Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Il-proċedura ċivili Pollakka tiddistingwi bejn it-tipi ta’ terminu li ġejjin:

  • fir-rigward tal-atti proċedurali tal-partijiet: termini statutorji, ġudizzjarji u kuntrattwali;
  • fir-rigward tal-atti proċedurali tal-qorti: termini indikattivi.

It-termini statutorji u ġudizzjarji huma finali u ma jistgħux jinqabżu.

It-termini statutorji, li huma ddefiniti bħala termini preklużivi (li jfisser li, jekk ma jiġux irrispettati, att proċedurali partikolari jsir null), huma stabbiliti fil-liġijiet statutorji. Termini statutorji bħal dawn ma jistgħux jiġu estiżi jew jitqassru. Terminu statutorju jibda jiddekorri mill-mument speċifikat f’liġi statutorja. Hemm żewġ tipi ta’ terminu statutorju: termini li qabilhom trid titwettaq azzjoni u termini li warajhom tista’ titwettaq azzjoni. It-termini statutorji jinkludu t-termini għall-preżentata tar-rimedji legali, eż. it-terminu għall-preżentata ta’ appell jew ta’ lment.

It-termini ġudizzjarji huma ddefiniti wkoll bħala termini ta’ preklużjoni, iżda huma stabbiliti minn qorti jew minn imħallef. It-termini ġudizzjarji jistgħu jiġu estiżi jew jitqassru, iżda biss għal raġuni importanti u b’talba ppreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu, anki mingħajr ma tinstema’ l-kontroparti. Dawn it-termini jibdew jiddekorru mill-mument li fih tingħata deċiżjoni jew ordni għal dak l-għan; meta l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tipprovdi għal notifika awtomatika, jibdew jiddekorru meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni jew l-ordni.
It-termini ġudizzjarji jinkludu t-termini għar-regolarizzazzjoni ta’ inkapaċità ġudizzjarja jew proċedurali jew sabiex jiġu rrimedjati difetti formali f’appell jew fi lment.

It-termini kuntrattwali, hekk kif jissuġġerixxi l-isem, jiġu stabbiliti bi ftehim bejn il-partijiet. Eżempju klassiku hu s-sospensjoni tal-proċedimenti b’talba konġunta tal-partijiet. Jekk il-partijiet jippreżentaw talba bħal din, il-qorti tista’ tissospendi l-proċedimenti (iżda ma hijiex obbligata tagħmel dan). L-applikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ terminu tiddependi mir-rieda tal-partijiet waħedhom.

It-termini indikattivi normalment ikunu indirizzati għall-awtoritajiet ġudizzjarji (il-qrati), u mhux għall-partijiet. In-nuqqas ta’ rispett ta’ dawn ma jkollu l-ebda konsegwenza proċedurali. L-iskop bażiku tagħhom huwa li jiġi applikat il-prinċipju ta’ rapidità tal-proċedimenti. Eżempju ta’ terminu bħal dan huwa t-terminu għal qorti sabiex tagħti raġuni għal sentenza.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Skont l-Att tat-18 ta’ Jannar 1951 dwar il-jiem mhux tax-xogħol, japplikaw il-jiem mhux tax-xogħol statutorji li ġejjin:

1. il-Ħdud kollha (is-Sibtijiet ma humiex jiem mhux tax-xogħol statutorji),

2. il-jiem elenkati hawn taħt:

  1. l-1 ta’ Jannar - L-Ewwel tas-Sena,
  2. is-6 ta’ Jannar - L-Epifanija,
  3. Ħadd il-Għid,
  4. it-Tnejn ta’ wara l-Għid,
  5. l-1 ta’ Mejju - Festa Pubblika,
  6. it-3 ta’ Mejju - Festa Pubblika tat-Tlieta ta’ Mejju,
  7. Pentekoste,
  8. Korpus Kristi,
  9. il-15 ta’ Awwissu - Santa Marija,
  10. l-1 ta’ Novembru - Jum il-Qaddisin,
  11. il-11 ta’ Novembru - Festa Nazzjonali - Jum l-Indipendenza,
  12. il-25 ta’ Diċembru - Jum il-Milied,
  13. is-26 ta’ Diċembru - San Stiefnu.

