

Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-atti proċedurali jridu jitwettqu sa skadenzi speċifiċi (términos) jew fil-perjodi ta’ żmien (plazos) stipulati mil-liġi.
Skadenza tispeċifika ż-żmien sa meta jrid iseħħ att proċedurali partikolari.
Perjodu ta’ żmien jispeċifika ż-żmien disponibbli għat-twettiq tal-proċess. Il-perjodi jistgħu jiġu espressi f’jiem, ġimgħat, xhur jew snin.
Jekk il-liġi ma tistipula ebda perjodu ta’ żmien jew skadenza, għandu jinftiehem li l-att irid jitwettaq mingħajr dewmien.
Madankollu, jeħtieġ li jiġi applikat il-kriterju tal-proporzjonalità, u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) jintroduċu l-kunċett ta’ żmien raġonevoli (li jqis fatturi bħall-kumplessità tal-kawża, kemm normalment jieħu żmien it-tip ta’ kawża inkwistjoni, l-interessi tal-litigant u l-aġir proċedurali tiegħu, l-aġir tal-awtoritajiet jew il-kunsiderazzjoni tar-riżorsi disponibbli). Madankollu, jekk il-qorti tonqos milli tirrispetta l-kunċett ta’ żmien raġonevoli, dan jaffettwa d-dritt stabbilit fl-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola.
Barra minn hekk, in-nuqqas mill-qrati u mill-persunal tal-qorti li josservaw l-iskadenzi u l-perjodi ta’ żmien mingħajr raġuni valida jwassal għal azzjoni dixxiplinarja skont il-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura (Ley Orgánica del Poder Judicial). Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-parti danneġġjata li titlob kwalunkwe danni li jistgħu jkunu dovuti.
Minbarra l-perjodi ta’ żmien proċedurali, hemm il-kwistjoni separata tat-termini għall-eżerċitar tad-drittijiet legali sostantivi (limitazzjoni u preskrizzjoni).
Fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, ir-Regolament Nru 1182/71 bħalissa qed jiġi traspost fil-liġi nazzjonali mill-Artikolu 48 tal-Liġi li tistabbilixxi s-Sistema Legali li tirregola l-Korpi Pubbliċi u l-Proċedura Amministrattiva Komuni (Ley de Régimen Jurídico de las Administraciones Públicas y del Procedimiento Administrativo Común). L-Artikolu 48 jistipula dan li ġej:
Il-kalendarju jrid jiġi ppubblikat qabel il-bidu ta’ kull sena fil-gazzetta uffiċjali rilevanti u f’midja oħra sabiex jiġi żgurat li jkun magħruf mal-pubbliku.
LINK tal-WEB għall-kalendarju tal-jiem tax-xogħol fl-2022.
Għall-fini tal-proċedimenti ġudizzjarji, il-jiem mhux tax-xogħol huma stipulati fl-Artikolu 182 tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura. Dan jistabbilixxi dan li ġej:
Skont l-Artikolu 183 tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura, il-jiem f’Awwissu huma jiem mhux tax-xogħol għall-proċeduri ġudizzjarji kollha, bl-eċċezzjoni tal-proċeduri ddikjarati bħala urġenti mil-liġijiet proċedurali.
Ir-regoli huma stabbiliti fl-Artikoli 130 sa 136 tal-Kapitolu II, it-Titolu V, il-Ktieb I tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil) 1/2000, kif emendata mil-Liġi 42/2015 tal-5 ta’ Ottubru 2015.
Il-karatteristiċi ewlenin tar-regoli attwali huma dawn li ġejjin:
(a) Il-proċeduri ġudizzjarji kollha jridu jitwettqu fil-jiem tax-xogħol u waqt is-sigħat tax-xogħol:
Il-jiem tax-xogħol huma l-jiem kollha tas-sena minbarra s-Sibtijiet u l-Ħdud u l-btajjel pubbliċi lokali, reġjonali u nazzjonali. Il-jiem f’Awwissu huma wkoll jiem mhux tax-xogħol u l-qrati ma jibagħtux notifiki elettroniċi lill-prattikanti legali f’dawn il-jiem, sakemm dawn ma jitqisux bħala jiem tax-xogħol għall-finijiet tal-formalitajiet inkwistjoni.
Is-sigħat tax-xogħol huma mit-8 ta’ filgħodu sat-8 ta’ filgħaxija, sakemm il-liġi ma tistipulax mod ieħor għal proċedura speċifika. Għall-finijiet ta’ notifika u infurzar, is-sigħat mit-8 sal-10 ta’ filgħaxija dejjem jitqiesu bħala sigħat tax-xogħol.
