Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Fil-prinċipju l-liġi tippermittih dan. Madankollu, fil-prattika għadu mhuwiex possibbli kullimkien, madwar l-istati federali kollha (Länder) u fit-tipi kollha ta’ proċedimenti. Il-mistoqsija dwar jekk huwiex permess tiddependi fuq jekk, u sa liema punt, l-istat ikkonċernat ikun għażel li jintroduċi r-regolamenti li jipprovdu għalih. Iktar informazzjoni hija disponibbli mis-servizzi tal-qorti (Landesjustizverwaltungen) tal-istati federali.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Jekk huwiex permess jew le jiddependi fuq jekk, u sa liema punt, l-istat federali rilevanti jkun introduċa r-regolamenti li jipprovdu għalih. Iktar informazzjoni hija disponibbli mis-servizzi tal-qorti tal-istati federali. Ċerti proċedimenti jistgħu jitwettqu kompletament b’mod elettroniku. Eżempji jinkludu proċedimenti ta’ reġistrazzjoni, il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas (Mahnverfahren) u, f’ċerti każijiet, proċedimenti għal imġiba ħażina (Ordnungswiedrigkeiten).

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Fejn l-istati federali jkunu introduċew regolamenti li jipprovdu għal proċeduri ġuridiċi elettroniċi (ara l-mistoqsija 1), id-dokumenti elettroniċi jistgħu jiġu ppreżentati f’kull ħin.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Il-ħtiġijiet tekniċi huma speċifikati mir-regolamenti tal-istat federali (ara l-mistoqsija 1).

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Il-ħtiġijiet tekniċi huma speċifikati mir-regolamenti tal-istat federali (ara l-mistoqsija 1). Ġeneralment huma jeħtieġu li d-dokumenti jintbagħtu permezz tal-format OSCI (interfaċċa tal-kompjuter għal servizzi onlajn), li huwa komponent tas-soluzzjoni ta’ softwer użata, magħrufa bħala EGVP (mailbox elettronika tal-qrati u tal-amministrazzjoni).

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Il-messaġġ fih innifsu ma għandux għalfejn ikun neċessarjament iffirmat. L-applikazzjonijiet individwali sottomessi jeħtieġu t-tip ta’ firma speċifikata fir-regoli proċedurali rilevanti. Ġeneralment, din tkun firma elettronika kwalifikata.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Jista’ jkun hemm tariffi tal-qorti; jiddependi fuq it-tip ta’ kawża. Hemm varji modi biex tħallas: fattura, debitu dirett u pagament elettroniku.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Dan jista’ jsir. Japplikaw ir-regoli tas-soltu.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Ma hemm l-ebda obbligu biex jintuża l-internet. Japplikaw ir-regoli tas-soltu.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Japplikaw ir-regoli tas-soltu.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Japplikaw ir-regoli tas-soltu.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Fil-prinċipju l-liġi tippermittih dan. Madankollu, fil-prattika għadu mhuwiex possibbli kullimkien, madwar l-istati federali kollha u fit-tipi kollha ta’ proċedimenti. Il-mistoqsija dwar jekk huwiex permess tiddependi fuq jekk, u sa liema punt, l-istat ikkonċernat ikun għażel li jintroduċi r-regolamenti li jipprovdu għalih. Iktar informazzjoni hija disponibbli mis-servizzi tal-qorti tal-istati federali.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

It-Taqsima 174(3), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung) tipprovdi li deċiżjonijiet jistgħu jiġu notifikati lill-avukati, nutara, bailiffs u konsulenti tat-taxxa f’forma elettronika. Id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu notifikati lil partijiet oħra f’forma elettronika biss jekk huma jkunu taw kunsens b’mod espressiv biex jirċievu dokumenti elettroniċi.

Fil-prattika, prinċipalment dan jiġri fi proċedimenti tar-reġistru.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Iva, trażmissjoni ta’ sentenza tal-qorti f’forma elettronika hija ġeneralment possibbli. Fil-prattika, prinċipalment dan jiġri fi proċedimenti tar-reġistru.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Huwa possibbli li jiġi ppreżentat appell b’dan il-mod jekk regolament ta’ stat federali jkun ipprovda għal proċeduri ġuridiċi elettroniċi fil-qorti in kwistjoni. It-Taqsima 174(3), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tipprovdi li deċiżjonijiet jistgħu jiġu notifikati lill-avukati, nutara, bailiffs u konsulenti tat-taxxa f’forma elettronika. Id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu notifikati lil partijiet oħra f’forma elettronika biss jekk huma jkunu taw kunsens b’mod espressiv biex jirċievu dokumenti elettroniċi.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Le, dan mhuwiex possibbli.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Ġeneralment dan mhuwiex possibbli. Madankollu, ċerti stati federali jipprovdu għaliha, tal-inqas f’kawżi quddiem il-qrati amministrattivi u tad-dħul (Verwaltungsgerichte, Finanzgerichte). Ċerti stati federali jipprovdu għaliha wkoll f’kawżi tar-reġistru tal-artijiet u ta’ reġistri oħrajn. Id-dati tas-seduti ta’ smigħ fi proċedimenti ċivili jistgħu jiġu vverifikati elettronikament f’xi każijiet.

L-aħħar aġġornament: 04/05/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.