Fl-2024, Ħadd il-Għid jaħbat il-31 ta’ Marzu, it-Tnejn ta’ wara l-Għid l-1 ta’ April, Pentekoste d-19 ta’ Mejju u Korpus Kristi t-30 ta’ Mejju.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Fid-dritt ċivili, il-kelma “terminu” jista’ jkollha żewġ tifsiriet.
Tista’ tkun jew mument speċifiku (eż. il-5 ta’ April 2017) jew perjodu speċifiku b’bidu u bi tmiem (eż. 14-il jum).

Meta jiġi stabbilit terminu finali (data li sa din trid issir xi ħaġa), dak li jgħodd hu l-mument preċiż meta jiskadi. Terminu mhux bilfors irid ikun speċifikat bħala jum, iżda jista’ jiġi ddefinit bħala l-okkorrenza tal-avveniment previst mill-partijiet kontraenti f’sitwazzjoni speċifika.

It-termini proċedurali jiġu stabbiliti billi jintużaw unitajiet taż-żmien bħal jum, ġimgħa, xahar jew sena. Skont l-Artikolu 165 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-metodu għall-kalkolu tat-termini fi proċedura ċivili huwa rregolat bid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar it-termini, jekk liġi statutorja, deċiżjoni tal-qorti, deċiżjoni minn awtorità Statali oħra jew att legali jistabbilixxi terminu mingħajr ma jkun speċifikat kif għandhom jiġu kkalkolati (l-Artikolu 110 tal-Kodiċi Ċivili). L-impustar ta’ petizzjoni f’uffiċċju postali Pollakk tal-fornitur nazzjonali tas-servizz postali fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja jew f’uffiċċju postali barrani ta’ fornitur nazzjonali tas-servizz postali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jitqies li huwa ekwivalenti għall-preżentazzjoni ta’ dak id-dokument quddiem il-qorti. L-istess japplika għall-preżentata ta’ dokument minn suldat mal-kwartieri ġenerali tal-unità, minn persuna mċaħħda mil-libertà mal-amministrazzjoni tal-ħabs tagħha jew minn membru tal-ekwipaġġ ta’ bastiment Pollakk li jbaħħar mal-kaptan ta’ dak il-bastiment.

Jum għandu 24 siegħa, li jibdew u jintemmu f’nofsillejl (24:00).
Terminu speċifikat f’jiem jiskadi fi tmiem l-aħħar jum. Terminu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin jiskadi fit-tmiem tal-jum li jikkorrispondi, permezz tal-isem jew tad-data, għall-ewwel jum tat-terminu jew, jekk ma jkunx hemm jum bħal dan fl-aħħar xahar, fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar. Jekk terminu jiġi espress bħala l-bidu, in-nofs jew it-tmiem ta’ xahar, dan jinftiehem li jfisser l-ewwel jum, il-15-il jum jew l-aħħar jum tax-xahar, filwaqt li nofs xahar jikkorrispondi għal 15-il jum. Jekk terminu jiġi stabbilit f’xhur jew fi snin u ma tkunx meħtieġa kontinwità, xahar jiġi preżunt li jkollu 30 jum u li sena jkollha 365 jum. Jekk it-tmiem tat-terminu għat-twettiq ta’ att jaħbat f’jum mhux tax-xogħol statutorju jew nhar ta’ Sibt, it-terminu jiskadi fil-jum li jmiss li ma jkunx jum mhux tax-xogħol jew nhar ta’ Sibt.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Jekk il-bidu ta’ terminu definit f’jiem ikun avveniment speċifiku, il-jum li fih iseħħ l-avveniment ma jitqiesx meta jiġi kkalkolat it-terminu. Pereżempju, jekk qorti nnotifikat lil parti bi proċess li jordnalha twettaq att speċifiku fi ħdan terminu ta’ sebat ijiem fil-11 ta’ Jannar 2017, dak it-terminu skada f’nofsillejl (24.00) fit-18 ta’ Jannar 2017.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Qorti tista’ tinnotifika proċess b’diversi modi: bil-posta, b’uffiċjal ġudizzjarju, b’messaġġier jew b’notifika ta’ proċess tal-qorti. In-notifika lid-destinatarju tista’ ssir ukoll billi d-dokument jitqassam lid-destinatarju fir-reġistru tal-qorti. Dment li n-notifika tkun twettaq kif suppost, dawn il-metodi kollha huma validi ndaqs u l-għażla tal-metodu ma taffettwax il-mod kif jiddekorru t-termini.

