Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

It-termini proċedurali jistgħu jkunu perentorji (perentório), meta l-iskadenza tagħhom ixxejjen id-dritt li jitwettaq att, jew dilatorji (dilatório), meta jiddifferixxu sa mument partikolari l-possibbiltà li jitwettaq att jew il-punt minn meta jibda jiddekorri terminu ieħor.

It-termini proċedurali huma soġġetti għar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 138 sa 143 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Il-kalkolu tat-termini proċedurali jew tat-termini stabbiliti mill-qrati huwa rregolat mir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 278, 279 u 296 tal-Kodiċi Ċivili.

Għat-termini f’materji ċivili, it-tul u l-effett tagħhom fuq ir-relazzjonijiet legali huma rregolati mill-Artikoli 296 sa 333 tal-Kodiċi Ċivili.

B’mod partikolari, it-termini tal-preskrizzjoni (prazos de prescrição) u t-termini tad-dekadenza (prazos de caducidade) huma rregolati, rispettivament, mill-Artikoli 300 sa 327 u l-Artikoli 328 sa 333 tal-Kodiċi Ċivili.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Għal dan l-għan, il-Portugall innotifika lill-Kummissjoni Ewropea bil-festi pubbliċi li ġejjin:

l-1 ta’ Jannar; is-7 ta’ April (il-Ġimgħa l-Kbira); id-9 ta’ April (Ħadd il-Għid); il-25 ta’ April; l-1 ta’ Mejju; it-8 ta’ Ġunju (Corpus Christi); l-10 ta’ Ġunju; il-15 ta’ Awwissu; il-5 ta’ Ottubru; l-1 ta’ Novembru, l-1, it-8 u l-25 ta’ Diċembru.

Il-Kummissjoni ppubblikat din il-lista f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Nru 2023/C 39/07, li tinsab hawnhekk.

L-Istati Membri jipprovdu din il-lista lill-Kummissjoni kull sena. Xi wħud mill-festi pubbliċi jvarjaw minn sena għall-oħra u mhux dejjem jaqgħu fid-data indikata hawn fuq.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Ir-regola ġenerali fid-dritt proċedurali ċivili Portugiż hija li fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika, it-terminu huwa ta’ għaxart ijiem għall-partijiet sabiex iressqu talba għal kwalunkwe att jew proċediment ġudizzjarju, jitolbu n-nullità, jippreżentaw eċċezzjoni inċidentali jew jeżerċitaw kull dritt proċedurali ieħor; it-terminu huwa wkoll ta’ għaxart ijiem għall-parti sabiex twieġeb it-talba tal-parti l-oħra (l-Artikolu 149 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Bħala regola, it-terminu għal kull tweġiba dejjem jibda jgħodd min-notifika tal-att ikkonċernat (l-Artikolu 149(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

In-notifiki lill-partijiet waqt il-proċedimenti jsiru lir-rappreżentanti legali tagħhom.

Meta n-notifika tkun intenzjonata li tħarrek lil parti biex tidher personalment, minbarra li jiġi nnotifikat ir-rappreżentant, jintbagħat ukoll avviż irreġistrat bil-posta lill-parti stess, bl-indikazzjoni tad-data, il-post u r-raġuni għall-preżenza.

In-notifika lir-rappreżentanti ssir bil-posta elettronika (ara l-Ordni ta’ Implimentazzjoni (Portaria) Nru 280/13 tas-26 ta’ Awwissu 2013, li jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk), u s-sistema kompjuterizzata tiċċertifika d-data ta’ meta tkun saret in-notifika, bin-notifika tkun preżunta li saret fit-tielet jum sussegwenti jew, jekk dak il-jum ma jkunx jum tax-xogħol, fl-ewwel jum tax-xogħol wara dak.

It-taħrika b’ittra rreġistrata, b’avviż tal-wasla, “titqies li seħħet fil-jum meta jiġi iffirmat l-avviż tal-wasla u li l-iffirmar ikun sar mill-persuna mħarrka anke jekk l-avviż tal-wasla jkun ġie ffirmat minn terzi, bil-preżunzjoni, sakemm ma jkunx hemm evidenza kuntrarja, li l-ittra ġiet ikkonsenjata fil-pront lir-riċevitur” (l-Artikolu 230(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Meta t-taħrika titwettaq minn rappreżentant legali, uffiċjal tal-qorti jew skrivan tal-qorti li jikkuntattja lill-persuna mħarrka, it-terminu jibda jiddekorri minn meta l-persuna tiffirma r-riferta.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Iva. Ara t-tweġiba tal-mistoqsija preċedenti.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Id-data attwali tal-att, tal-avveniment, tad-deċiżjoni, tat-taħrika jew tan-notifika ma tgħoddx (l-Artikolu 279(b) tal-Kodiċi Ċivili).

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Meta t-terminu biex isir att proċedurali jintemm f’jum meta l-qrati jkunu magħluqin, il-perjodu jiġi estiż sal-jum tax-xogħol li jkun imiss (l-Artikolu 138(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-btajjel ġudizzjarji huma mit-22 ta’ Diċembru sat-3 ta’ Jannar, minn Ħadd il-Palm sal-għada tal-Għid il-Kbir u mis-16 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu.