Permezz ta’ eċċezzjoni, għal ċerti proċeduri, bħall-preżentazzjoni ta’ offerti f’irkant elettroniku, it-terminu jiġi definit f’termini ta’ jiem kalendarji, u ma hemmx sigħat mhux tax-xogħol. L-Artikolu 649 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili jistabbilixxi perjodu ta’ għoxrin jum tal-kalendarju mill-bidu tal-irkant, u l-irkant ma jagħlaqx qabel siegħa wara li ssir l-aħħar offerta, diment li din tkun ogħla mill-ogħla offerta preċedenti, anki jekk dan ikun ifisser li l-perjodu inizjali ta’ għoxrin jum jiġi estiż b’sa 24 siegħa.
(b) Il-jiem u l-ħinijiet jistgħu jitqiesu bħala jiem u sigħat tax-xogħol għall-finijiet tal-proċeduri meqjusa bħala urġenti, jiġifieri meta dewmien jista’ jkun serjament detrimentali għall-partijiet ikkonċernati jew għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jew ikun jista’ jagħmel deċiżjoni tal-qorti ineffettiva. (Eżempji jinkludu dħul mhux volontarju fi sptar psikjatriku u miżuri ġudizzjarji meħuda fl-aħjar interess tal-minuri f’kunflitti li jirriżultaw minn proċeduri ta’ qorti ċivili.) Dan jista’ jsir fuq l-inizjattiva tal-qorti jew fuq talba tal-parti kkonċernata, u jista’ jiġi ordnat mill-konsulent legali jew mill-qorti nnifisha, skont kif ikun il-każ.
Fi kwalunkwe każ, jistgħu jittieħdu miżuri urġenti f’Awwissu mingħajr il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni espressa. Bl-istess mod, l-awtorizzazzjoni mhijiex meħtieġa jekk il-miżuri urġenti mibdija matul is-sigħat tax-xogħol ikollhom neċessarjament jitkomplew f’sigħat mhux tax-xogħol.
(ċ) Fir-rigward tal-kalkolu tal-perjodi ta’ żmien, il-perjodu jibda jiddekorri mill-jum wara dak tan-notifika legali tal-bidu tal-perjodu, u jinkludi l-aħħar jum tal-perjodu, li jintemm f’nofs il-lejl.
Madankollu, meta l-liġi tistipula li perjodu ta’ żmien jibda jiddekorri hekk kif jiskadi perjodu ta’ żmien ieħor, huwa jibda jiddekorri mill-għada tal-iskadenza tal-perjodu ta’ qabel, mingħajr il-ħtieġa ta’ notifika ġdida.
(d) Għall-preżentata tad-dokumenti tat-talbiet (l-Artikolu 135 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili) hemm żewġ mezzi ta’ komunikazzjoni bejn il-qorti u l-litiganti:
Ikun xi jkun il-metodu ta’ preżentata li jintuża, kwalunkwe dokumenti li huma soġġetti għal terminu jistgħu jiġu ppreżentati sat-3 p.m. fil-jum tax-xogħol wara dak li fih jiskadi l-perjodu ta’ żmien.
Fil-proċedimenti fil-qrati ċivili, id-dokumenti tat-talbiet ma jistgħux jiġu ppreżentati lill-qorti responsabbli.
(e) Il-perjodi ta’ żmien ma jistgħux jiġu estiżi: jekk parti tonqos milli tosserva t-terminu, hija titlef l-opportunità li twettaq l-att proċedurali inkwistjoni.
LINK TAL-WEB:
LIĠI DWAR IL-PROĊEDURA ĊIVILI (LEY DE ENJUICIAMIENTO CIVIL)
Ir-regola ġenerali fl-Artikolu 151 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili hija li l-avviż tad-deċiżjonijiet kollha maħruġa mill-qrati jew mill-konsulenti legali jrid jiġi nnotifikat fi żmien tlett ijiem mid-data tad-deċiżjoni jew mid-data tal-pubblikazzjoni.
L-Artikolu 151(2) jiddikjara li meta l-avviż jiġi nnotifikat lill-Prosekutur Pubbliku, lis-Servizz Legali tal-Gvern, lill-Konsulent għall-Cortes Generales u lill-Assemblej Leġiżlattivi jew lill-Konsulent għas-Servizz Legali tal-Amministrazzjoni tas-Sigurtà Soċjali jew lil korpi oħrajn tal-Komunità Awtonoma jew lil organizzazzjonijiet tal-Gvern Lokali, u meta l-avviż jiġi nnotifikat permezz tal-Korpi Professjonali li jirrappreżentaw lir-Rappreżentanti Proċedurali tal-Qorti, dan jitqies bħala li ngħata fil-jum tax-xogħol li jkun imiss wara d-data tal-wasla rreġistrata fir-reġistru formali, jew fil-konferma tal-wasla meta l-avviż ikun ġie nnotifikat b’mod elettroniku jew online. Meta l-avviż jintbagħat wara t-3 p.m., huwa jitqies bħala li wasal fil-jum tax-xogħol ta’ wara.