Mit-8 ta’ Settembru 2016, ir-regoli bdew jippermettu lil qorti tinnotifika proċess permezz ta’ sistema ta’ trażmissjoni tad-data jekk id-destinatarju jkun ippreżenta dokumenti permezz ta’ sistema bħal din jew għażel li jagħmel hekk. Destinatarju li jkun għażel li jippreżenta dokumenti permezz ta’ sistema ta’ trażmissjoni tad-data jista’ jagħżel li ma jibqax juża s-servizz elettroniku.

Dokument innotifikat b’mezzi elettroniċi jitqies li ġie nnotifikat fid-data speċifikata fil-konferma elettronika tar-riċevuta tal-korrispondenza, anki jekk id-data taħbat f’jum mhux tax-xogħol statutorju. Il-fatt li korrispondenza elettronika tiġi riċevuta billejl ma għandu l-ebda impatt fuq l-effettività tan-notifika. Fin-nuqqas ta’ konferma elettronika tar-riċevuta tal-korrispondenza, in-notifika titqies effettiva 14-il jum wara d-data li fiha d-dokument ikun ittella’ fis-sistema ta’ trażmissjoni tad-data. Ir-regoli ta’ hawn fuq jeħtieġu li l-partijiet jivverifikaw il-kont elettroniku tagħhom tal-anqas darba kull 14-il jum.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Jekk il-bidu ta’ terminu definit f’jiem ikun avveniment speċifiku, il-jum li fih iseħħ dak l-avveniment ma jitqiesx meta jiġi kkalkolat it-terminu.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

It-termini stabbiliti f’jiem huma espressi f’jiem kalendarji. Jekk it-tmiem tat-terminu għat-twettiq ta’ att jaħbat f’jum mhux tax-xogħol statutorju jew nhar ta’ Sibt, it-terminu jiskadi fil-jum li jmiss li ma jkunx jum mhux tax-xogħol jew nhar ta’ Sibt.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Terminu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin jiskadi fit-tmiem tal-jum li jikkorrispondi, permezz tal-isem jew tad-data, għall-ewwel jum tat-terminu jew, jekk ma jkunx hemm jum bħal dan fl-aħħar xahar, fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.

Jekk terminu jiġi espress bħala l-bidu, in-nofs jew it-tmiem ta’ xahar, dan jinftiehem bħala l-ewwel jum, il-ħmistax-il jum jew l-aħħar jum tax-xahar. Nofs xahar jikkorrispondi għal 15-il jum.

Jekk terminu jiġi stabbilit f’xhur jew fi snin u ma tkunx meħtieġa kontinwità, xahar jiġi preżunt li jkollu 30 jum u li sena jkollha 365 jum.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Terminu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin jiskadi fit-tmiem tal-jum li jikkorrispondi, permezz tal-isem jew tad-data, għall-ewwel jum tat-terminu jew, jekk ma jkunx hemm jum bħal dan fl-aħħar xahar, fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.

Jekk terminu jiġi espress bħala l-bidu, in-nofs jew it-tmiem ta’ xahar, dan jinftiehem bħala l-ewwel jum, il-15-il jum jew l-aħħar jum tax-xahar. Nofs xahar jikkorrispondi għal 15-il jum.

Jekk terminu jiġi stabbilit f’xhur jew fi snin u ma tkunx meħtieġa kontinwità, xahar jiġi preżunt li jkollu 30 jum u li sena jkollha 365 jum.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Jekk it-tmiem tat-terminu għat-twettiq ta’ att jaħbat f’jum mhux tax-xogħol statutorju jew nhar ta’ Sibt, it-terminu jiskadi fil-jum li jmiss li ma jkunx jum mhux tax-xogħol jew nhar ta’ Sibt.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Termini ġudizzjarji biss, jiġifieri termini stabbiliti minn qorti jew minn imħallef li jippresjedi, jistgħu jiġu estiżi jew jitqassru. Deċiżjoni ta’ estensjoni jew ta’ tqassir ta’ terminu tista’ tittieħed jew minn imħallef li jippresjedi jew minn qorti, iżda biss għal raġunijiet importanti, bil-valutazzjoni tar-raġunijiet li titħalla għad-diskrezzjoni tagħhom.