Il-qorti tista’, permezz ta’ digriet motivat u wara li tisma’ lill-partijiet, tissospendi t-terminu proċedurali, f’konformità mal-Artikolu 269(1)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Il-kalkolu ta’ kwalunkwe terminu ma jinkludix il-jum – u lanqas is-siegħa, jekk it-terminu jkun espress f’sigħat – li fiha ikun seħħ l-avveniment li minnu jibda jiddekorri t-terminu, f’konformità mal-Artikolu 279(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Perjodu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin u li jibda minn ċerta data jispiċċa f’nofsillejl tal-jum korrispondenti tal-aħħar ġimgħa, xahar jew sena; jekk il-jum korrispondenti ma jkunx jeżisti fl-aħħar xahar, il-perjodu jispiċċa fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar (l-Artikolu 279(c) tal-Kodiċi Ċivili).

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Peress li l-qrati jiftħu fil-ġranet tax-xogħol biss, u l-Ħdud u l-festi pubbliċi huma meqjusa bħala btajjel ġudizzjarji, il-perjodi li jintemmu l-Ħadd jew f’festa pubblika jiġu estiżi sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss jekk l-att ikkonċernat ikun irid isir fil-qorti.

Ir-regola għall-kalkolu tat-termini proċedurali kollha hija li tmiem il-perjodu għat-twettiq ta’ att proċedurali jiġi estiż sal-jum tax-xogħol li jkun imiss jekk jaħbat ma’ data meta l-qorti tkun magħluqa (l-Artikolu 138(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

It-terminu proċedurali stabbilit mil-liġi jista’ jiġi estiż fil-każijiet previsti.

Bi qbil mal-partijiet, it-terminu jista’ jiġi estiż darba u għall-istess tul taż-żmien (l-Artikolu 141 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fil-każ ta’ impediment ġustifikat: il-liġi tippermetti estensjoni tat-terminu (l-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-liġi tippermetti wkoll li l-att jitwettaq fl-ewwel tlett ijiem tax-xogħol wara l-iskadenza tat-terminu, soġġett għall-ħlas ta’ multa (ara l-Artikolu 139 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

It-terminu għall-preżentata ta’ appell huwa ta’ 30 jum li jibdew jgħoddu min-notifika tad-deċiżjoni (l-Artikolu 638 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), u 15-il jum għal kawżi urġenti u fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 644(2) u fl-Artikolu 677 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

F’dawk il-każijiet fejn id-deċiżjoni ma tiġix notifikata: il-perjodu jibda jiddekorri minn dakinhar li l-persuna kkonċernata tkun saret taf bid-deċiżjoni.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

It-termini proċedurali statutorji ma jistgħux jitqassru. Madankollu, il-Qorti tista’ tistabbilixxi data jew terminu għad-dehra tal-partijiet involuti.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Meta ċ-ċitazzjoni tiġi nnotifikata barra miż-żona ġeografika tad-distrett tal-qorti fejn il-kawża tkun pendenti, it-terminu għall-persuna mħarrka biex tippreżenta difiża biex tikkontesta talba ċivili partikolari jiġi estiż (l-Artikolu 245 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

L-iskadenza tat-terminu obbligatorju jxejjen id-dritt li jitwettaq l-att. Madankollu, l-att jista’ jitwettaq wara l-iskadenza tat-terminu f’każ ta’ impediment ġustifikat u, irrispettivament minn hekk, jista’ jitwettaq ukoll fl-ewwel tlett ijiem tax-xogħol wara l-iskadenza, bil-kundizzjoni tal-ħlas immedjat ta’ multa (l-Artikolu 139 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

L-att jista’ jsir wara l-iskadenza tat-terminu f’każijiet ta’ impediment ġustifikat.

Skont l-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, impediment ġustifikat jitqies bħala avveniment mhux attribwibbli lill-parti jew lir-rappreżentanti jew lill-aġenti awtorizzati tagħha li jipprevjeni att partikolari milli jitwettaq fi żmien xieraq. F’dan il-każ, il-parti li tallega l-impediment iġġustifikat jenħtieġ li tipprovdi minnufih l-evidenza ta’ sostenn.

Irrispettivament minn impediment ġustifikat, l-att jista’ jsir fi żmien l-ewwel tlett ijiem tax-xogħol wara l-iskadenza tat-terminu, bil-kundizzjoni tal-ħlas immedjat ta’ multa, kif intqal hawn fuq, u l-qorti tista’, b’mod eċċezzjonali, tiddeċiedi li tnaqqas jew taħfer il-multa f’każijiet ta’ problemi finanzjarji ċari jew meta l-ammont jitqies bħala manifestament sproporzjonat, partikolarment f’kawżi li ma jirrikjedux li jitqabbad rappreżentant legali u meta l-att ikun sar mill-partijiet stess.

Links relatati

L-aħħar aġġornament: 12/06/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.