L-Artikolu 151(3) iżid li meta l-kunsinna ta’ dokument jew ordni li għandha takkumpanja l-avviż isseħħ f’data sussegwenti għar-riċevuta tal-avviż, l-avviż jitqies li jkun ingħata meta l-kunsinna tad-dokument tkun ġiet irreġistrata, sakemm l-effetti tal-avviż ikunu marbuta mad-dokument.
Meta l-avviż ta’ deċiżjoni jiġi nnotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju jew bil-posta, id-data rilevanti hija d-data li fiha d-dokument jiġi kkonsenjat mill-uffiċjal ġudizzjarju jew mis-servizz postali u ffirmat malli jiġi riċevut.
Meta l-avviż jiġi nnotifikat permezz ta’ pubblikazzjoni skont l-Artikolu 164 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili minħabba li l-indirizz tal-konvenut ma jkunx magħruf, il-perjodu jibda jiddekorri mill-għada li l-avviż jitpoġġa fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti jew jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Istat Uffiċjali jew b’mod elettroniku, kif applikabbli.
Meta jkun meħtieġ li l-kopji tad-dokumenti ppreżentati mir-rappreżentanti tal-qorti jiġu ttrasferiti lir-rappreżentanti tal-qorti tal-partijiet l-oħrajn, l-Artikolu 278 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili jistipula li jekk, bil-liġi, l-att ittrasferit jiskatta l-bidu ta’ perjodu ta’ żmien li fih ikun meħtieġ li jittieħed pass proċedurali, dak il-perjodu jibda jiddekorri mingħajr l-involviment tal-qorti u jiġi kkalkolat mid-data wara dik irreġistrata fuq il-kopji li ġew ittrasferiti jew mid-data li fiha jitqiesu bħala li ġew ittrasferiti, meta jkunu ġew ikkonsenjati b’mod elettroniku.
Il-kalkolu jibda mill-għada tal-jum li fih ikun seħħ l-avveniment li bil-liġi jiskatta l-bidu tal-perjodu ta’ żmien.
Il-jiem mhux tax-xogħol huma esklużi mill-kalkoli tal-perjodi ta’ żmien, ħlief kif spjegat hawn fuq għal offerti f’irkanti elettroniċi, fejn il-perjodu jkun espress f’jiem kalendarji.
Meta jiġu kkalkolati l-perjodi ta’ żmien għal azzjonijiet urġenti, il-jiem f’Awwissu ma jiġux ikklassifikati bħala jiem mhux tax-xogħol: huma biss is-Sibtijiet, il-Ħdud u l-btajjel pubbliċi li jiġu esklużi mill-kalkolu.
Il-perjodi ta’ żmien espressi f’xhur jew snin jiġu kkalkolati minn data għal oħra. Il-leġiżlazzjoni Spanjola ma tipprevedix perjodi ta’ żmien espressi f’ġimgħat.
Jekk ma jkun hemm ebda data ekwivalenti għad-data tal-bidu fl-aħħar xahar tal-perjodu, id-data ta’ skadenza titqies bħala li hija l-aħħar jum tax-xahar.
Meta terminu jiskadi nhar ta’ Sibt, Ħadd jew f’jum mhux tax-xogħol ieħor, huwa jitqies bħala li ġie estiż sal-jum tax-xogħol li jkun imiss.
Il-perjodi ta’ żmien ma jistgħux jiġu estiżi. Madankollu, il-perjodi jistgħu jiġu interrotti u l-iskadenzi jiġu estiżi meta ma jkunux jistgħu jiġu osservati għal raġunijiet ta’ force majeure. F’dawn il-każijiet, l-arloġġ jerġa’ jibda meta tkun waqfet tapplika r-raġuni għall-interruzzjoni jew l-estensjoni. Il-qorti, fuq mozzjoni tagħha stess jew fuq talba tal-parti affettwata mis-sitwazzjoni, trid issib provi ta’ tali sitwazzjoni ta’ force majeure f’seduta ta’ smigħ li għaliha attendew il-partijiet l-oħrajn (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 13).
It-termini għad-diversi tipi ta’ appell huma stabbiliti mil-liġi u ma jistgħux jiġu estiżi. Għall-appelli lill-qorti superjuri li jmiss (recursos de apelación) u lill-Qorti Suprema (recursos de casación), il-perjodu ta’ żmien huwa ta' 20 jum mill-jum wara n-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja (l-Artikolu 458 u 479 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).