Terminu jista’ jiġi estiż jew jitqassar biss fuq talba ta’ parti, ta’ parteċipant fi proċedimenti mhux kontenzjużi, ta’ parti li tintervjeni, ta’ prosekutur pubbliku, ta’ spettur tax-xogħol, tal-ombudsman tal-konsumatur, ta’ organizzazzjoni nongovernattiva, ta’ perit maħtur mill-qorti jew ta’ xhud, jekk it-terminu jikkonċerna l-atti tagħhom. Deċiżjoni bħal din ma tistax tittieħed ex officio mill-qorti jew mill-imħallef.

Trid tiġi ppreżentata talba qabel ma jiskadi t-terminu stabbilit.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tal-Polonja jistabbilixxi termini proċedurali statutorji għall-preżentata ta’ rimedji legali skont it-tip ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (sentenza (wyrok), deċiżjoni dwar is-sustanza tal-kawża fi proċedimenti mhux kontenzjużi (postanowienie co do istoty sprawy w postępowaniu nieprocesowym), sentenza fil-kontumaċja (wyrok zaoczny), ordni għall-ħlas fi proċedura b’talba għall-ħlas (nakaz zapłaty w postępowaniu upominawczym), ordni għall-ħlas fi proċedura ta’ ordni għall-ħlas (nakaz zapłaty w postępowaniu nakazowym) u deċiżjoni (postanowienie)). B’mod partikolari, ġew stabbiliti t-termini statutorji li ġejjin:

