ta' xahar; biex jiġu kkalkulati l-frazzjonijiet ta' xahar, xahar jitqies li fih 30 jum.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Kull limitu taż-żmien illi kieku jiskadi s-Sibt, il-Ħadd, f'festa pubblika statutorja jew f'jum ferjali li jissotitwixxi festa pubblika, jittawwal sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss. Dan jgħodd ukoll għall-preżentazzjoni ta' dokumentazzjoni f'uffiċċji muniċipali, meta s-servizzi muniċipali jkunu magħluqin għall-pubbliku fl-aħħar jum tal-limitu taż-żmien.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Min joqgħod barra l-pajjiż jibbenefika minn limitu taż-żmien għad-distanza meta jitressaq rikors kontrih quddiem qorti Lussemburgiża. Dan il-limitu ta' żmien ivarja bejn 15 u 35 jum skont fejn joqgħod l-intimat.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Il-limitu ta' żmien għal appell huwa, bħala regola ġenerali, 40 jum b'żieda fil-limitu ta' żmien għad-distanza għal dawk li jgħixu barra. L-appell minn sentenza li mhix eżegwibbli provviżorjament ma jistax jitressaq qabel ma jgħaddu tmint ijiem.

Il-limitu ta' żmien biex wieħed jikkontesta sentenza li ngħatat b'kontumaċja huwa ta' 15-il jum u jibda jiskorri min-notifika.

Id-digrieti jistgħu jiġu appellati fi żmien 15-il jum min-notifika tagħhom. F'każ ta' kontumaċja, il-limitu ta' żmien biex jiġi kkontestat huwa ta' tmint ijiem li jibdew jiskorru malli jiġi notifikat. Il-limitu taż-żmien biex tiġi kkontestata sentenza mogħtija b'kontumaċja jiskorru simultanjament mal-limiti taż-żmien għall-appell.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Fil-każ ta' digrieti, tinħareġ ċitazzjoni biex wieħed jitla' għal seduta li ssir għal din il-fini f'jum u ħin normali għal dawn il-proċedimenti. Jekk il-kawża tkun urġenti, madankollu, l-imħallef li jippresjedi jew is-sostitut tiegħu jista' joħroġ ċitazzjoni biex wieħed jitla' għal seduta miftuħa għall-pubbliku fil-qorti jew f'daru f'ħin stipulat, anke fi tmiem il-ġimgħa, fil-festi pubbliċi jew fi ġranet li normalment ma jkunux ġranet tax-xogħol.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Meta parti residenti barra mil-Lussemburgu tirċievi ċitazzjoni biex tidher personalment fil-Lussemburgu, japplikaw il-limiti taż-żmien ordinarji, sakemm il-qorti ma tiddeċidix li testendihom.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Jekk rikors ma jitressaqx fil-ħin, dan jiġi preskritt. Jekk il-formalitajiet proċedurali ma jsirux fil-ħin, bħala regola ġenerali, l-azzjonijiet jiskadu jew jiġu soppressi.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Jekk parti ma tippreżentax rikors fil-ħin, il-preskrizzjoni li tirriżulta mill-iskadenza taż-żmien tista' titneħħa jekk, għal raġunijiet li ma kinux tort dik il-parti, l-att li bih jibda jiskorri l-limitu taż-żmien ma ġiex innotifikat lil dik il-parti fi żmien raġonevoli, jew jekk kien impossibbli li dik il-parti taġixxi. It-talba tkun ammissibbli biss jekk isir fi żmien 15-il jum mill-mument meta l-interessat sar jaf bl-att li bih jibda jiskorri l-limitu taż-żmien jew mill-mument meta ma baqax impossibbli li l-parti taġixxi. It-talba ma tibqax tintlaqa' jekk tkun għaddiet iktar minn sena minn meta jkun skada l-limitu taż-żmien li jiskorri minħabba l-att. Dan il-limitu taż-żmien ma għandux effett sospensiv.

Kull azzjoni tiskadi jekk il-proċedimenti ma jitkomplewx fi żmien tliet snin. Dan il-limitu taż-żmien jiżdied b'sitt xhur fil-każijiet kollha fejn ikun hemm bażi biex issir talba biex il-proċedimenti jitkomplew jew biex jitqabbad avukat ieħor. L-iskadenza tal-proċedimenti ma tissopprimix l-azzjoni, imma testingwi biss il-proċedura. F'dak il-każ persuna li tixtieq taġixxi jkollha tipprova tressaq rikors ġdid biex tfittex drittijietha, dejjem jekk l-azzjoni ma tkunx preskritta.

L-ordni biex azzjoni tiġi soppressa minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-limitu taż-żmien mill-avukati, ma tistax tiġi appellata.

Ħoloq relatati

http://www.legilux.lu/

L-aħħar aġġornament: 11/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.