It-termini statutorji ma jistgħux jiġu estiżi. F’xi każijiet, il-liġi tesiġi li l-qorti tiffissa data u ħin speċifiċi għal att.
Bħala eċċezzjoni, hemm dispożizzjoni sabiex il-perjodi jiġu interrotti u l-iskadenzi jiġu estiżi fil-każ ta’ force majeure:
Iż-żewġ partijiet jistgħu, permezz ta’ ftehim reċiproku, japplikaw ukoll sabiex il-proċedimenti jiġu sospiżi, mingħajr ma jagħtu raġunijiet, sabiex ikunu jistgħu jipprovaw jilħqu ftehim jew soluzzjoni jew jissottomettu ruħhom għal medjazzjoni jew arbitraġġ. Il-proċedimenti ma jistgħux jiġu sospiżi għal aktar minn 60 jum jew sakemm titlesta l-medjazzjoni (l-Artikolu 19(4) u l-Artikolu 415 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).
Jekk isir rikors għal għajnuna legali, hemm żewġ xenarji possibbli, koperti mill-Artikolu 16 tal-Liġi 1/1996 tat-10 ta’ Jannar 1996 (il-Liġi dwar l-Għajnuna Legali), kif emendata mil-Liġi 42/2015 imsemmija hawn fuq:
Fi kwalunkwe każ, il-perjodu ta’ limitazzjoni jerġa’ jibda jiskatta meta r-rikorrent jiġi nnotifikat bil-ħatra proviżorja ta’ avukat mill-Kamra tal-Avukati (Colegio de Abogados) jew, fejn applikabbli, meta l-Bord tal-Għajnuna Legali joħroġ id-deċiżjoni tiegħu dwar jekk jagħtix għajnuna legali u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn minn meta jsir ir-rikors.
Jekk ir-rikors jiġi miċħud, ikun abbużiv u intiż biss sabiex jestendi l-perijodi ta’ żmien, il-qorti adita bil-kawża tista’ tikkalkola l-perijodi ta’ żmien fl-aktar termini stretti permessi mil-liġi, bil-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan.
Fi proċedimenti orali li jinvolvu żgumbrament minħabba inadempjenza ta’ ħlas jew l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien, l-Artikolu 441(5) tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi każ ieħor ta’ sospensjoni tal-proċedimenti meta s-servizzi soċjali jikkonfermaw li l-unità domestika milquta tkun f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà soċjali u/jew ekonomika. Ir-Reġistratur tal-Qorti, malli jirċievi l-komunikazzjoni, jissospendi l-proċedimenti sakemm jiġu adottati l-miżuri meqjusa xierqa mis-servizzi soċjali, għal perjodu massimu ta’ xahar minn meta tasal il-komunikazzjoni mis-servizzi soċjali lill-qorti, jew fi żmien tliet xhur jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika. Ladarba l-miżuri jkunu ttieħdu jew il-perjodu jkun skada, is-sospensjoni titneħħa u l-proċedura titkompla.
Mhux applikabbli.
B’mod ġenerali, parti li tonqos milli tikkonforma ma’ perjodu ta’ żmien jew skadenza titlef id-dritt li twettaq l-azzjoni inkwistjoni (l-Artikolu 136 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili). Uħud mill-aktar eżempji sinifikanti huma dawn li ġejjin:
Meta parti tiġi informata li l-iskadenza għal azzjoni partikolari skadiet, li wasslet għall-bidu tal-istadju proċedurali li jmiss, jew meta s-sottomissjoni jew ir-rikors ta’ parti jiġu rrifjutati minħabba li jkunu tardivi, il-parti tista’ tappella kontra d-deċiżjoni. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk id-difiża għal talba tiġi rrifjutata minħabba li tkun ġiet ippreżentata wara l-iskadenza.
Xi ħadd li jkun ġie kkundannat in absentia u li s-sentenza tkun ġiet innotifikata lilu personalment jista’ jappella biss permezz ta’ appell lill-qorti superjuri li jmiss (recurso de apelación) jew lill-Qorti Suprema (recurso de casación). Dawn ir-rotot tal-appell huma disponibbli wkoll meta l-avviż jiġi nnotifikat permezz ta’ pubblikazzjoni f’pubblikazzjonijiet uffiċjali jew b’mod elettroniku. Fiż-żewġ każijiet, l-appell irid jitressaq fil-perjodu stipulat mil-liġi (l-Artikolu 500 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).
Meta xi ħadd ikun naqas b’mod persistenti milli jidher quddiem il-qorti, huwa jista’ jitlob li sentenza finali tiġi annullata jekk ma jkunx jista’ jidher quddiem il-qorti jew jekk ma jkunx jaf bl-eżistenza tal-proċedimenti għal raġunijiet ta’ force majeure (l-Artikolu 501 u s-segwenti tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.