  • sentenza jew deċiżjoni dwar is-sustanza tal-kawża fi proċedimenti mhux kontenzjużi: ir-raġunijiet tas-sentenza jridu jiġu fformulati bil-miktub, jekk parti titlob hekk fi żmien ġimgħa mid-data meta jingħata d-dispożittiv tas-sentenza. Il-qorti trid, ex officio, tinnotifika s-sentenza lill-partijiet meta parti li taġixxi mingħajr avukat, konsulent legali jew aġent tal-privattivi ma kinitx preżenti meta nqatgħet is-sentenza minħabba li kienet imċaħħda mil-libertà u s-sentenza tkun ingħatat in camera. Sentenza u informazzjoni dwar il-mod u t-terminu għat-tressiq ta’ talba għan-notifika tar-raġunijiet, u dwar il-kundizzjonijiet, il-metodu u t-terminu għall-preżentata ta’ appell iridu jiġu nnotifikati b’mod awtomatiku lil kwalunkwe parti li tkun ħadet azzjoni mingħajr avukat, konsulent legali, aġent tal-privattivi jew l-Avukat tal-Istat tar-Repubblika tal-Polonja. Jekk ikun hemm obbligu li parti tkun rappreżentata, din trid tkun rappreżentata minn avukat jew minn konsulent legali; il-parti għandha tiġi informata wkoll bid-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta’ rappreżentanza u bil-konsegwenzi għal nuqqas ta’ konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet. Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-qorti li tkun tat is-sentenza kkontestata fi żmien ġimagħtejn min-notifika lill-appellant tas-sentenza u tar-raġunijiet. Fil-każ ta’ estensjoni tat-terminu għall-formulazzjoni tar-raġunijiet bil-miktub tas-sentenza, it-terminu għall-preżentata ta’ appell huwa ta’ 3 ġimgħat. Il-qorti tinnotifika lill-parti bit-terminu meta tinnotifika s-sentenza u r-raġunijiet. Jekk it-terminu jkun indikat ħażin fin-notifika, u l-parti tkun ikkonformat miegħu, l-appell jitqies li jkun ġie ppreżentat f’konformità mat-terminu. It-termini msemmijin hawn fuq (ġimagħtejn u 3 ġimgħat) jitqiesu li jkunu ġew irrispettati jekk, qabel ma jiskadu, il-parti tkun ippreżentat appell quddiem il-qorti tas-sekond’istanza. F’każijiet bħal dawn, dik il-qorti tinnotifika lill-qorti tal-prim’istanza bl-appell u titlob li jiġu ppreżentati l-atti tal-kawża;
  • deċiżjoni: it-terminu għall-preżentata ta’ appell huwa ta’ ġimgħa li jibda jgħodd mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni u tar-raġunijiet tad-deċiżjoni, inkluż meta n-notifika tkun twettqet ex officio mill-qorti. Jekk, fiż-żmien tal-ħruġ tad-deċiżjoni, il-qorti tkun iddeċidiet li ma tifformulax ir-raġunijiet tad-deċiżjoni, it-terminu jibda jiddekorri mill-għoti tad-deċiżjoni jew, jekk kienet soġġetta għal notifika, mid-data tan-notifika. Il-qorti hija meħtieġa tifformula r-raġunijiet tad-deċiżjonijiet mogħtijin f’seduta pubblika biss jekk ikunu appellabbli u biss jekk parti titlob hekk fi żmien ġimgħa mid-data meta jingħataw id-deċiżjonijiet. Deċiżjonijiet bħal dawn jiġu nnotifikati biss lill-parti li tkun ippreżentat talba sabiex ir-raġunijiet tad-deċiżjonijiet jiġu fformulati u nnotifikati lill-parti flimkien mad-deċiżjoni. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor għal liġi statutorja speċifika, il-qorti trid tinnotifika d-deċiżjonijiet maħruġin f’seduta pubblika ex officio. Meta tinnotifika deċiżjoni lil parti li tkun ħadet azzjoni mingħajr avukat, konsulent legali, aġent tal-privattivi jew l-Avukat tal-Istat tar-Repubblika tal-Polonja, il-parti għandha tiġi informata dwar l-ammissibilità, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-metodu ta’ preżentata ta’ talba għan-notifika tar-raġunijiet u għall-preżentata ta’ appell, jew dwar il-fatt li d-deċiżjoni ma tkunx appellabbli jew li ma hemmx bżonn li jiġu fformulati r-raġunijiet tad-deċiżjoni. Fil-każ ta’ deċiżjoni appellabbli mogħtija in camera, il-qorti tifformula r-raġunijiet biss jekk parti titlob dan fi żmien ġimgħa min-notifika tad-deċiżjoni. Id-deċiżjoni bir-raġunijiet tiġi nnotifikata biss lill-parti li tkun talbet li r-raġunijiet tad-deċiżjoni jiġu fformulati u nnotifikati mad-deċiżjoni. Kull meta liġi statutorja speċjali tkun tesiġi li l-qorti, skont l-operat tal-liġi, tifformula r-raġunijiet ta’ deċiżjoni mogħtija in camera, id-deċiżjoni u r-raġunijiet iridu jiġu nnotifikati b’mod awtomatiku. Il-qorti tista’ tifformula r-raġunijiet ta’ deċiżjoni appellabbli mogħtija in camera jekk dan jissimplifika l-proċedura jew jekk id-deċiżjoni tikkonċerna r-rimborż tal-ispejjeż lil persuna li ma tkunx parti fil-kawża. F’każijiet bħal dawn, id-deċiżjoni u r-raġunijiet jiġu nnotifikati lill-partijiet kollha jew lill-persuni kollha kkonċernati. In-notifika awtomatika mill-qorti ta’ deċiżjoni mogħtija in camera flimkien mar-raġunijiet teħles lill-parti mill-obbligu li tippreżenta talba għan-notifika tad-deċiżjoni u tar-raġunijiet. Meta toħroġ deċiżjoni appellabbli, il-qorti, f’konformità mal-valutazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, tista’ tiddeċiedi li ma tifformulax ir-raġunijiet tad-deċiżjoni, dment li tilqa’ bis-sħiħ it-talba tal-parti fil-petizzjoni tagħha u tilqa’ l-argumenti mressqin mill-parti b’appoġġ għal dik it-talba. Id-deċiżjoni trid tirreferi għas-sottomissjonijiet ikkonċernati. Jekk l-att proċedurali jiġi nnotifikat aktar tard mid-deċiżjoni, it-terminu għall-preżentata ta’ appell jibda jiddekorri mid-data tan-notifika ta’ dik is-sottomissjoni. Deċiżjoni minn uffiċjal ġudizzjarju tkun appellabbli jekk ikun jista’ jitressaq appell kontra dik id-deċiżjoni li kieku nħarġet mill-qorti. Appell jitressaq quddiem il-qorti fejn l-uffiċjal ġudizzjarju jkun ħareġ id-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi kkontestata fi żmien ġimgħa min-notifika tad-deċiżjoni. Jekk id-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata mingħajr ir-raġunijiet, u l-parti tkun ressqet talba sabiex jiġu fformulati r-raġunijiet, it-terminu għall-preżentata ta’ appell jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni flimkien mar-raġunijiet;
  • sentenza fil-kontumaċja fir-rigward tal-intimat: l-intimat li kontrih tkun inħarġet sentenza fil-kontumaċja jista’ jippreżenta oġġezzjoni fi żmien ġimagħtejn min-notifika tas-sentenza;
  • sentenza fil-kontumaċja fir-rigward tar-rikorrent: Il-qorti tifformula r-raġunijiet ta’ sentenza fil-kontumaċja jekk l-azzjoni tkun ġiet miċħuda kollha kemm hi jew f’parti minnha, u r-rikorrent, fi żmien ġimgħa min-notifika tas-sentenza, iressaq talba sabiex jiġu fformulati r-raġunijiet tad-deċiżjoni;
  • ordni għall-ħlas fi proċedura permezz ta’ talba għall-ħlas u ordni għall-ħlas fi proċedura ta’ ordni għall-ħlas: sabiex proċedura ta’ ordni għall-ħlas, il-qorti tordna lill-intimat iħallas it-talba bis-sħiħ, inklużi l-ispejjeż, fi ħdan it-terminu speċifikat fl-ordni għall-ħlas, jew sabiex iressaq appell (dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni għall-ħlas fl-ordni għall-ħlas bi proċedura ta’ talba għall-ħlas, dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni għall-ħlas fil-proċedura ta’ ordni għall-ħlas). It-termini huma kif ġejjin: ġimagħtejn mid-data tan-notifika tal-ordni għall-ħlas fil-każ ta’ ordni għall-ħlas mogħtija f’ordni għall-ħlas bi proċedura ta’ talba għall-ħlas, meta n-notifika tal-ordni lill-intimat tkun se sseħħ fil-pajjiż; xahar mid-data tan-notifika tal-ordni għall-ħlas fil-każ ta’ ordni għall-ħlas mogħtija f’ordni għall-ħlas bi proċedura ta’ talba għall-ħlas, meta n-notifika tal-ordni lill-intimat tkun se sseħħ barra l-Polonja iżda ġewwa l-Unjoni Ewropea; xahar mid-data tan-notifika tal-ordni fil-każ ta’ ordni għall-ħlas mogħtija fi proċedura ta’ ordni għall-ħlas, meta n-notifika lill-intimat tkun se sseħħ ġewwa l-Unjoni Ewropea; 3 xhur mid-data tan-notifika tal-ordni meta n-notifika tal-ordni tkun se sseħħ barra mill-Unjoni Ewropea. Jekk, wara li tingħata l-ordni għall-ħlas, jirriżulta li n-notifika tal-ordni għall-ħlas tkun se ssir f’post li, f’konformità mal-paragrafu 2, jiġġustifika l-istabbiliment ta’ terminu li ma jkunx dak speċifikat fl-ordni mogħtija, il-qorti tagħti, ex officio, deċiżjoni li temenda l-ordni kif xieraq.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Xhud jew parti fil-kawża għandha dmir assolut li tidher quddiem il-qorti. Xhud irid jidher ukoll quddiem il-qorti anki jekk ma jkollu l-ebda għarfien dwar iċ-ċirkustanzi tal-każ jew jekk diġà jkun iddeċieda li jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta li jixhed. Xhud irid jiskuża l-assenza tiegħu (in-nuqqas li jidher) bil-miktub qabel id-data tas-seduta. Is-sottomissjoni ta’ skużi għal nuqqas ta’ dehra aktar tard ma tipprevjenix lill-qorti milli timponi multa kontra x-xhud fis-seduta.

Xhud għandu jehmeż dokument li jissostanzja r-raġuni talli naqas milli jidher flimkien mal-iskuża bil-miktub. In-nuqqas ta’ dehra ta’ xhud jista’ jkun skużat għal raġunijiet ta’ mard, ta’ vjaġġ importanti fuq xogħol jew ta’ inċident imprevist serju. Meta l-mard jingħata bħala r-raġuni għan-nuqqas ta’ dehra wara taħrika, tabib irid joħroġ ċertifikat li jikkonferma l-inabilità tax-xhud li jidher. F’każ bħal dan, il-qorti tistabbilixxi data oħra għad-dehra.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Parti jew xhud ikun soġġett għar-regoli tal-proċedura ċivili applikati mill-awtorità ġudizzjarja (qorti).

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Att proċedurali mwettaq minn parti wara l-iskadenza tat-terminu jkun null.
Dan il-prinċipju japplika għal termini statutorji kif ukoll għal dawk ġudizzjarji. In-nullità ta’ att proċedurali tfisser li att imwettaq tard ma jkollu l-ebda effett legali assoċjat mal-eżekuzzjoni tiegħu skont il-liġijiet statutorji. Att proċedurali mwettaq wara l-iskadenza tat-terminu jkun null anki jekk il-qorti ma tkunx għadha ħarġet id-deċiżjoni li tkun il-konsegwenza tal-iskadenza tat-terminu.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Jekk terminu jinqabeż, parti tista’ titlob li jerġa’ jiddaħħal fis-seħħ jew tressaq rikors biex jerġgħu jinfetħu l-proċedimenti.

Jekk il-parti ma tkunx irnexxielha twettaq att proċedurali sat-terminu stipulat għal raġuni li ma tkunx tort tagħha, il-qorti tordna ex officio li t-terminu jerġa’ jibda jiddekorri. Madankollu, id-dħul fis-seħħ mill-ġdid ma jkunx ammissibbli jekk in-nuqqas ta’ rispett tat-terminu ma jkollu l-ebda konsegwenza proċedurali għall-parti. Att proċedurali li jkun fih talba għad-dħul fis-seħħ mill-ġdid tat-terminu għandu jitressaq quddiem il-qorti li quddiemha kellu jitwettaq l-att mhux aktar tard minn ġimgħa wara li ma tibqax tapplika r-raġuni għan-nuqqas ta’ osservazzjoni tat-terminu. Iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw it-talba għandhom ikunu ssostanzjati fis-sottomissjoni. Il-parti għandha twettaq l-att proċedurali fl-istess ħin li tressaq it-talba. Wara sena mit-terminu li ma jkunx intlaħaq, jista’ jiġi ordnat li dan jerġa’ jibda jiddekorri biss f’każijiet eċċezzjonali. Talba biex jerġa’ jibda jiddekorri terminu għall-preżentata ta’ appell kontra sentenza li tħassar żwieġ jew tagħti divorzju, jew tiddikjara n-noneżistenza ta’ żwieġ ma tistax tintlaqa’ jekk anki waħda mill-partijiet tkun reġgħet iżżewġet wara li s-sentenza tkun saret finali. Talba biex terminu jerġa’ jibda jiddekorri li tiġi ppreżentata tard jew li tkun inammissibbli skont il-liġijiet statutorji tiġi miċħuda mill-qorti. Il-fatt li tiġi ppreżentata talba biex jerġa’ jibda jiddekorri terminu ma jwaqqafx il-proċedimenti jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. Madankollu, skont iċ-ċirkustanzi, il-qorti tista’ twaqqaf il-proċedimenti jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. Jekk it-talba tintlaqa’, il-qorti tista’ tipproċedi minnufih sabiex tisma’ l-kawża.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jippermetti li terġa’ tinstema’ kawża konkluża b’deċiżjoni finali. Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti spiss tiġi ttrattata bħala rimedju legali straordinarju (jew appell straordinarju) li għandu jintuża għall-kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet finali, għall-kuntrarju ta’ rimedji ordinarji (li għandhom jintużaw fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mhux finali). “Il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedimenti għal raġunijiet ta’ invalidità jista’ jintalab: jekk il-panel tal-imħallfin kien jinkludi persuna mhux awtorizzata, jew jekk imħallef aġġudikanti jkun ġie eskluż mil-liġi u l-parti ma setgħetx titlob li l-imħallef jitneħħa qabel ma s-sentenza saret finali; jekk parti ma kellha l-ebda locus standi jew l-ebda kapaċità li tkun parti fil-kawża, jew ma kinitx irrappreżentata kif xieraq, jew kienet imċaħħda mill-abilità li tieħu azzjoni b’riżultat ta’ ksur tal-liġi; madankollu, it-tkomplija ma tistax tintalab jekk, qabel ma s-sentenza saret finali, il-parti kienet reġgħet kisbet l-abilità li tieħu azzjoni jew jekk in-nuqqas ta’ rappreżentanza tqajjem permezz ta’ eċċezzjoni, jew jekk il-parti approvat il-passi proċedurali meħudin. Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jista’ jintalab ukoll jekk it-Tribunal Kostituzzjonali jiddikjara li l-istrument regolatorju li fuq il-bażi tiegħu nħarġet is-sentenza kien jikser il-Kostituzzjoni, trattat internazzjonali ratifikat jew liġijiet statutorji.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jista’ jintalab fuq il-bażi li:

  • is-sentenza kienet ibbażata fuq dokument falsifikat jew imbagħbas jew fuq kundanna kriminali li sussegwentement ġiet annullata;
  • jew is-sentenza nkisbet permezz ta’ reat.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jista’ jintalab ukoll:

  • jekk aktar tard tinkixef sentenza finali dwar l-istess relazzjoni legali, jew jinkixfu fatti jew evidenza li tista’ tinfluwenza l-eżitu tal-kawża u li ma setgħetx tintuża mill-parti fil-kawża preċedenti;
  • jekk il-kontenut tas-sentenza ġie influwenzat b’deċiżjoni li ma temmitx il-proċedimenti fil-kawża, maħruġin fuq il-bażi ta’ att normattiv rikonoxxut mit-Tribunal Kostituzzjonali bħala li jmur kontra l-Kostituzzjoni, trattat internazzjonali ratifikat jew liġijiet statutorji (annullati jew emendati f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedimenti minħabba reat jista’ jintalab biss jekk l-att kriminali jkun ġie stabbilit b’kundanna finali, sakemm il-proċedimenti kriminali ma jkunux jistgħu jinfetħu jew twaqqfu għal raġunijiet li ma jkunux jikkonċernaw nuqqas ta’ provi.

Talba għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedimenti fir-rigward ta’ sentenza li tħassar żwieġ, tagħti divorzju jew tiddikjara n-noneżistenza ta’ żwieġ ma tkunx ammissibbli jekk anki waħda mill-partijiet tkun reġgħet iżżewġet wara li s-sentenza saret finali. Talba għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedimenti trid tiġi ppreżentata fi żmien 3 xhur; dak it-terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-parti saret taf bir-raġunijiet għall-ftuħ mill-ġdid jew, meta r-raġunijiet ikunu li l-parti ma kinitx rappreżentata kif xieraq, jew kienet imċaħħda mill-abilità li tieħu azzjoni, mid-data li fiha l-parti jew korp kostitwenti tagħha jew rappreżentant legali tagħha sar jaf bis-sentenza. Meta t-Tribunal Kostituzzjonali jkun iddikjara li att normattiv imur kontra l-Kostituzzjoni, ftehim internazzjonali ratifikat jew il-liġi li fuq il-bażi tagħha nħarġet sentenza, talba għall-ftuħ mill-ġdid trid tiġi ppreżentata fi żmien 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali. Jekk, fiż-żmien tad-deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali, deċiżjoni (maħruġa fuq il-bażi ta’ att normattiv iddikjarat li jmur kontra l-Kostituzzjoni mit-Tribunal Kostituzzjonali, ftehim internazzjonali ratifikat jew liġi statutorja) ma tkunx għadha saret finali minħabba l-preżentata ta’ appell li sussegwentement ġie miċħud, it-terminu jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda jew, meta d-deċiżjoni tkun ingħatat f’seduta pubblika, mid-data li fiha ngħatat dik id-deċiżjoni.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti ma jistax jintalab wara 10 snin mid-data li fiha sentenza ssir finali (ħlief jekk parti ma setgħetx taġixxi jew ma kinitx rappreżentata kif xieraq).

L-aħħar aġġornament: 15/07/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.